8 minute read

Is-Soċjetà Filarmonika San Pietru tkompli tibbenefika minn diversi fondi

Andy Mifsud

Mill-festa tas-sena 2019 sal-lum, is-Soċjetà bbenefikat minn diversi fondi Ewropej u fondi oħra sabiex inkomplu naħdmu u nsaħħu s-Soċjetà u dak li tagħmel għall-membri, studenti tagħha u l-komunità.

Advertisement

LEADER Programme

● Gal Xlokk - Measure 2: Strengthening a healthy cultural identity [Making our premises more inclusive and accessible to everyone]

Kif ħabbarna s-sena l-oħra, is-Soċjetà bbenefikat minn fondi Ewropej taħt l-iskema Gal Xlokk li permezz tagħhom din is-sena ġie installat lift fil-binja tas-Soċjetà biex b’hekk kulħadd jista’ jaċċessa faċilment kull sular tal-każin. Dan jgħin biex kulħadd ikun jista’ jattendi bla tbatija għal diversi laqgħat u attivitajiet li norganizzaw fis-sala prinċipali kif ukoll fuq il-bejt, u speċjalment għal dawk il-persuni b’xi diżabilità biex ikunu jistgħu jattendu bla problemi għal-lezzjonijiet tal-mużika.

● Gal Xlokk - Measure 1: Restoration of assets of artistic and cultural value [Restoring cultural heritage artifacts in Birżebbuġa]

Permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej taħt l-iskema Gal Xlokk, is-Soċjetà rrestawrat l-istatwa artistika tal-Irxoxt li nħadmet fl-1999, u aktar tard din is-sena ser tkun qed tieħu l-istatwa artistika ta’ San Pietru li nħadmet fl-1991 biex tiġi restawrata wkoll. Dawn iż-żewġ statwi nħadmu mill-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi u jiġu restawrati minn Aaron Camilleri Cauchi.

Sfortunatament minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija, l-istatwa tal-Irxoxt ma ħarġitx din is-sena, għalhekk nistennew sas-sena d-dieħla u b’hekk inkunu nistgħu ngawdu ż-żewġ statwi propjetà tas-Soċjetà restawrati hekk kif dawn ser isibu posthom f’niċeċ ġodda fis-sular ta’ isfel.

Gal Xlokk - Measure 2: Strengthening a healthy cultural identity [More space for better performance]

Permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej taħt l-iskema Gal Xlokk, is-Soċjetà ser tkun qed twaqqa’ maħżen żgħir illi għandha fuq wara tal-propjetà u tibni maħżen akbar biex jiżdied l-ispazju fejn naħżnu l-oġġetti kollha b’mod aktar sigur.

● Gal Xlokk - Measure 3: Promotion of the Cultural Heritage [Documenting our history]

Permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej taħt l-iskema Gal Xlokk, is-Soċjetà ser tkun qed tikteb l-istorja tal-każin mittwaqqif tagħha sal-lum u tiġi ppubblikata fi ktieb sabiex ikollna l-istorja dettaljata, affidabbli u preċiża tal-ġrajjiet kollha li seħħew sabiex twaqqfet is-Soċjetà u dak kollu li ġara matul is-snin sabiex wasalna sal-lum.

Dan ser isir b’riċerka intensiva fuq il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat u s-sezzjonijiet, kotba tal-festa u permezz ta’ intervisti varji mal-membri tas-Soċjetà li kienu involuti matul is-snin.

Dan il-ktieb se jkun il-punt ta’ referenza għal ġenerazzjonijiet futuri u għal dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar il-każin tal-banda tagħna. Illum il-ġurnata, is-Soċjetà Filarmonika San Pietru ta’ Birżebbuġa hija mudell ta’ kif taħdem organizzazzjoni volontarja. Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex nippromwovu l-mużika u l-kultura mhux biss f’Birżebbuġa, imma fil-gżejjer Maltin kollha.

NGO Co-Financing Fund [Making our premises more inclusive]

Dan il-fond huwa maħsub biex jgħin lillNGOs, bħas-Soċjetà tagħna, li huma kapaċi jwettqu proġetti u dak kollu meħtieġ biex isir iżda mhux neċessarjament mgħammra biex jindirizzaw it-talba finanzjarja meħtieġa kif tkun stipulata taħt il-Programm ta’ Finanzjament li wieħed ikun applika għaliha. B’hekk permezz ta’ dan il-fond is-Soċjetà kellha l-għajnuna finanzjarja meħtieġa biex tkopri l-infiq totali tal-proġett tal-lift tal-każin li sar permezz tal-fond Gal Xlokk.

National Lotteries Good Causes Fund [Finishing works for the club’s extension]

Fl-2016 is-Soċjetà xtrat il-propjetà f’Misraħ il-Knisja u ftit wara beda x-xogħol neċessarju biex ngħaqqdu din il-propjetà mal-binja tal-każin. Bl-għajnuna ta’ dan il-fond sar bosta xogħol fil-madwar tat-taraġ il-ġdid ta’ din il-propjetà, fosthom ilkisi tal-ħitan, il-madum tat-taraġ u l-madum tal-madwar kif ukoll inxtraw xi twieqi u bibien għal din il-binja.

It-Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda [Inkomplu nghallmu l-importanza tal-perkussjoni]

Wara s-suċċess li kellna s-sena l-oħra mill-fondi tal-Aġenzija Żgħażagħ biex insaħħu t-tagħlim talperkussjoni specjalment fuq it-Timpani, din is-sena s-Soċjetà bbenefikat minn fondi tal-istess Aġenzija Żgħażagħ biex inkomplu nħarrġu u nsaħħu t-tagħlim liżżgħażagħ fuq strumenti oħra tal-perkussjoni hekk kif kull strument għandu l-importanza tiegħu. B’dawn il-fondi ġew ordnati ‘Concert Bass Drum’, ‘Concert Cymbals’ bl-istand, ‘Suspended Cymbal’, ‘Bongos’, kif ukoll ‘Finger Cymbals’. Lezzjonijiet fuq dawn l-istrumenti isiru mis-Surmast Direttur Mro. Michael Bugelli fuq kotba li diġà nxtraw is-sena l-oħra taħt dan l-istess fond.

● [Nibdew naraw il-kapaċitajiet tal-mużiċisti tagħna]

Parti oħra mill-istess fond tal-Aġenzija Żgħażagħ hija l-ħidma flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr. Din is-sena hija l-ħames sena li qed nagħmlu dan il-proġett flimkien, fejn ir-riżultat jidher sew, hekk kif qegħdin nużaw ir-riżorsi ta’ xulxin biex inkunu nistgħu faċilment insaħħu l-iskejjel tal-mużika tagħna. Dan rajnieh fil-kunċert illi tellajna fi Frar li għadda fis-Sala tal-Iskola Primarja ta’ Birżebbuġa fejn diversi mużiċisti tagħna kellhom l-opportunità li jdoqqu parti solista b’mużika li nxtrat permezz ta’ dan ilfond. Dawn il-mużiċisti qattgħu diversi ġimgħat jistudjaw il-parti mużikali flimkien mas-surmast u b’hekk kellhom din l-opportunità li jdoqqu l-partijiet solisti huma fil-programm. Programm simili għandu jsir aktar tard din is-sena flImġarr b’mużicisti tal-istess soċjetà jdoqqu l-parti solista hekk kif jgħaddi dan il-perjodu ta’ restrizzjonijiet minħabba l-pandemija.

Voluntary Organisations Project Scheme [Improving our premises for everyone]

Fis-sede tagħna, apparti ħafna attivitajiet ta’ fund raising, fuq bażi regolari isir tagħlim ta’ mużika, diversi kunċerti, provi ta’ żfin, drama, attivitajiet għall-anzjani u laqgħat tal-amministrazzjoni. Permezz ta’ din l-iskema tal-Voluntary Organisations Project Scheme amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru għal-Edukazzjoni u l-Impjiegi, ser jiġi installat air condition fis-sala prinċipali, fis-sala tal-kunċerti, fil-kmamar amministrattivi kif ukoll fil-klassi tat-teorija sabiex dawn l-attivitajiet ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin is-sena kollha bl-aktar mod komdu speċjalment fil-ġranet sħan tassajf.

Barra minn hekk, permezz ta’ din l-iskema ser issir rampa biex b’hekk il-propjetà tkun aċċessibbli minn persuni b’diżabilità, kif ukoll ser tinxtara għamara ġdida u ssir ċerta manutenzjoni meħtieġa biex insebbħu l-każin.

Dan il-proġett ġie ffinanzjat permezz taI-Voluntary Organisations Project Scheme amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat f’isem il-Ministeru għallEdukazzjoni u l-Impjiegi. Din il-pubblikazzjoni/Dan il-proġett t/jirrifletti biss il-veduti u l-ħsibijiet tal-pubblikaturi/ awturi, u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-kontenut jew għallużu li jista’ jsir minn dan l-istess kontenut.

Fond għall-Edukazzjoni u x-xiri ta’ Strument Mużikali

Is-sena l-oħra, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda nedew fond li hu immirat għax-xiri ta’ strumenti mużikali għas-soċjetajiet tal-baned Maltin. Il-lista ta’ strumenti eliġibbli taħt din l-iskema kienu l-Piccolo, Oboe, Cor Anglais, Bass Clarinet, Bassoon, Baritone Saxophone, E Flat Trumpet, Flugelhorn, Bass Trombone u d-Double Bass. Permezz ta’ dan il-fond is-S o ċ j e t à ser tkun qed tixtri l-ewwel Baritone Sax tagħha li ser ikun qed jiġi mgħallem lil mużiċista tasSoċjetà permezz ta’ lezzjonijiet minn għalliem speċjalizzat fuq l-istrumenti tas-Saxophones.

Ngħinu Finanzjarjament lis-Soċjetajiet tal-Banda [Ngħollu l-livell mużikali]

Bl-għajnuna ta’ din l-iskema, li hi parti mill-Programm ta’ Kollaborazzjoni u Tisħiħ Implimentattiv, amministrata mill-Għaqda Każini tal-Banda bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan l-istess Ministeru tal-Ġustizzja u Kunsilli Lokali, is-Soċjetà kkummissjonat Oratorju, li ser jiġi esegwit mill-banda tagħna taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Michael Bugelli, dejjem jekk ma jinqala’ xejn, sal-aħħar ta’ din is-sena fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina.

Oratorju huwa xogħol maġġuri ta’ natura mużikali, li jinvolvi l-parteċipazzjoni tal-kor, solisti u orkestra. Tradizzjonalment, il-bażi għall-plott ta’ dan il-ġeneru huma t-testi bibliċi, u kif kien xieraq dan l-Oratorju nkiteb kollu dwar il-ħajja tal-Patrun tagħna, San Pietru Appostlu. B’hekk ikkuntattjajna lill-kompożitur Malti Ray Sciberras għall-mużika kif ukoll lis-Sur Sebastian Saliba biex jikteb il-lirika hekk kif dawn għamlu bosta xogħlijiet u oratorji sbieħ lill-baned Maltin u bla dubju kien xieraq li aħna nitkellmu magħhom biex jagħmlulna dan ix-xoghol daqshekk impenjattiv u deskrittiv.

