
2 minute read
Il-Ħsieb tad-Direttur Spiritwali
Dun Charles Carabott
Dawk li bħali twieldu għal nofs is-seklu l-ieħor, jiftakru żgur il-kotba “Ġabra ta’ Ward”. Waħda mill-istejjer illi konna naqraw fil-klassi kienet l-istorja ta’ meta x-xemx u r-riħ għamlu mħatra min kien kapaċi jneżża’ ġlekk minn fuq raġel. Beda l-isfida r-riħ… beda jonfoħ u jonfoħ u jonfoħ… qajjem pandemonju sħiħ… imma l-ġlekk fuq ir-raġel kien, u fuq ir-raġel baqa’, anzi għafsu iktar miegħu! Kien imbagħad imiss lix-xemx… din bil-kwiet kollu, bi tbissima ħelwa u serena, bdiet tiżreġ fuq ir-raġel imqartas kif kien bi ġlekk tal-gabardin. Ma damitx tiżreġ wisq qabel ma r-raġel tagħna neħħa l-ġlekk minn fuqu.
Advertisement
Storja ħelwa li fiha tagħlima… li forsi ta’ tfal li konna ma ndunajniex biha… jirnexxilek iġġib il-boċċa qrib il-likk mhux bl-istorbju u l-għajjat, imma bil-kwiet, bilkelma t-tajba.
Din is-sena milli jidher il-festa se niċċelebrawha bil-kwiet… quddiesa fil-knisja, ġirja bl-istatwa ejja ħa mmorru, xi recording ta’ ftit marci brijużi bla briju, flixkun xi ħaġa ma’ ftit ħbieb, ikla tajba… u barra bla daqq!
Imma xorta nistgħu nifirħu li Alla tana lil San Pietru biex ikun wieħed minn tant oħrajn li tant huma ta’ eżempju tajjeb għalina. San Pietru, fost ħafna affarijiet oħra jirrappreżenta l-awtorità fil-Knisja; awtorità li taqdi bħalma missier jaqdi, jipproteġi u jmantni lill-familja tiegħu. L-awtorità… kull awtorità hija rigal, hija servizz fil-Knisja; servizz għall-membri tal-familja, ta’ dawk illi jemmnu fi Kristu, magħqudin flimkien, flimkien ma’ Kristu. Kultant ma naqblux mal-awtorità tal-Knisja bħalma kultant ma naqblux mad-deċiżjonijiet talġenituri tagħna; imma wara naslu biex nifhmu, forsi anke wara li jgħaddi ż-żmien u indunaw li kollox ikun
Stefy’s Nail Studio By Stephanie
għall-ġid aħħari tagħna. Jista’ jiġri wkoll illi wara kollox ikun illi aħna għandna raġun, imma nbaxxu rasna għax inħobbu l-għaqda, inħobbu lill-familja ta’ ħutna lkoll.
Il-Knisja u l-awtorità fi ħdanha, minkejja difetti u nuqqasijiet, bħal kull ħaġa oħra maħluqa, hija dik li Alla jrid, u aħna mistiedna ngħixu ħajjitna b’lealtà lejn din il-familja tagħna u ma nagħmlu xejn li jista’ jtebba’ isimha, għax hija ta’ Alla, fdata f’idejn Pietru, għax hi tagħna, tal-familja tagħna. Tkun tal-Knisja, tkun nisrani mhux xi passatemp jew delizzju, logħob bis-santi kif kont nilgħab jien u tant oħrajn meta konna żgħar. U wieħed irid jgħid ukoll illi lanqas huwa faċli li tkun nisrani skont ix-xewqa ta’ Alla. Ma kienx faċli għal San Pietru tant illi kemm-il darba ċċanfar minn Ġesù! Min jaf kemm iddispjaċih Ġesù meta Pietru ċaħdu biex isalva ġildu! Imma Pietru għamel dak li ħaddieħor ma għamilx: emmen, feda fil-Ħniena ta’ Ġesù, fil-maħfra ta’ mgħallem u missier. B’hekk jien nikkonsla meta niftakar fil-paċenzja li ħa Ġesù b’Pietru, nikkonsla meta niftakar fil-vers tal-Kotba Mqaddsa: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas Mulej, Mulej min jista’ jżomm sħiħ?”
Min-naħa rridu nagħmlu l-almu tagħna biex bħal San Pietru - anke jekk mhux dejjem jirnexxilna - inpoġġu lil Alla fl-ewwel post f’ħajjitna u fl-għażliet tagħna, u meta għax bnedmin nonqsu, ma naqtgħux qalbna mill-Ħniena ta’ Alla bħalma qatax qalbu San Pietru. U ma ninsewx… ma hemmx bżonn tgħajjir u storbju u tmasħin biex nirbħu argument, biex nesponu l-opinjoni tagħna. Hekk ma naslux bħalma ma wasalx ir-riħ, imma bħax-xemx, bil-kwiet u bil-moderazzjoni tax-xemx firrebbiegħa, anke konxji mill-fatt li f’kull kwistjoni, f’kull argument, hemm l-opinjoni tiegħi, l-opinjoni tal-ieħor… u… il-verità!