1 minute read

Minn Fomm in-Nisa

Marouska Bonnici B.A.(Hons)

Għeżież Birżebbuġjani; Nistqarr illi dħakt imma flistess waqt apprezzajt meta s-Segretarju tas-Soċjetà Henry Bonnici qalli sabiex nikteb erba’ kelmiet f’isem il-Helpers Nisa Petrini fi ħdan din is-soċjetà mużikali, għax minkejja li issa ili madwar ħames snin ngħin fis-soċjetà, qatt ma kelli pretensjonijiet li għad nikteb fuq din il-pubblikazzjoni. Ma rridx nieħu spazju ngħid x’ġara matul din is-sena, għax ilkoll nafu li qegħdin ngħixu mumenti diffiċli għal kulħadd, u dan mhux biss għalina li nħobbu l-festi. Minkejja li m’iniex Birżebbuġjana, illum inħossni parti minnkom u ngħidha b’wiċċi minn quddiem, illi nħossni komda naħdem f’din is-soċjetà daqskemm inħossni komda naħdem fil-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ta’ belt twelidi.

Advertisement

Sfortunatament, din is-sena ma kellna introjtu ta’ xejn, għaliex ma stajniex nagħmlu l-attivitajiet immirati għan-nisa u għall-familja kollha bħas-soltu, u għalhekk b’mod finanzjarju ma tantx ninsabu f’sitwazzjoni li ngħinu lis-soċjetà, iżda xorta waħda konna hemm, għaliex fiż-żmien diffiċli li kellna nesprejenzaw l-għeluq tal-każin tagħna bħall-każini l-oħra kollha, filwaqt illi diversi membri għamlu ħafna xogħol manwali, aħna għenna iktar fit-tindif sabiex din il-binja tibqa’ miżmuma fl-aħjar sitwazzjoni possibbli. U l-każin tagħna fih kedda mhux ħażin sabiex jinżamm fl-aħjar sitwazzjoni!

Intemm dan l-artiklu ċkejken billi nħeġġeġ aktar nisa jingħaqdu magħna, ħalli jekk Alla jrid, wara l-festa titulari, minkejja li din is-sena hija ridotta ferm, ningħaqdu mill-ġdid f’Sezzjoni Nisa li tagħmel ġieħ lil din is-soċjetà mużikali li tant tagħmel ġid fil-qasam soċjali u mużikali ta’ Birżebbuġa.

Il-festa t-tajba lil kulħadd!

This article is from: