
1 minute read
Dejjem il-Patrun Tagħna
W. Rev. Kan. Anton Galea-Scannura Il-Kappillan
Din is-sena ma kinitx bħalloħrajn u lanqas il-festa mhi se tkun bħall-oħrajn. Ir-realtà ta’ madwarna hija kemxejn mudlama u nafu li rridu noqogħdu b’seba’ għajnejn. Mas-saħħa ma tilgħabx u ma titkessaħx. Nafu wkoll illi n-nies batew b’diversi modi f’dawn ix-xhur u għad hemm mistoqsijiet dwar il-futur. Huwa mument ta’ dgħufija fejn nagħmlu kif għamlu missirijietna f’mumenti ta’ tiġrib –induru lejn il-qaddis patrun tagħna, Pietru, u nitolbuh biex anke f’din is-siegħa, jurina l-wiċċ ħanin ta’ Alla.
Advertisement
Għexna żminijiet li qatt m’għexna bħalhom. Missirijietna raw tiġrib fi żmien il-gwerra u forsi anke staġuni ta’ pandemiji li ġew qabel. Ġew u għaddew u nittamaw li hekk jiġri minn din il-pandemija. Il-festa din is-sena trid tieħu xejra li twieġeb għall-bżonnijiet tal-bniedem illum. U jiġuni f’moħħi tliet kelmiet – responsabbiltà, solidarjetà u interċessjoni.
Responsabbiltà… il-parroċċa mhix se torganizza ħafna mill-attivitajiet li s-soltu torganizza. Irridu nibżgħu għal xulxin. Is-saħħa ta’ kulħadd hija iżjed importanti minn kull ħaġa oħra. Nawgura li anke jekk se jkun hemm mumenti soċjali f’din il-festa, nibżgħu għal xulxin.
Solidarjetà… nafu li qed ngħixu żmien diffiċli għal kulħadd. Hemm min iffaċċja problemi fil-familja, fuq ix-xogħol. Ma nistgħux inġibu ruħna qisu qatt ma ġara xejn jew ma jimpurtaniex. Naħsbu f’xulxin. Fil-parroċċa hemm diversi li ħadu l-inizjattiva li jiġbru affarijiet u jqassmuhom lil min hu fil-bżonn.
Interċessjoni… il-qaddisin ma jiħdux il-post ta’ Alla imma huma l-ħbieb tiegħu bħalma aħna wkoll. Ma mmorrux għandhom biex jgħaddulna kelma qisu Alla lilhom jismagħhom iżjed minna. Immorru għandhom għax ħbieb tagħna, patruni tagħna. U din is-sena mmorru għand San Pietru nitolbuh iħollna mill-katina tal-pandemija li sibna ruħna fiha u l-konsegwenzi kollha.
Nirringrazzja lill-baned tal-koperazzjoni biex jimxu mal-linji gwida li tatna l-Arċidjoċesi għall-festa din is-sena. Żgur jasal il-mument fejn niċċelebraw bil-kbir kif nagħmlu s-soltu. Imma jekk niċċelebraw b’responsabbiltà, solidarjetà u interċessjoni żgur ma jiddispjaċiniex.
Kuraġġ u nawguralkom ġurnata tal-festa mill-isbaħ.