
2 minute read
90 Sena ta’ Storja
MALTA MISSJUNARJA – IT‑3 PARTI
Inkomplu naqraw mill‑imgħoddi
Malta Missjunarja (1937‑41): F’Ottubru tal‑1938 kien ħareġ għadd speċjali fl‑okkażjoni tal‑XXXV Kungress Ewkaristiku Djoċesan Malti, sollennement inawgurat minn Mons. Gonzi bħala delegat tal‑kungress waqt funzjoni li saret fil‑Kon‑Katidral ta’ San Ġwann, il‑Belt. Fih insibu ‘Sol Novus’ (p.11), poeżija ta’ Ġorġ Pisani (1909‑1999), miktuba f’Għawdex, u ‘Tliet Saltniet’ (p.25) ta’ Karmenu Vassallo (1913‑1987), datata 8 ta’ Settembru, li huwa kiteb fis‑Siġġiewi, raħal twelidu, b’tifkira t’għeluq il‑25 Sena tal‑Kungress Ewkaristiku Internazzjonali tal‑1913. Poeżija oħra hija dik tas‑Seminarista V.D. Ciappara1: ‘Ġesù u Malta’ (p.32‑33), bi 13‑il strofa endekasillaba u rima abċb. Tal‑istess awtur insibu oħrajn ukoll: ‘Għalkemm Minsija’ (fuq il‑missjunarji mejtin) (Sena VI, Ott. 1938, nru 10, p.236‑7) u ‘Il‑Milied’ (Sena VI, Diċ. 1938, nru 12, p.259), b’disa’ strofi settenarji u rima abbċ. (Fil‑MM ta’ Ġun. 1939 Sena VII, nru 6, p.136‑7, 142‑3, 147‑150, 159, 162, kienu dehru għadd t’artikli u ritratti b’rabta ma’ dan il‑kungress nazzjonali li kien sar f’April.)
Matul l‑1939 dehru diversi poeżiji f’għaddijiet differenti: ‘Il‑Quddiesa’ (Sena VII, Jan. 1939, nru 1, p.9) b’sitt strofi ottonarji bir‑rima aabb u distiku
1Il‑Kanonku Teologu Dun Vinċenz Ciappara (1917‑1991) ordna saċerdot fl‑1943 u nħatar ċerimonjier u segretarju tal‑Kapitlu Elenjan. Kien Kantur għal 46 sena sħaħ. Ħadem fi ħdan l‑A.K. bħala Ass. Ekkl. Wara li rtira minn għalliem fil‑Liċeo għamel xi żmien jieħu ħsieb il‑knisja l‑qadima ta’ Birkirkara. Skont Paul Saliba, kellu kelma faċli, għarfa u sempliċi fl‑istess ħin. (Taw Ġieħ lil Arthom (2011), p.100‑1).
irrimat, u ‘Il‑Missjunarju’ (Sena VII, Frar 1939, nru 2, p.47) bi tmien strofi ottonarji bl‑istess rima u distiku aħħari, it‑tnejn ta’ Dun Angelo Copperstone (1888‑1960), awtur prolifiku u poeta Senglean; ‘Piju XI’ (p.90), sunett Taljan, u ‘Piju XII’ (p.105) ta’ Vodoca (psewdonimu) (Sena VII, Apr. 1939, nru 4: Għadd speċjali b’tifkira tal‑elezzjoni tal‑Papa Piju XII); ‘Il‑Magħżul’ (Sena VII, Mej. 1939, nru 5, p.121) b’seba’ strofi ottonarji u rima aabb ta’ P.G. Portelli S.J.; ‘Lil Marija’ (f’jum it‑twelid tagħha) (Sena VII, Sett. 1939, nru 9, p.225) b’disa’ strofi kwaternarji ta’ tmint ivrus‑il waħda, bir‑raba’ u t‑tmien wieħed jirrimaw, ukoll ta’ Vodoca; ‘B’Tifchira ta’ Mons. Gius. Dec. De Piro’ (Sena VII, Sett. 1939, nru 9, p.226‑7), kitba bil‑Malti qadim ta’ Fra Giunepero, fl‑okkażjoni t’għeluq is‑sitt snin mill‑mewt ta’ dan l‑appostlu tal‑missjoni; ‘Tifkira f’Għeluq is‑Sitt Anniversarju mill‑Mewt ta’ Monsinjur Ġużeppi dei Marchesi de Piro’ (Sena VII, Ott. 1939, nru 10, p.256‑8), taħdita biografica‑letteraria bir‑Rediffusion mis‑Sur Romeo L. Psayla, li fl‑1938 kien responsabbli mill‑organizzazzjoni tal‑Konkors tal‑Poeżija mniedi mid‑ditta The Imperial Trading Co.; ‘Lil Ġesù Bambin’ (Sena VII, Diċ. 1939, nru 12, p.289) ta’ Vodoca b’seba’ strofi ottonarji ta’ sitt ivrus‑il waħda u rima aabċċb; ‘Il‑Milied’ (Sena VII, Diċ. 1939, nru 12, p.297) ta’ F.C. b’ħames strofi dekasillabi u rima alternata. L‑ewwel żewġ xogħlijiet mill‑pinna ta’ Dun Anton Xiberras (DAX) (1922‑2006) taħt il‑psewdonimu ta’ ‘Sciant’ kienu żewġ rakkonti: ‘Kalb ta’ Tfajjel’ (Sena VII, Ġun. 1941, nru 6, p.155) u ‘Demm ta’ Martri’ (Sena VIII, Ġun. 1941, nru 6, p.135‑6). Fl‑istess sena dehret ‘Il‑Missjunarju Sejjer’ (Sena VIII, Lul.‑Aww. 1940, nri 7‑8, p.155), poeżija b’ħames strofi dekasillabi (jew kwinarji doppji) li huwa kiteb fin‑Naxxar. Rakkont ieħor ta’ ‘Sciant’, ‘Il‑Bojja ta’ Missieri’ deher fil‑ħarġa t’Ott. 1940, Sena VIII, nru 10, p. 201‑2 u 204. Fl‑istess ħarġa dehret l‑ewwel novella tiegħu miktuba bil‑Malti qadim ‘Min Int ja Sidi?’ (p.258‑9). Poeżija oħra ġġib l‑isem ta’ ‘Soru’ (Sena IX, Jan. 1941, nru 1, p.7), maħduma wkoll in‑Naxxar, b’erba’ strofi endekasillabi. Ir‑rakkont ‘Qalb tal‑Alaska’ (Sena IX, Mar.‑Apr. 1941, nri 3‑4, p.63‑4) deher taħt l‑istess psewdonimu.
