
8 minute read
Tletin Sena Banda u Surmast Direttur
Mro. Michael Bugelli A.T.C.L.
Għeżież Benjamini, Ammiraturi u Segwaċi tal-Banda tagħna, L-2020 kellha tkun sena speċjali ħafna għalina tal-Banda Birżebbuġa minħabba t-30 sena anniversarju mit-twaqqif talbanda. Jiena wkoll qed niċċelebra dan l-anniversarju, għax ili sa mit-twaqqif ta’ din is-Soċjetà fid-direzzjoni ta’ din il-banda għażiża għalija. Din is-sena jkollna nistabru u nipposponu kollox għas-sena d-dieħla jekk il-Bambin irid. Kellna ppjanati ċelebrazzjonijiet kbar anke bissehem tal-banda, imma ma jimpurtax, dan issa nħalluh għaż-żmien li ġej meta l-affarijiet ikunu aktar siguri għal kulħadd.
Advertisement
Is-sena li għaddiet għamilna bosta programmi tajbin. Insemmi dak li normalment nagħmlu fil-knisja parrokkjali mal-banda l-oħra ta’ Birżebbuġa għall-Milied, kif ukoll ilprogramm annwali tal-Milied li nagħmluh għall-membri tagħna u għall-ġenituri tal-allievi. Fi Frar imbagħad żammejna mal-appuntament annwali tal-programm ‘Mill-Bandisti Għall-Membri’ li reġa’ kien programm ta’ kalibru u livell għoli.
Din is-sena f’dan il-programm reġa’ kellna s-sehem ta’ bandisti tal-post f’siltiet solisti li l-eżekuzzjoni tagħhom kienet impekkabbli għall-aħħar. Nieħu pjaċir ferm nara bandisti żgħar bravi ħafna li għandhom futur mużikali tajjeb ħafna jekk ipoġġu rashom hemm. IsSoċjetà tagħna minn dejjem kellha mużiċisti bravi u nieħu pjaċir nara li aktar ma mmorru aktar qed ikollna mużiċisti li jieħdu l-mużika bis-serjetà. Dak kien tista’ tgħid l-aħħar appuntament mużikali li kellna, imbagħad x’ġara wara hija storja magħrufa.
Qed insemmi l-programm ‘Mill-Bandisti GħallMembri’ u għalhekk nieħu l-okkażjoni sabiex nilqa’ fi ħdan l-amministrazzjoni mużikali tagħna lil Mro. Christopher Bonnici u lis-Sur Ludwig Noel Desirafilkarigi l-ġodda tagħhom, bħala l-Assistent Surmast tal-Banda u għalliem fuq l-istrumenti tal-injam rispettivament.
Mro. Christopher Bonnici huwa wkoll l-għalliem tatteorija, u nista’ ngħid illi dan il-proġett, li konna fost l-ewwel baned Maltin li varajnieh qed iħalli frott tajjeb u qed juri li wara kollox din kienet għażla għaqlija millAkkademja tal-Mużika ta’ dak iż-żmien li tintroduċih bħala kors separat u miftuħ għal kulħadd. Minn hawn nirringrazzja wkoll lil Mro. Robert Magro li kien l-ewwel għalliem tat-teorija f’dan il-proġett, u kien hu li ta l-ewwel imbuttatura biex dan il-proġett jifjorixxi. Mro. Bonnici qed jagħmel xogħol siewi ħafna. Anke fi żmien il-pandemija, it-tagħlim tat-teorija baqa’ għaddej minn fuq webconferencing u l-istudenti tagħna ma tilfu xejn.
Fuq it-tagħlim l-ieħor tal-prattika ma tantx stajna nagħmlu affarijiet ġodda sfortunatament. Peress illi l-pandemija tolqot l-organi tan-nifs kien ikun perikoluż għal kulħadd li nibqgħu għaddejjin bil-lezzjonijiet talprattika mill-viċin. Is-sistema virtwali setgħet tintuża, imma onestament ma nkunx nista’ nsegwi lill-istudenti bi preċiżjoni, speċjalment fil-kwalità tal-ħoss u ta’ teknikalitajiet oħra. Kont inkun kostrett biss li nevalwa lill-istudenti min-naħa tat-tqassim tan-noti aktar milli dik li hi artikolazzjoni.
