1 minute read

Qaddis tax‑Xahar

San Josemaria Escrivá

Josemaria Escrivá twieled f’Barbastro, Spanja, fid‑9 ta’ Jannar 1902 u sar qassis fit‑28 ta’ Marzu 1925. Huwa studja l‑liġi u studji ekkleżjastiċi. Fl‑1927 mar Madrid biex iġib dottorat fil‑liġi. Kif kien hemm kien jaħdem ħafna mal‑fqar u l‑morda. Kien jaħdem ukoll mal‑istudenti, ħaddiema u professjonisti. Fit 2 t’Ottubru kellu ispirazzjoni li Alla kien qed isejjaħlu għax‑xandir universali għall‑qdusija. Għalhekk, permezz tas‑sit il‑ġdid li l‑Papa kien fetaħ: Opus Dei, li tfisser il‑ħidma ta’ Alla, Josemariá ried jgħallem lid‑dinja li, li tgħix għal Alla ma kinitx biss sejħa għas‑saċerdoti jew għas‑sorijiet, imma għal kulħadd. Ried li din is‑sejħa tinfirex mad‑dinja kollha. Maż‑żmien dan ħalla l‑frott u llum hemm madwar 90,000 ruħ f’Opus Dei u l‑messaġġ spiritwali tiegħu laħaq miljuni ta’ nies.

Ix‑xogħol tiegħu ma kienx biss Opus Dei, imma kien jgħin diversi nies jiddixxernaw il‑vokazzjoni tagħhom għas‑saċerdozju u għall‑ħajja reliġjuża. Fl‑1943 waqqaf soċjetà tal‑qassisin tas‑salib qaddis, soċjetà qrib u magħquda ma’ Opus Dei, li tagħha huma membri eluf ta’ qassisin minn madwar id‑dinja. It‑tagħlim tiegħu fuq iż‑żwieġ influwenza ħafna nies li poġġewh fil‑prattika. Escrivá kien bniedem favur id‑djalogu, u fl‑1950 rebaħ l‑approvazzjoni tal‑Papa biex idaħħal mal‑Opus Dei kooperaturi li setgħu jkunu Kattoliċi, Insara mhux Kattoliċi jew li ma jemmnux. Ispirati mit‑tagħlim tiegħu, speċjalment fuq ir‑responsabbiltà appostolika u soċjali tal‑Insara, il‑membri u l‑kooperaturi tal‑Opus Dei wettqu ħafna xogħol evanġeliku u inizjattivi soċjali mad‑dinja kollha, speċjalment mal‑fqar u l‑batuti. Minħabba l‑inizjattivi ġodda fi ħdan il‑Knisja, Escrivá ġie deskritt minn Papa San Ġwann Pawlu II bħala prekursur tal‑Konċilju Vatikan II. Huwa antiċipa bi tletin sena tagħlim li llum sar il‑patrimonju tal‑Poplu ta’ Alla. Josemaria kiteb ħafna kotba spiritwali li jinqraw madwar id‑dinja.

Dan il‑qaddis miet f’Ruma fis‑26 ta’ Ġunju, 1975. Ġie kkanonizzat minn Papa San Ġwanni Pawlu II fi Pjazza San Pietru fis‑6 t’Ottubru 2002, quddiem folla ta’ madwar 350,000 ruħ. Il‑viżjoni tiegħu kienet li nservu lil Alla fix‑xogħol tagħna ta’ kuljum; għalhekk huwa magħruf bħala l‑qaddis tal‑ordinarju.

“Ix‑xogħol tagħkom irid isir talba personali; irid isir konverżazzjoni ma’ Missierna fis‑sema.”

San Josemaria Escrivá. 

This article is from: