Min Qalb L-Iljuni 2020

Page 42

30 sena Benniena Mużikali

Ikellimna d-Delegat tal-Banda Peter Paul Caruana

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi li ġew fuqna bla mistenni f’dawn l-aħħar xhur, nistgħu ngħidu li għall-ewwel darba fi tletin sena, il-vuċi tal-Banda Birżebbuġa, bħall-baned l-oħra kollha ta’ pajjiżna, inħanqet. L-impenji kollha ppjanati li kellha l-banda tagħna ma sarux. Kif ninsab konvint illi qrajtu diġà f’paġni oħra ta’ din il-pubblikazzjoni, din is-sena kienet xi ftit jew wisq iktar importanti u speċjali għalina l-partitarji minħabba t-tletin sena anniversarju (19902020) mit-twaqqif tas-Soċjetà. Ironikament, matul is-sena 2020 li fiha kellna ppjanati diversi attivitajiet u servizzi speċjali, l-ewwel servizz kellu jkun l-uniku wieħed s’issa! Dan kien ilprogramm Mill-Bandisti għall-Membri u sar fis-sala tal-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa nhar is-Sibt 29 ta’ Frar. Dan il-programm ilu jittella’ mis-sena 1996 u jsir bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Kattedra ta’ San Pietru Appostlu li taħbat nhar it-22 ta’ Frar. Minbarra s-servizzi li issa saru parti integrali millkalendarju tagħna, il-popolarità tal-Banda Birżebbuġa

40

kompliet tikber, għax żewġ organizzaturi oħra tal-festi għoġobhom jikkuntattjawna sabiex inwettqu servizz mużikali fil-festa tagħhom. Kellna ppjanat illi ndoqqu fil-festa tal-Madonna tadDuttrina, illi ssir f’Lulju f’Ħal Tarxien kif ukoll għall-ewwel darba konna se naqsmu l-fliegu u f’Awwissu mmorru ndoqqu fil-festa ta’ Santa Marija, fiż-Żebbuġ, Għawdex. Nittamaw illi ma’ dawn il-postijiet u mal-postijiet l-oħra li qegħdin juru fiduċja fina, inkunu nistgħu nonorawhom bis-servizz mużikali tagħna fis-snin illi ġejjin. Minkejja li ninsabu diżappuntati anke minħabba n-nuqqas tal-festa titulari, madankollu m’għandu jkun xejn illi jaqtagħlna qalbna, u kemm jien kif ukoll sħabi l-bandisti u l-membri nħarsu ’l quddiem sabiex inkomplu b’ħidmietna sabiex immexxu l-banda ta’ Birżebbuġa dejjem ’il quddiem. Nittamaw illi dan iż-żmien ma jtulx wisq ħalli hekk kif jgħaddi kollox ingawdu iktar minn qatt qabel u niċċelebraw dan l-anniversarju. Inħallu f’idejn il-patrun tagħna, il-maħbub Appostlu San Pietru sabiex jieħu ħsiebna. Viva San Pietru!

Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990 Minn Qalb l-Iljuni – Edizzjoni 31 – Festa 2020


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.
Min Qalb L-Iljuni 2020 by Banda Birzebbuga A.D. 1990 - Issuu