6 minute read

Propagazzjoni tal‑Fidi

L‑Arti Li Tħobb – L‑Ewwel Parti

Il‑Qalba tal‑Ħajja Hija l‑Imħabba

Kemm hawn nies li jaħsbu li biex tgħix ta’ Nisrani tajjeb jeħtieġ li ma tagħmilx il‑ħażen. Ma jdumux wisq biex jindunaw li din hija battalja li tintilef dejjem. In‑natura tagħna ta’ bnedmin hija dgħajfa u dejjem naqgħu. Biex inkun ċar ser nuża kliem kemxejn esaġerat: flok niffissa li ma rridx naqa’ fil‑ħażen, irrid niffissa li f’kull mument irrid nagħmel it‑tajjeb lill‑oħrajn.

Kemm nieħu gost naqra kapitlu 4 fl‑ewwel ittra ta’ San Ġwann Appostlu! Fih inħoss li hemm is‑sigriet għal ħajja aktar sabiħa. F’dan ir‑rakkont tinduna kemm San Ġwann qed jikteb mill‑esperjenza personali tiegħu. Huwa li fiż‑żgħożija tiegħu kien iltaqa’ ma’ Ġesù li qaliblu ħajtu ta’ taħt fuq u ħalla kollox biex imur warajh. Ġwanni, li fl‑aħħar ċena medd rasu fuq sider Ġesù, li ma’ Marija kien taħt is‑salib u hemm mingħand Ġesù rċieva lil Marija bħala ommu, li kif sema’ li Ġesù qam mill‑imwiet ġera ma’ Pietru u wasal qablu ħdejn il‑qabar, u li ma’ Marija

u d‑dixxipli l‑oħra rċieva l‑Ispirtu s‑Santu f’jum il‑Pentekoste. Ġwanni kiteb dan il‑kliem tad‑deheb fuq l‑imħabba u li għalih din l‑imħabba hija l‑qalb li tagħti l‑ħajja lil ħajjitna. F’vers 7 jikteb: “Għeżież, ejjew inħobbu lil xulxin.” Ma jgħidx ejjew inħobbu l‑proxxmu tagħna, imma nħobbu lil xulxin. Ma dan il‑kliem iżid: “Għax l‑imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb huwa mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla”, u f’vers 12: “Jekk inħobbu lil xulxin huwa jgħammar fina u mħabbtu ssib il‑milja tagħha fina.” Il‑milja tal‑imħabba qiegħda fina meta aħna nħobbu lil xulxin. Jekk aħna l‑Insara qabel kollox ngħixu hekk, Alla jgħammar fina u fostna; u kemm nies jinġibdu lejn Ġesù għax jarawh f’nofsna. Għalhekk hija r‑rieda t’Alla fuqna li qabel kull inizjattiva jew attività oħra, aħna għandna nsiru esperti fuq kif għandna nħobbu lil xulxin. Dan huwa l‑ewwel pass fil‑mixja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù. Bla ebda dubju din hija l‑ewwel ħtieġa għal kull missjunarju; mhux kemm nafu lingwi jew teoloġija, jew kemm nafu niġbru flus u ħafna affarijiet oħra. L‑ewwel nett: kemm qed inħobbu lil dawk li qed jaħdmu jew jgħixu magħna? Kien proprju dan l‑iskop li għalih Papa Ġwanni Pawlu II, wara li ntemmet is‑Sena Ġubilari 2000, fl‑ittra appostolika “Fil‑Bidu ta’ Millennju Ġdid”,

ippropona l‑Ispiritwalità tal‑Komunjoni fejn talabna “nagħmlu l‑Knisja, id‑dar u l‑iskola tal‑komunjoni” (43). Kien għalhekk li anki hu wasal biex joffrilna fil‑prattika l‑mod kif: “B’hekk nitgħallmu naqsmu magħhom il‑ferħ u n‑niket tagħhom, nintebħu bix‑xewqat tagħhom u ngħinuhom fil‑ħtiġijiet tagħhom, noffru ħbiberija soda u ġenwina. L‑ispiritwalità ta’ komunjoni tfisser ukoll li nkunu nafu naraw dak li huwa pożittiv fl‑oħrajn, nilqgħuh u ngħożżuh bħala rigal mingħand Alla, bħala rigal għalina. L‑ispiritwalità ta’ komunjoni tfisser fl‑aħħar nett ‘insibu l‑wisa’ għal ħutna billi ‘nerfgħu t‑tagħbijiet ta’ xulxin’ (Gal 6:2), u billi nieqfu lill‑ħajriet egoistiċi li jaqbdu magħna bla waqfien u jqanqlu l‑kompetizzjoni, karriera, sfiduċja u għira.” (43) Għalhekk ħsibt li nsemmu xi wħud mill‑punti miġbura minn diskorsi u kitbiet ta’ Chiara Lubich, fuq kif għandha tkun din l‑imħabba li rridu ngħixu lejn xulxin. Huma affarijiet li żgur smajna fuqhom kemm‑il darba u għalhekk naqrawhom bis‑sempliċità ta’ tfal, imma b’qalb kbira li trid tħobb lil Alla fil‑proxxmu tagħna ħalli bil‑grazzja t’Alla nkunu parti żgħira minn dik it‑talba ta’ Ġesù waqt l‑aħħar ċena lil Alla l‑Missier “biex isiru ħaġa waħda għal kollox, ħalli d‑dinja tagħraf li inti bgħattni”. (Ġw 17:23) L‑Insara kollha huma msejħin għal dan. Għax fil‑Kristjaneżmu l‑imħabba hija kollox. Santu Wistin, għalliem tal‑imħabba, jgħid b’qawwa: “Mill‑imħabba biss jintgħarfu wlied Alla. Kieku kulħadd irodd is‑salib (li hu att reliġjuż), iwieġeb Ammen u lkoll inkantaw l‑Alleluja (jiġifieri jekk isiru l‑liturġiji li huma importanti

ħafna, imma mhux biżżejjed), li kieku kulħadd jirċievi l‑magħmudija u jmur il‑knisja u jibni l‑ħitan tal‑bażiliċi, jibqa l‑fatt li hija l‑imħabba waħedha li tiddistingwi ’l ulied Alla. (Ikompli jgħid: “minn ulied satana”).

“Dawk li għandhom l‑imħabba huma mwielda minn Alla. Minn dan tagħrfuhom. Jekk int ikollok kollox, imma jkun jonqsok din il‑ħaġa biss, mela dak li għandek ma jiswa xejn. Jekk m’għandekx affarijiet oħra, imma għandek din biss, int tkun ħarist il‑liġi”. (Santu Wistin, kumment għall‑ewwel Epistola ta’ San Ġwann). Kulħadd jaf li l‑Vanġelu jitlobna ħafna affarijiet, imma nafu wkoll li hemm kmandament li jiġborhom kollha fil‑qosor. Fih, jgħid Ġesù, tinsab “il‑liġi kollha u l‑profeti”. Issa din hija l‑imħabba, l‑imħabba sopranaturali, dik li l‑Ispirtu s‑Santu poġġa f’qalbna. L‑imħabba hija virtù mill‑aktar importanti, hija kollox. Għalhekk, ikun jaqbel li nintefgħu minnufih biex ngħixuha xi ftit aħjar. Issa jekk nagħmlu dan irridu nkunu nafu liema huma l‑affarijiet li jagħmluha speċjali. Wieħed ħassieb jgħid: “Li tħobb hija ħaġa tajba, li tkun taf tħobb huwa kollox”. Iva, li tkun taf tħobb, għax l‑imħabba Nisranija hija arti u jeħtieġ li din l‑arti nitgħallmuha. Psikologu kbir ta’ żmienna qal: “Huwa rari ħafna li

ċ‑ċiviltà tagħna tfittex li titgħallem l‑arti tal‑imħabba, u minkejja t‑tfittxija ddisprata għall‑imħabba, kollox huwa meqjus iktar importanti: suċċess, fama, flus u setgħa. Kważi kull enerġija li għandna nużawha biex nilħqu dawn l‑għanijiet u kważi l‑ebda waħda ma nużawha biex nagħrfu l‑arti tal‑imħabba.” (E. Fromm) Il‑vera arti tal‑imħabba toħroġ kollha mill‑Vanġelu ta’ Kristu. L‑ewwel pass li żgur irridu nagħmlu huwa li nwettquha fil‑prattika biex inqanqlu rivoluzzjoni paċifika. Imma rivoluzzjoni li tant tinħass li tbiddel kollox. Rivoluzzjoni li ma tolqotx biss dak li huwa spiritwali, imma wkoll dak li huwa uman, u li ġġedded kull espressjoni: il‑kultura, il‑politika, l‑ekonomija, it‑tagħlim, ix‑xjenza, eċċ... Hija s‑sigriet ta’ dik ir‑rivoluzzjoni li biha l‑ewwel Insara setgħu jinfirxu mad‑dinja magħrufa ta’ dawk iż‑żminijiet. Hija arti impenjattiva, li titlob ħafna minna. Hija arti li tridna mmorru lil hinn mill‑orizzont dejjaq tal‑imħabba naturali li nindirizzawha ħafna drabi sempliċement lejn tal‑familja tagħna u l‑ħbieb biss. Hawnhekk l‑imħabba rridu nagħtuha lil kulħadd: lil min hu simpatiku u lil min mhux, lil min hu sabiħ u lil min hu ikrah, lil min ġej minn art twelidi u lil min hu barrani, lil min hu tat‑twemmin tiegħi jew ta’ xi twemmin ieħor, lil min

