3 minute read

Mill-Pinna tal-Editur

Christopher Bonnici B.A.(Hons); M.A.; ALCM

Il-Bniedem Jipproponi…

Advertisement

…u Alla jiddisponi! Hekk qed nimmaġina li hemm min qed jgħid f’qalbu kif ra dan it-titlu. Fil-bidu, hekk għedt jien ukoll, ta’ bniedem uman illi jien. Mela qatt xi darba għaddieli minn moħħi u wisq anqas minn qalbi li l-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu jkolli nitlaq kemm jista’ jkun ’il bogħod minn Birżebbuġa, għax kif nersaq lil hawn, ma nkunx niflaħ inlissen kelma bid-dwejjaq illi jaħkmuni. Għax ma nħobbx Birżebbuġa? Naħseb tant kemm inħobbha! Ma nista’ naċċettaha b’xejn illi m’aħniex se niċċelebraw il-festa ta’ San Pietru Appostlu, il-Patrun tagħna bħassoltu. Madankollu, din is-sitwazzjoni, mhix tagħna biss imma ta’ kull festa, għax din is-sena ġiet fuqna mingħajr ma stennejnieha. Ma konniex aħna li ddeċidejna li jkollna festa ridotta. Imma għax hekk hemm bżonn. U nixtieq illi niddedika din il-pubblikazzjoni għal dawk kollha li matul is-snin ħadmu għall-festa tagħna minn kull aspett, intern u estern.

Niftakar

Hekk kif wasalna għal din il-festa ridotta, irrid niftakar, illi iva, ninsabu fis-sena 2020, is-sena li ilna tant insemmu u nistennew għaliex fiha qegħdin infakkru t-tletin sena mill-fondazzjoni tas-Soċjetà tagħna. Irrid niftakar fil-pedamenti li sawru din is-soċjetà, kull min b’xi mod jew ieħor serva lil din is-soċjetà, f’xi kariga jew oħra, f’dawk illi ma għadhomx magħna, f’dawk illi għadhom magħna u għadhom jgħinuna u f’dawk illi ħassew illi għandhom joqogħdu fil-ġenb. Irrid niftakar ukoll f’dawk kollha, Maltin u barra minn pajjiżna li ħin bla waqt sfaw vittmi ta’ din il-pandemija, tilfu ħajjithom jew tilfu lil xi ħadd għażiż, dawk illi huma jew xi ħadd għażiż għalihom marad u dawk illi l-piż mentali ta’ din il-kundizzjoni affettwahom ukoll.

Grazzi

L-ewwel grazzi nixtieq nagħtiha b’mod personali lit-tmexxija ta’ din is-soċjetà tal-fiduċja li wriet fija għat-tieni sena konsekuttiva, mhux biss sabiex inkun l-Editur, imma talli fdat fit-talenti mużikali tiegħi, is-sena l-oħra billi ħatritni l-Għalliem tat-Teorija u din is-sena billi ħatritni l-Assistent Surmast Direttur. Din mhix l-ewwel darba li kont assistent surmast direttur jew ngħallem f’xi soċjetà mużikali, madankollu għadkom ma tafux l-unur illi nħoss li qed nokkupa din il-kariga f’raħal twelidi li għalih tħabbat qalbi kull fejn inkun! Grazzi lilkom ilkoll illi ta’ kull sena tirreklamaw magħna fil-pubblikazzjoni u lilkom l-artikolisti li bil-kitbiet tagħkom tarrekkixxu mhux ftit il-livell għoli li din il-pubblikazzjoni laħqet matul issnin. Din is-sena ma fittixniekomx għall-artiklu, mhux għax ma nixtiqux illi nagħmlu ktieb mimli informazzjoni bħas-soltu, imma għax hekk ġiet… jekk Alla jrid, is-sena d-dieħla nirritornaw għal pubblikazzjoni ikbar u aħjar…

Il-Festa 2020

Bid-dmugħ f’għajnejja nissokta nitkellem dwar ilfesta ridotta. Issa l-waqt Birżebbuġjani… issa l-waqt tagħna li nuru xi nħobbu verament. Lil San Pietru jew il-festa ta’ San Pietru? Ma rridx ninstema’ filosofiku għax m’iniex. Imma jekk inħobbu l-festa ta’ San Pietru mhux ta’ b’xejn nagħmlu d-dwejjaq għax m’aħniex se niċċelebraw il-festa bħas-soltu. Jekk inħobbu lil San Pietru, iva ovvja… se nagħmlu d-dwejjaq għax m’aħniex se naraw l-armar bħas-soltu, għax m’aħniex se ngawdu s-sorpriżi u l-marċi brijużi bħas-soltu, għax m’aħniex se ngawdu l-programm vokali u strumentali fuq il-planċier, aktar u aktar f’din is-sena anniversarja meta konna se ngawdu l-Inno di Gloria Tu Es Petrus, għax m’aħniex se ngawdu l-ħarqa nar tal-ajru u tal-art. Imma għandna nkunu hemm, iktar mis-soltu fil-knisja sabiex nirringrazzjaw lil Alla l-Imbierek, lill-Madonna u lil San Pietru talli ħelisna mis-saram, u xorta waħda għandna niffullaw bi ħġarna għall-pellegrinaġġ blistatwa titulari. Kull min iħossu Birżebbuġjan wild San Pietru, dan l-appuntament ma jistax jitilfu. Irridu nuru li nħobbu lil San Pietru mhux għax f’ġieħu naqbżu filmarċ jew naħdmu n-nar… dawk affarijiet sbieħ u din is-sena nħossni vojt mingħajrhom, imma billi bħalu nieħdu ħsieb u nagħtu kas lil min verament għandu bżonn, b’xi telefonata jew messaġġ lil dak l-anzjan illi ma jistax ikun magħna jew lil dik il-mara li ma tistax toħroġ minn darha.

Nagħlaq billi nifraħ u nawgura lis-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa iktar suċċessi fil-futur qarib u mbiegħed u lill-poplu kollu ta’ Birżebbuġa festa sabiħa u l-aħħar messaġġ lilek għażiż Missier, parti mill-kliem huwa misluf mill-Kurunella, il-parti l-oħra millpinna fqira tiegħi: Xħin fil-ħabs xeħtek Erodi ħelsek l-anġlu tas-smewwiet; mill-irbit tad-dnub eħlisna, mill-frugħat u l-vizzjijiet;

Ħares lejna Patrun tagħna, f’dawn il-jiem hekk beżgħanin; bit-talb tiegħek aqilgħelna li fuq kull mard noħorġu rebbiħin.

Viva l-Appostlu Missierna San Pietru!

Viva s-Soċjetà Filarmonika San Pietru

Viva l-Banda Birżebbuġa – tal-Iljun!

This article is from: