
1 minute read
Festa b’Differenza
Il-Messaġġ tas-Segretarju
Festa b’Differenza
Advertisement
Henry Bonnici
Il-qawl Malti “il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi”, minkejja li jgħodd dejjem, forsi qatt ma ħassejnieh daqskemm qed inħossuh u nesperjenzawh din is‑sena. Għadna għaddejjin minn sena ta’ qtigħ il-qalb, għalkemm inħarsu b’ottimiżmu għall-futur. Ħafna kienu l-inizjattivi u l-attivitajiet li kienu ppreparati biex isiru matul dinsena li tfakkar it-30 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà tagħna. Bdejna biċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa nhar l-14 ta’ Jannar, il-jum tat-twaqqif uffiċjali tas-Soċjetà, imma l-kumplament tal-attivitajiet kellhom jiġu riveduti minħabba l-pandemija li heżżet lid-dinja kollha. Tħassru bosta, u oħrajn inbidlu. Il-pandemija għallmitna l-bżonn ta’ aktar għaqda bejnietna u koperazzjoni mal-oħrajn.
Iż-żmien li għamilna magħluqin ma nħeliex. Kif wieħed jista’ jinnota, ix-xogħol fil-bottegin u fl-entratura seta’ jitkompla b’aktar galbu u bil-pass tiegħu, l ‑istess bħalma tkompla xogħol ta’ manutenzjoni u rinnovament ieħor fil‑każin. Min‑naħa tagħhom, il‑Kummissjonijiet baqgħu għaddejjin ukoll b’ħidmiethom fil‑qasam rispettiv tagħhom.
Id-dħul finanzjarju naqas, u naqas sew. Din ilproblema ttaffiet xi ftit bil-fondi Ewropej u fondi Maltin. Ir-rwol tas-soċjetajiet mużikali f’pajjiżna qed jingħata aktar importanza fil-qalba tal-kultura Maltija. Ta’ dan nirringrazzjaw lil kull min għen u għadu jgħin.
Is-Soċjetà tgħix għall-festa. Kien hemm mumenti meta għedna “Din is-sena ninsewha l-festa.” Iżda ma kienx il-każ, għax bil-għajnuna t’Alla nistgħu nieħdu sehem u niċċelebraw il-festa għalkemm b’mod ristrett. Is-Soċjetà tipprepara għall-festa billi tgħallem u ttella’ bandisti sabiex jiffurmaw parti mill-Banda tas-Soċjetà. Minkejja d-diffikultajiet kollha, it ‑tagħlim tal‑mużika ma waqafx, tant illi kompla b’mod virtwali, hekk li l‑allievi baqgħu mexjin ’il quddiem. It-tagħlim tal-mużika jingħata ħafna importanza mis-Soċjetà tagħna u l-entużjażmu tas‑Surmast Direttur u ż-żewġ għalliema jkompli jarrekkixxi l-banda b’bandisti ġodda.
Is-Soċjetà tibqa’ dejjem mibnija fuq il-volontarjat. Ħafna mill-ħidma li ssir ma tingħatax ir-ringrazzjament li jistħoqqilha. Grazzi kbira, għalhekk, tmur lejn ilvolontiera u l-benefatturi. Ħafna jissagrifikaw ħafna sabiex jagħtu l-għajnuna lis-Soċjetà tagħna, mingħajr ma jippretendu xejn lura ħlief li s-Soċjetà timxi ’l quddiem.
Filwaqt li nawgura l‑festa t‑tajba lil kulħadd, nixtieq nirringrazzja lill‑Wisq Rev. Kappillan u lill-Kleru, lis‑Sindku u l‑membri tal‑Kunsill Lokali, lill‑President u l‑membri tal‑Għaqda Mużikali San Pietru fil‑Ktajjen, kif ukoll lill‑Forzi tal‑Ordni u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jgħinu fil‑ħidma impenjattiva tagħna. Magħhom inżid nirringrazzja lis-Sotto Kumitati, membri u volontiera tas‑Soċjetà, kif ukoll lill-membri tal-Kumitat li flimkien nikkoordinaw il‑ħidma ta’ matul is‑sena.
Viva San Pietru, il-Patrun tagħna l-Birżebbuġin; nitolbuk tħares lilna, lill‑familji tagħna u lill‑morda tal‑parroċċa.