
2 minute read
Messaġġ mid‑Direttur
Xmara ta’ Ħniena Divina
Ix‑xahar ta’ Ġunju huwa ddedikat lill‑Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù; dik il‑qalb minfuda li minnha toħroġ xmara ta’ ħniena divina. San Ġwann, fl‑Evanġelju tiegħu jgħidilna li meta s‑suldati responsabbli mill‑esekuzzjoni raw li Ġesù kien miet, ma kissrulux riġlejh bħalma għamlu lit‑tnejn l‑oħra li kienu msallbin miegħu, “iżda wieħed mis‑suldati nifidlu ġenbu b’lanza u minnufih ħareġ demm u ilma”. (19:24) San Ġwann, huwa u jħares lejn Ġesù mejjet b’ġenbu miftuħ, għaraf li dan kien diġà mħabbar mill‑profeta Żakkarija, meta qal: “Huma jħarsu lejn dak li jkunu nifdu.” (12:10) Illum ukoll għadna nħarsu lejn din il‑qalb miftuħa għaliex fiha biss insibu il‑fejqan tassew u l‑mistrieħ tagħna. Ġesù miet biex jaqlgħalna mingħand il‑Missier id‑don tal‑Ispirtu s‑Santu. L‑appostli, bir‑raġun tnikktu huma u jisimgħu lil Ġesù jgħidilhom li dalwaqt kien ser iħallihom biex imur lura għand il‑Missier. Huwa u jqawwilhom qalbhom biex ma jibżgħux, Ġesù qalilhom: “Ngħidilkom is‑sewwa, jaqblilkom li jiena mmur għaliex jekk ma mmurx, id‑Difensur ma jiġix għandkom, imma jekk immur, nibgħathulkom.” (Ġw. 16:7)
Barra dan id‑don kbir, minn din il‑qalb ħarġu s‑seba’ għejjun ta’ grazzja: is‑sagramenti; fosthom is‑sagrament tal‑maħfra (il‑qrar) u s‑sagrament tal‑Ewkaristija. Ġesù xerred demmu mhux għalih innifsu, iżda għalina u għall‑bnedmin kollha għall‑maħfra ta’ dnubietna. Bħalma l‑poplu Lhudi, fi triqtu lejn l‑Art Imwiegħda, inħeles minn sriep velenużi billi ħares lejn serp tal‑bronż arbulat fuq għolja bħalma Alla kien ikkmanda lil Mosè biex jagħmel (Num. 21:9), hekk aħna llum naqilgħu l‑maħfra ta’ dnubietna jekk b’qalb

niedma u b’fidi mħeġġa nħarsu lejn Ġesù msallab li xerred demmu “għall‑maħfra tad‑dnubiet”. (Mt. 26:28) Ħadd minna għalhekk, m’għandu jibża’ jew jaqta’ qalbu mis‑salvazzjoni tiegħu, għaliex il‑qalb miftuħa ta’ Ġesù hija l‑akbar sinjal tal‑ħniena u tat‑tjieba infinita t’Alla lejna l‑bnedmin. Barra dan, Ġesù miet biex jagħtina ġismu u demmu bħala ikel u xorb. San Pawl jgħallimna li, “kull meta tieklu dan il‑ħobż u tixorbu dan il‑kalċi, intom ixxandru l‑mewt tal‑Mulej sa ma jiġi”. (1Kor. 11:26) L‑Ewkaristija mhix xi ħaġa ta’ lussu jew riservata għal xi okkażjoni speċjali, imma għandha tkun għal kull Nisrani l‑ikla ta’ kuljum tiegħu. Ġesù, permezz ta’ dan is‑sagrament, jibdilna fih. Dan ifisser li jum wara l‑ieħor, insiru naħsbu, naġixxu u nitkellmu bħalu. Is‑sejħa ta’ kull Nisrani hija li jsir Ewkaristija ħajja billi jkun lest li jaħsel saqajn l‑oħrajn. (Ġw 13:14)
Papa San Piju X fehem sewwa dan. Għalhekk ried li t‑tfal, sa mill‑età żgħira ta’ sitt snin, jibdew jirċievu lil Ġesù Ewkaristija. F’dawn il‑jiem, ilkoll nifirħu naraw lil dawn it‑tfal fl‑innoċenża tagħhom jersqu biex jirċievu lil Ġesù Ewkaristija għall‑ewwel darba. Fl‑istess waqt, għandna lkoll noqogħdu attenti biex ma nintilfux fuq ħafna xinxilli, bħal żraben, ilbies, festini u xagħar, iżda li nuru lil dawn it‑tfal kif għandhom jgħixu l‑Ewkaristija billi jaħfru, iħennu, jaqdu u fuq kollox iħobbu lill‑oħrajn kif ħabbna l‑Mulej. (Ġw. 13:34)

DONAZZJONIJIET B’RIS Q IL‑MISSJONI
sms fuq 50617374 – 2.33 | sms fuq 50618820 – 6.99
B’SMS ta’ €6.99 tkun qed B’SMS ta’ 6.99 tkun qed tixtri l‑kotba għal tifel jew tifla tixtri l‑kotba għal tifel jew
Jien. Int. Aħna. Flimkien.
(VO/1178)

Int tista’ tagħti daqqa t’id. Missio għandu bżonn il‑voluntiera. Jekk int interessat, ċempel 21236962
