Malta Missjunarja Gunju 2021

Page 32

Ġunju 2021

DEHRIET TAL‑MADONNA – EMMANUEL CUTAJAR

Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja L‑Ewwel Parti

“Kien hemm ħdejn is‑salib ta’ Ġesù Ommu... Xħin Ġesù ra ’l Ommu u d‑dixxiplu l‑maħbub hemm wieqaf, qal lil Ommu: ‘Mara, ara ibnek’. Imbagħad qal lid‑dixxiplu: ‘Ara, ommok.’ U minn dak il‑ħin id‑dixxiplu ħadha għandu.” (Ġw. 19:26‑27) Fl‑aħħar att Tiegħu ta’ Imħabba rrivelat fuq l‑Għolja tal‑Golgota, Ġesù ried juri l‑importanza ta’ Ommu Marija. Il‑Missirijiet tal‑Knisja għallmu li din il‑laqgħa bejn Marija u Ġwanni l‑Appostlu kienet wisq aktar minn sempliċi relazzjoni materna bejn Marija u Ġwanni, imma kienet dwar it‑tkabbir u l‑espansjoni tal‑Knisja, il‑komunità li Ġesù waqqaf 32

u li tagħha huwa l‑Kap. Ġesù bl‑ebda mod ma ried jimminimizza r‑relazzjoni tiegħu ma’ Ommu, imma għal kuntrarju huwa kien qiegħed jespandiha. Huwa ried jinkludi kull raġel u mara fiċ‑‘ċirku tal‑familja’ t’Alla. Hawnhekk Ġesù ħatar lil Ommu Marija bħala Omm il‑bnedmin kollha, irrappreżentati mill‑persuna ta’ Ġwanni l‑Appostlu. Dan huwa l‑irwol sublimi u uniku ta’ Marija, bħala Missjunarja u l‑ewwel evanġelizzatriċi, impenjata biex bil‑ħidma kontinwa tagħha ġġib lil kull raġel, mara, tifel u tifla, l‑umanità kollha, fil‑Ġisem Mistiku ta’ Kristu li hija l‑Knisja. Dan l‑irwol tagħha bħala Missjunarja, il‑Madonna baqgħet twettqu anki fi żminijietna, u dan jidher sew mill‑għadd kbir ta’ dehriet fid‑dinja matul iż‑żminijiet. F’din is‑sensiela ta’ artikli se nagħtu ħarsa lejn id‑dehriet u l‑messaġġi li l‑Madonna tat lill‑umanità. Iżda, qabelxejn, importanti ngħidu li l‑Knisja Kattolika dejjem toqgħod attenta ħafna meta tiġi biex tapprova

u tirrikonoxxi d‑dehriet Marjani jew xi dehriet oħra mistiċi u sopranaturali. Skont in‑normi tal‑Knisja Kattolika li ilhom fis‑seħħ mill‑Konċilju ta’ Trentu, li sar bejn l‑1545 u l‑1563, ir‑responsabbiltà inizjali tal‑evalwazzjoni tal‑merti ta’ kwalunkwe dehra taqa’ fuq l‑isqof tad‑djoċesi li allegatament ikunu seħħew, jew għadhom iseħħu d‑dehriet. Jekk, wara l‑investigazzjonijiet, l‑isqof jiddetermina li dehra tikkostitwixxi dehra sopranaturali awtentika ta’ Sidna Ġesù Kristu, tal‑Verġni Mbierka Marija jew xi qaddis, allura d‑dehra titqies approvata mill‑Knisja Kattolika kollha, sakemm is‑suċċessuri tiegħu jew is‑Santa Sede ma jkollhomx raġuni valida biex iwaqqfu jew jibdlu dik id‑deċiżjoni. Il‑linji gwida li fuqhom għandhom jimxu l‑isqfijiet Kattoliċi huma stabbiliti mid‑dokument Normae Congregationis li l‑Kongregazzjoni tal‑Vatikan għad‑Duttrina tal‑Fidi kienet ħarġet u li kien ġie approvat u ffirmat mill‑Papa Pawlu VI fi Frar 1978. Fi ħdan dan


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.
Malta Missjunarja Gunju 2021 by Missio Malta - Issuu