Għalhekk kontra qalbna ddeċidejna li nieqfu sakemm l-affarijiet jiġu ’l quddiem. Però fiż-żmien li qed nikteb dan il-messaġġ, jiġifieri fil-bidu ta’ Ġunju, jien u l-Kumitat Ċentrali diġà tkellimna flimkien u qed naraw x’jista’ jsir biex il-lezzjonijiet isiru f’ambjent li hu sigur għal kulħadd. Il-virus għadu barra u ħafna minna ngħixu ma’ nies vulnerabbli. Sakemm ningħataw struzzjonijiet preċiżi min-naħa tal-awtoritajiet ċivili ma nistgħux nagħmlu li rridu, inkella nkunu qed nidħku bina nfusna u npoġġu lin-nies tagħna f’periklu serju.
Matul dawn is-snin li ili mal-banda tagħna - li birraġun inħossni daqs wieħed minn dawk stess li waqqfu l-banda - nara li din is-Soċjetà għamlet affarijiet kbar. Nista’ nirrakkonta ħafna partijiet mill-istorja ta’ din isSoċjetà.
Naħseb li kont diġà għidtielkom l-istorja li oriġinarjament fis-sena 1989 jien kont ġejt avviċinat biex inkun is-surmast ta’ wara Mro. Frank Galea tal-banda l-oħra, il-Banda San Pietru fil-Ktajjen. Sa dakinhar ma kienx għad hemm il-ħsieb li tinħoloq banda ġdida. Peress li kont u bqajt sal-aħħar nett, sal-funeral tiegħu stess, ħabib kbir ta’ Mro. Galea ma xtaqtx li nieħu din ilkariga, imma meta mbagħad l-istess nies li avviċinawni qaluli li kienu se jwaqqfu banda ġdida aċċettajt minnufih, għax kienet offerta mhux biss ġeneruża, imma li tkun l-ewwel surmast ta’ banda hija xi ħaġa ta’ prestiġju wkoll.
F’dawn is-snin kollha għallimt diversi tfal u żgħażagħ minn Birżebbuġa. Li kieku dawn it-tfal baqgħu bandisti mas-Soċjetà tagħna, kieku llum lanqas biss ikollna bżonn nistiednu mużiċisti barranin mal-banda tagħna. Nixtieq li l-Kumitat Ċentrali jaħdem fuqha din. Irridu naraw kif se nżommu lill-mużiċisti tagħna, magħna. Naf li llum saret diffiċli għal kulħadd u t-tfal tagħna qed ikollhom jieħdu deċiżjonijiet ibsin sabiex ilaħħqu malħajja tagħhom, imma xorta nixtieq li ssir xi ħaġa fuqha din. Ma nemminx lanqas li għandna nagħtu biss tort lill-kwalità tal-ħajja tal-lum.
Nemmen bis-sħiħ li l-Kumitat għandu jkollu r-responsabbiltà li jħares lejn il-mużiċisti lokali bħala membri speċjali ħafna tas-Soċjetà tagħna, aktar millmembri l-oħra. Soċjetà mingħajr bandisti tal-post hija sempliċiment għaqda tal-festa, dawk li fl-antik konna nsibuhom bħala ‘Circolo’. L-uniku mezz li bih ilkumitati jistgħu jagħmlu dan huwa li jistaqsu ta’ spiss dwar l-andament tal-banda u jġonġu t-trufijiet aktar milli joqogħdu bilqiegħda fuq is-sedja tal-ġudikatur. Sakemm il-kumitati ċentrali tal-baned se jkomplu jaġevolaw lid-dilettanti tal-festa imma jgħoddsu ’l isfel
lill-mużiċisti tagħhom, hekk bħallikieku dawk qegħdin hemm sempliċiment biex jiġu jdoqqulna erba’ marċi, l-affarijiet mhumiex se jimxu. Illum ma fadalx skjavi. Ilu li spiċċa żmienhom.
Forsi tgħiduli ‘għax m’għandniex ħin biżżejjed biex naqbdu ma’ kull tarf’. Hi x’inhi r-raġuni rridu naraw kif il-ħin għall-mistoqsijiet u d-diskussjoni dwar il-banda nsibuh akkost ta’ kollox. Matul dawn is-snin kollha li ili ndoqq u nieħu sehem mal-baned innutajt li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, il-kumitati ċentrali aktar bdew jerħu minn idejhom ix-xogħol tal-banda u jiddelegawh lil xi sotto-kumitat. Filwaqt li huwa tajjeb li tiddelega, li tinħall mill-irbit tal-banda u tindirizza biss kwistjonijiet ta’ flus u ta’ ħlasijiet ma naħsibx li hija t-triq li se twassalna għas-suċċess. Min-naħa l-oħra kull soċjetà trid tagħti widen bis-serjetà lil dawk li jafu joffru parir siewi fuq ilmużika u l-banda.
Jekk inħares lejn dawn it-tletin sena nara ħafna suċċessi: minn safriet mużikali; minn programmi kbar li għamilna f’diversi teatri u knejjes prestiġjużi; mirrebħ tax-Shield tal-Gara Mużikali mnedija mill-Għaqda Każini tal-Banda u nkompli sejjer mingħajr ma nispiċċa. Għamilna tassew affarijiet kbar.
Ta’ min jirringrazzja wkoll lil diversi benefatturi li rregalaw minn buthom mużika ta’ ċertu livell artistiku, sa innijiet miktuba apposta u esklussivament għallbanda tagħna minn kompożituri magħrufa bħal Ray Sciberras u l-mibki Profs. Joseph Vella. Minn hawn nirringrazzja lil Josef Schembri li rregala bosta siltiet għall-użu esklussiv tal-banda tagħna. Meta mmur lura fil-memorja u niftakar fil-programm il-kbir li konna għamilna fl-awditorjum tal-Università ta’ Malta fis-sena 2000, f’għeluq l-ewwel deċenju mit-twaqqif tas-Soċjetà u niftakar f’dik l-ewwel darba li daqqejna l-Innu l-Kbir ‘Tu Es Petrus’ tal-kompożitur, issa wkoll Surmast Onorarju tagħna, Mro. Raymond Sciberras, id-dmugħ jaqbiżli.
L-istess emozzjoni tgħaddi minn ġo fija meta niftakar illi l-ewwel akkademja mużikali uffiċjali bħala banda għamilnieha xejn inqas fil-Bażilika ta’ San Pietro in Vincoli fil-Belt Eterna ta’ Ruma meta fl-2010 konna għamilna ġita mużikali f’Ruma u fil-Vatikan fl-okkażjoni tat-tieni deċenju mit-twaqqif tal-Banda Birżebbuġa. Xi ngħidu għall-Udjenza li kellna dakinhar mal-Papa Benedittu XVI u daqqejna għalih, tant li issa qed naraw xi baned li wara tant snin qed jagħmlu l-istess bħalna? Kif nista’ ma nsemmix il-programm illi għamilna filKatidral Metropolitan tal-Imdina meta fi Frar 2018 fost tant mużika oriġinali għaddejna s-Sinfonia Nru. 1 ta’ Franco Cesarini ‘The Archangels’ bi prestazzjoni millaqwa? Ma’ din il-kullana jiżdied il-programm sabiħ illi tellajna s-sena li għaddiet fil-Pro Katidral tal-Anglikani fejn daqqejna fost oħrajn l-Overture diffiċilissima Romeo & Juliet ta’ Tchaikowsky?
M’aħniex se nieqfu hawn! Diġà għandna preparat il-programm illi jmiss u dan se jerġa’ jkun kapitlu ieħor miktub b’ittri kbar tad-deheb fl-istorja glorjuża ta’ din is-soċjetà? Fil-programm li jmiss, fil-fatt se nkunu qed nagħtu lin-nies ta’ Birżebbuġa, segwaċi tagħna u devoti ta’ San Pietru Appostlu, Oratorju mużikali ta’ livell mużikali ta’ kalibru għoli immens, xi ħaġa unika u karatteristika ta’ soċjetajiet mużikali kbar u stabbiliti. Dan konna se ntellgħuh f’Novembru biex b’hekk nagħlqu ċ-ċelebrazzjonijiet tat-30 sena anniversarju, imma minħabba l-pandemija dan se jkollna nipposponuh. Nagħti parir lill-membri tagħna biex ma jitilfux din l-okkażjoni li jiġu u jisimgħuh.
Din se tkun okkażjoni ta’ darba għax biex ittella’ xogħol bħal dan trid ħafna flus u biex inkunu nistgħu nerġgħu ntellgħuh iridu jgħaddu s-snin. Għalhekk meta s-Soċjetà ssejħilkom biex tattendu, araw illi taċċettaw u tiġu. Mhux se jkollkom ċans ieħor li tisimgħuh! Barra minn dan il-proġett kellna wkoll affarijiet oħra ta’ kalibru għoli bil-lest. Ċert li dawn se nkunu qed nagħmluhom mal-ewwel okkażjoni li tiġina.
Jien naf li bħalissa s-Soċjetà għaddejja minn xogħol ta’ ristrutturar tas-sede u dan biex tkompli ulterjorament issaħħaħ l-assi tagħha. Naf li x-xogħol qed jaqa’ f’idejn volontiera ħawtiela u jimla bi ħsibijiet kbar lill-membri tal-Kumitat Ċentrali, imma fejn tidħol il-banda nitlob ftit iktar sforz.
M’iniex qed nirreferi għal xi affarijiet kbar. Jien nemmen illi bi ftit aktar sforz u awto-dixxiplina nkunu nistgħu nġibu aktar riżultati għall-banda tagħna. M’iniex qed nitkellem fuq proġetti kbar li jiswew il-flus, imma fuq ideat u politika ta’ tmexxija. Għaqli hu min jieħu l-parir ta’ min għandu għal qalbu s-suġġett. Il-konsultazzjoni mas-Surmast Direttur hija mhux biss essenzjali imma kważi mandatorja. Jien naħseb li s-soċjetà - inkluż tagħna - quddiemha għandha diversi sfidi, speċjalment fejn jidħol it-tagħlim, l-allievi u l-bandisti. Irridu naqraw is-sinjali taż-żmien u naraw x’hemm bżonn isir għallmużiċisti lokali tagħna u għall-iskola tal-mużika tagħna.
Is-Soċjetà trid tistabilixxi relazzjoni iktar soda malbandisti tal-post tagħna. Barra minn hekk hemm bżonn ukoll illi ċerti affarijiet jittieħdu aktar bis-serjetà għallinteress tal-banda. X’inhu l-iskop li jinħolqu kanzunetti bi ħsejjes artifiċjali bbażati fuq melodiji li suppost nisimgħuhom bil-ħoss tal-banda? X’inhu l-iskop li mmexxu dawn il-kanzunetti u mbagħad ma nagħmlux recording tal-marċi bil-banda? Dan qed ngħidu lillbaned kollha ta’ Malta! Taħsbu li qed isir sew? Ma taħsbux li minħabba f’hekk qed noqtlu l-mużika li suppost nipproduċu?
Wara tletin sena li ili Surmast Direttur naħseb illi ċerti problemi rnexxielna nsolvuhom, imma mbagħad ħloqna oħrajn ġodda, ġibniehom b’idejna stess, meta stajna naħdmu iktar sabiex naraw tkattir mużikali.
Illum is-soċjetà tagħna hija rispettata ħafna malbaned ta’ Malta kollha. Għad fadlilna ħafna x’nagħmlu. Bil-proġetti infrastrutturali li għamlet is-Soċjetà matul dawn is-snin nistgħu ngħidu li għandna futur mill-aqwa quddiemna.
Dan is-suċċess irid dejjem jissarraf fil-mużika. Mhux li aħna ninqdew bil-mużika għall-iskopijiet ta’ rasna, imma li noffru r-riżorsi kollha possibbli biex il-banda u l-bandisti tagħna jagħtuna mużika li tagħmlilna unur.