Din il-kompożizzjoni ser tkompli tgħin lill-bandisti tagħna jkabbru l-livell mużikali tagħhom u bla dubju ser tkun miżmuma b’għożża kbira fl-arkivju tas-soċjetà tagħna u tkun ta’ għożża kbira f’dik li hi propjetà tas-Soċjetà. Soċjetà mużikali tkun meqjusa bħala soċjetà rikka skont kemm ikollha mużika unika li żżid l-identità tagħha. Għalhekk ħsibna biex permezz ta’ din l-iskema, din is-sena ninvestu fi proġett ta’ dan il-livell għax nemmnu li l-mużika għandha tibqa’ l-iktar ħaġa importanti f’kull soċjetà mużikali.

Skema għall-Promozzjoni ta’ Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli għal Organizzazzjonijiet Volontarji

Permezz ta’ din l-iskema li tnediet is-sena l-oħra għall-organizzazzjonijiet volontarji mill-Gvern, is-Soċjetà ser tkun qed tinstalla tnax-il pannella fotovoltajika fuq il-bejt tal-każin biex b’hekk inkunu qegħdin inħarsu lejn enerġija aktar nadifa u sostenibbli, filwaqt illi nkomplu niffrankaw mill-ispejjeż li s-Soċjetà għandha. 36

Fond għall-Kawżi Ġusti - Skema Covid-19 Każini tal-Banda

Hekk kif minħabba l-pandemija ngħalqu l-każini tal-banda u b’hekk id-dħul finanzjarju tas-soċjetajiet mużikali naqas, permezz tal-Għaqda Każini tal-Banda, il-Gvern nieda l-iskema Covid-19 Każini tal-Banda sabiex tingħata għajnuna lis-soċjetajiet mużikali f’dak li kien żmien diffiċli biex jittaffa ftit l-impatt finanzjarju li l-pandemija ħolqot. F’din l-iskema l-Gvern ħareġ somma li tqassmet lis-soċjetajiet mużikali b’mod ugwali. Dan sar b’rikonoxximent għall-impenn soċjokulturali li s-soċjetajiet bħal tagħna jagħtu lejn is-soċjetà Maltija.

Achievers scheme [Presenting our reforms to our Italian musical partners]

Achievers hija inizjattiva ta’ finanzjament imnedija mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza, u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru immirata għall-Kunsilli Lokali, Kunsilli Reġjonali, u Organizzazzjonijiet Volontarji. L-għan ta’ din l-inizjattiva hija li jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ joħolqu u jimplimentaw proġetti li fil-qalba tagħhom hemm il-komunità u li jqarrbu żgħażagħ oħra lejn dixxiplini differenti bħal sports, arti, mużika jew kultura li tkun ’il bogħod mill-vizzji.

Hawn is-Soċjetà ħadet il-fondi biex tagħmel proġett biex il-mużicisti żgħażagħ tas-soċjetà tagħna jiġu infurmati bir-riformi dwar il-cannabis u dwar il-vizzju ikrah tad-droga, jaħdmu flimkien biex jippreżentaw preżentazzjoni lil sħabna mużiċisti tal-banda Associazione Musicale Culturale Nicola Cassano filwaqt li flimkien magħhom immoru Ruvo di Puglia u ntellgħu programm mużikali flimkien. B’dan il-mezz, liż-żgħażagħ tagħna nkunu qed inżommuhom ’il bogħod mid-droga u vizzji oħra filwaqt illi jibbenefikaw minn safra fl-Italja bi skambju u esperjenzi ġodda.

Sfortunatament minħabba l-pandemija ċerti attivitajiet relatati ma’ dawn il-proġetti kellhom jiġu posposti għal aktar tard din is-sena jew il-bidu tas-sena d-dieħla biex b’hekk nibżgħu għas-saħħa ta’ kulħadd.

Il-Kumitat jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex isiru dawn il-proġetti kif ukoll lil dawk illi għenu biex napplikaw għal dawn il-fondi; lill-President tas-Soċjetà Alexander Caruana, lis-Segretarju Ġenerali Henry Bonnici, lill-Kaxxier Walter Pace, lill-Viċi President u Assistent Kaxxier Andy Mifsud u lil Godwin Borg tal-għajnuna tiegħu.

This article is from: