
2 minute read
L‑Abbati ta’ Triq il‑Merkanti
Għinni Nsir Qassis
Fl‑indirizz Nru. 227, Triq il‑Merkanti, il‑Belt Valletta, hemm il‑post li fih għal dawn l‑aħħar 53 sena, kienet tlaqqa’ u torganizza ż‑żgħażagħ l‑għaqda YTC. Dan il‑post inbena fl‑1839 u jinfed minn ġewwa mal‑knisja ta’ ħdejh, il‑knisja ta’ San Ġakbu. F’dan il‑post fis‑snin ħamsin, sittin u sebgħin kienet tiltaqa’ għaqda jisimha Pro Sacerdotibus Christi, isem li jfisser ‘għas‑saċerdoti ta’ Kristu’. Il‑membri ta’ din l‑għaqda kienu jitolbu għas‑saċerdoti u jiġbru flus għal dawk iż‑żgħażagħ ġejjin minn familji foqra ta’ wara l‑gwerra, li kienu jixtiequ jsiru qassisin u li l‑familja tagħhom ma jkollhiex flus biex tħallsilhom għall‑istudju meħtieġ.
Din l‑għaqda kien waqqafha Dun Alwiġ Micallef, qassis li kien joqgħod Tas‑Sliema fuq in‑naħa tal‑Kunvent tal‑Karmelitani. Minn Spanja Dun Alwiġ kien ġab tliet statwi l‑istess, ta’ daqs reali, ta’ tifel abbati liebes suttana ħamra u spellizza bajda, li qed iżomm kaxxa f’idu għal min irid jitfa’ xi flus għal żgħażagħ li jixtiequ jsiru qassisin. Fuq il‑kaxxa hemm miktub GĦINNI NSIR QASSIS. Waħda minn dawn l‑istatwi kienet titqiegħed fil‑bieb ta’ dan il‑post matul il‑jum, u filgħaxija tiddaħħal ġewwa wara l‑bieb. In‑nies, waqt li ħerġin mix‑xiri u sejrin lejn il‑karozzi tal‑linja kienu jitfgħulu xi ħaġa mill‑bqija tal‑ispiża. Speċjalment it‑tfal, kienu jitolbu lill‑ġenituri jagħtuhom xi ħaġa tal‑flus u jieħdu gost jitfgħuha. Dak iż‑żmien in‑nies tal‑irħula kienu jidħlu sikwit il‑belt biex jixtru ikel mis‑suq tal‑belt u kull bżonn ieħor, għax kien hemm ħafna ħwienet, inqas ristoranti u ftit ħafna lukandi u ‘guest houses’. U lil dan l‑abbati kienu jħobbuh. Fl‑aħħar ta’ kull ġimgħa, kien ikun hemm fih ħafna muniti ta’ valur żgħir, imma kollox mogħti bil‑qalb u jitilgħu għal somma ġmielha. Wara, kienu jingħataw lis‑seminarju u jintużaw għal dawk l‑istudenti foqra li jkunu jistudjaw għal qassisin.
Minn dawn it‑tliet statwi għad baqa’ waħda biss. Fix‑xemx u fix‑xita, bit‑tfal jixxabbtu magħha biex jitfgħu l‑flus, u ġieli waqqgħuha, waħda minnhom tkissret għal kollox. Statwa oħra li tqiegħdet minflokha, ġarrewha fuq trakk il‑partitarji ta’ tim tal‑futbol, żebgħuha bil‑kuluri tat‑tim, qiegħdu ballun tal‑futbol f’idejn l‑abbati u ħaduha magħhom lejn il‑grawnd. Għajb li wara l‑logħba kissruha, għax setgħet reġgħet inżebgħet kif kienet u serviet għal ħafna snin oħra. Issa t‑tielet waħda ilha xi 30 sena tintuża. Meta għal xi raġuni ma tkunx fil‑bieb, jistaqsu għaliha ħafna nies. Għax in‑nies drawha u jkunu jistennew li jarawha fil‑post tas‑soltu. Kemm‑il darba ġratilha ħafna ħsara u nirringrazzjaw lil Dun Ġino Gauci taż‑Żejtun, li kull darba b’xogħol ta’ ħila kbira jerġa’ jirrestawraha u jġibha qisha ġdida. Ġieli tkun ħiereġ mill‑bieb u ssib lil xi ħadd barrani wieqaf ħdejha, għax ikunu qed joħdulu ritratt mal‑abbati. Darba ġabuli gazzetta Ġermaniża b’ritratt daqs kartolina, tan‑nofs ta’ fuq tal‑istatwa, li użawh f’artiklu dwar safra f’Malta.
Hemm min jaħseb li l‑abbati jbaxxi rasu meta titfagħlu l‑flus biex jgħidlek grazzi. Meta darba oħra tgħaddi minn quddiemu itfagħlu xi ħaġa u oqgħod attent jekk ibaxxix rasu lejk!