għandu l‑kultura tiegħi jew xi kultura oħra, ħabib jew avversarju jew għadu: hu x’inhu. Jeħtieġ inħobbu lil kulħadd kif jagħmel il‑Missier tas‑Smewwiet li jibgħat ix‑xemx u x‑xita fuq it‑tajbin u fuq il‑ħżiena.

Hija din l‑imħabba li timbuttana biex inħobbu aħna l‑ewwel u dejjem, mingħajr ma nistennew li jħobbuna. Kif għamel Ġesù Kristu, li meta konna għadna “ħżiena”, u għalhekk mhux ta’ min iħobbna, ta ħajtu għalina. Hija mħabba fejn jiena nqis lill‑ieħor daqsi, nara lili nnifsi fl‑ieħor. Gandhi kien jgħid: “Inti u jien, aħna ħaġa waħda. Ma nistax nagħmillek id‑deni bla ma nweġġa’ lili nnifsi.” Din l‑imħabba mhijiex magħmula biss minn kliem jew sentimenti, hija konkreta. Titlobna nsiru “ħaġa waħda” mal‑oħrajn, li b’xi mod “ngħixu” lill‑oħrajn fit‑tbatijiet tagħhom, fil‑bżonnijiet tagħhom, biex nifhmuhom u ngħinuhom bl‑aħjar mod. Din l‑arti tridna nħobbu lil Ġesù fil‑persuna li nħobbu. Infatti, anki jekk din l‑imħabba hija diretta lejn dak ir‑raġel jew lejn dik il‑mara partikolari, Kristu jqisu magħmul miegħu t‑tajjeb jew il‑ħażin kollu li nagħmlu magħhom. Dan qalu u tennieh meta kien qed jitkellem fuq ix‑xena kbira tal‑aħħar ġudizzju: “Għamiltuh miegħi. Għamiltuh miegħi.” (Mt. 25:40) Din l‑arti tal‑imħabba, mgħixa minn ħafna, twassal għall‑imħabba reċiproka: fil‑familja, fil‑post tax‑xogħol, fi gruppi, fis‑soċjetà; imħabba bejn il‑bnedmin, ġawhra tal‑Evanġelu, kmandament ġdid ta’ Kristu, li jibni l‑unità. Dawn huma l‑karatteristiċi tal‑imħabba vera, l‑esiġenzi li jagħmluha speċjali u li nsibuha fil‑Vanġelu. 

AGĦMEL IT‑TMIEM TAL‑FAQAR PARTI MILL‑ISTORJA TAʼ ĦAJTEK.

RIEDA LI TAGĦTI

Wirt dejjiemi li jibdel il‑ħajjiet

Billi tiftakar f'Missio Malta fil‑wirt tiegħek, inti tista' tagħmel differenza għal dejjem fid‑dinja li l‑ġenerazzjoni li jmiss qed tikber fiha. Rigal mingħandek jista', ħafna snin oħra, jidher fit‑tbissim tat‑tfal f'pajjiżi tat‑Tielet Dinja li ser jibbenefikaw mill‑ħniena u l‑kompassjoni tiegħek. Il‑legati tiegħek li tħalli warajk dejjem ser iħallu tbissima ħajja fil‑qlub ta' nies oħra. Jien. Int. Aħna. Flimkien.

VO/1178

Nru. 7, Triq il‑Merkanti, il‑Belt Valletta VLT 1171. Tel: (+356) 2123 6962 | E‑Mail: info@missio.org.mt www.missio.org.mt

This article is from: