1 minute read

Il-Ħidma fil-Każin ma waqfet qatt

Steve Briffa

Kien ilu jinħema l-pjan illi s-sular terran tal-binja l-antika tal-każin tagħna jiġi mtejjeb għaż-żminijiet tal-lum, imma minħabba l-attività għaddejja ta’ kuljum fil-każin, is-Soċjetà dejjem baqgħet tittratieni u għalhekk dan il-proġett qatt ma mmaterjalizza. Kif ilkoll nafu u qrajna, bħala prekawzjoni mit-tixrid talCoronavirus, il-każini tal-banda wkoll kellhom jingħalqu f’nofs Marzu. U ma’ dan, ħafna minna l-volontiera minħabba li ħadna r-risposta li lanqas il-festa titulari ma kienet se ssir, waqafna mill-ħidma tagħna fl-oqsma involuti fihom. Kif jgħidu l-Ingliżi, din kienet blessing in diguise għax kienet l-ixprun sabiex minflok ingħaqadna fil-bini tal-każin sabiex ħloqna disinn u bdiet il-ħidma ġmielha…

Advertisement

Il-ħsieb tal-bidu kien illi nirranġaw l-entraturi talkażin, għax l-ewwel ma tiekol l-għajn, u għalhekk bdejna bil-bordura tas-suffetti tal-entraturi kif ukoll billi qaxxarna l-ħitan u ġew fuq il-fil. Ħadna l-opportunità sabiex iddisinjajna niċċa, u l-istatwa ta’ San Pietru,

proprjetà oħra tas-Soċjetà u mżanżna fl-1991 tpoġġiet fiha. B’hekk, il-patrun tagħna se jkun jista’ jibqa’ jitgawda għal sena sħiħa fis-sular ta’ isfel talbini tal-każin. Il-proġett tagħna tkompla billi saret sistema ta’ illuminazzjoni aħjar. Kif jgħidu, ħaġa taqla’ oħra u għalhekk kif rajna li l-perjodu tal-għeluq tal-bini tal-każin se jtawwal, komplejna naqilgħu s-sular ta’ isfel kollu. Iżżarma l-bottegin kollu minn taħt it-taraġ u ġie faċċata. Barra minn hekk, tranġaw il-kmamar sanitarji u saret sistema ta’ drenaġġ ġdida minbarra li fis-soqfa saru suffetti ta’ stil modern illi jikkumplimentaw immens malistil tal-binja tal-każin tagħna. Il-Kumitat Eżekuttiv ħa d-deċiżjoni li l-każin għalissa jinżamm magħluq ħalli x-xogħol ikun jista’ jitkompla, u b’hekk fil-ġimgħat illi ġejjin se jkun qed jinfetaħ b’mod temporanju. Mingħajr ma nsemmi ismijiet, nagħlaq billi nirringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom, min ftit u min ħafna sabiex dan il-proġett ikun jista’ jimmaterjalizza ruħu b’mod professjonali u fi żmien qasir. B’hekk, b’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li għamilna proġett ieħor frott it-tfal ta’ Birżebbuġa.

This article is from: