1 minute read

L-Indirizz tal-President

Chev. Alexander Caruana O.S.J.

Il-Malti jgħid illi wara l-maltemp jiġi l-bnazzi u dan huwa l-awgurju tiegħi għal wara li jgħaddi dan iż-żmien hekk diffiċli li għexna u għadna qed ngħixu minħabba l-pandemija Covid 19 li ħasdet lid-dinja kollha. Min qatt kellu jgħidilna li għall-ewwel darba f’ħajjitna m’aħniex se nkunu nistgħu nagħmlu festa sabiħa u kbira bħas-soltu?! Anzi tal-inqas nistgħu nirringrazzjaw lill-Ħanin Alla li se nagħmlu festa ċkejkna li fiha xorta ningħaqdu flimkien bħala komunità waħda magħquda taħt il-patroċinju talpatrun maħbub tagħna San Pietru Appostlu.

Advertisement

Imma s-sodisfazzjon tiegħi huwa li fejn kważi d-dinja kollha waqfet tistenna dan iż-żmien jgħaddi, bis-saħħa ta’ ħafna membri dedikati rnexxielna nagħmlu ħafna xogħol fis-sede tagħna, speċjalment fis-sular t’isfel tal-każin, u għalkemm s’issa x-xogħol għadu mhux komplut, diġà jidher sew kemm se jkollna entratura u bottegin mill-isbaħ kif tassew jixirqilna. Ta’ dan irrid nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu u lil dawk illi qegħdin jgħinu b’mod finanzjarju sabiex dan kollu jkun jista’ jsir fi żmien hekk qasir.

Nawgura l-isbaħ xewqat lil sħabi kollha tal-Kumitat Ċentrali u lin-nisa tagħna tas-sagrifiċċji kbar illi jagħmlu sabiex aħna nkunu nistgħu naħdmu għall-ġid tasSoċjetà. Insellem lis-Surmast Michael Bugelli li wkoll qed jagħlaq 30 sena Direttur tal-banda tagħna, lissezzjonijiet, bandisti u membri kollha, lis-Sindku u sħabi l-Kunsilliera u lil dawk kollha li dejjem jaħdmu għallġid ta’ Birżebbuġa u għall-festa tagħna, speċjalment lill-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen u lill-Grupp Armar 1 ta’ Awwissu. Nawgura l-festa t-tajba lil kulħadd. Nitolbu lil San Pietru jibqa’ jberikna!

Viva San Pietru u Viva Birżebbuġa!

This article is from: