REĊENSJONI TA’ KTIEB ‑ DUN CHARLES BUTTIGIEG
Ġunju 2021
Kuruna ta’ Ward Fl‑aħħar tal‑ktieb insibu appendiċi dwar il‑Patrimonju Sagru li ngħata Dun Ġużepp Cauchi u ieħor dwar l‑eżumazzjoni bir‑ritratti.
D
an huwa ktieb dwar it‑talba tar‑Rużarju Mqaddes u dwar il‑figuri ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi fil‑kitba u fl‑omeliji ta’ Dun Ġużepp Cauchi, li għandu jkun f ’idejna f ’dawn il‑ġranet. Stampat fl‑okkażjoni tas‑sena ddedikata lil San Ġużepp 2020‑2021 u f ’għeluq l‑għoxrin sena mill‑eżumazzjoni u t‑trasferiment tal‑fdalijiet ta’ Dun Ġużepp Cauchi. Il‑ktieb huwa ddedikat lil Marija Cauchi, neputija ta’ Dun Ġużepp Cauchi li għaddiet għall‑ħajja ta’ dejjem nhar il‑15 ta’ Lulju tal‑2020. Bħala benefattriċi ħalliet ‘Dar Dun Ġużepp Cauchi’ lill‑parroċċa ta’ San Lawrenz. Wara l‑preżentazzjoni sabiħa mill‑Kappillan ta’ San Lawrenz Dun Charles Sultana u d‑Daħla, il‑ktieb huwa maqsum fi tliet partijiet: ir‑Rużarju, Ġesù, Marija u Ġużeppi, u l‑Bniedem.
Skont l‑opinjoni tiegħi, f ’dan il‑ktieb għandna l‑ewwel nett l‑aqwa deskrizzjoni tat‑talba tar‑Rużarju bħala kuruna ta’ ward, u min jitlob din it‑talba jxomm il‑fwieħa ta’ Ġesù, tal‑Madonna u wkoll ta’ San Ġużepp. Dun Ġużepp iħeġġiġna sabiex nitolbu din it‑talba tant qawwija u għażiża ta’ kuljum, speċjalment fix‑xhur ta’ Mejju u t’Ottubru, u dan fuq il‑passi ta’ qaddisin kbar bħal San Duminku, San Franġisk t’Assisi, San Karlu Borromeo, San Alfons Marija De Liguori, San Filippu Neri u San Pawl tas‑Salib. Devozzjoni li xerrduha wkoll ħafna Papiet fl‑istorja tal‑Knisja. Fit‑tieni parti tal‑ktieb, Dun Ġużepp Cauchi jitkellem dwar ir‑Rebħa tas‑Salib ta’ Kristu, il‑kobor tal‑Madonna bħala Omm Alla u Omm il‑Knisja, u dwar il‑missjoni ta’ San Ġużepp bħala Kustodju tal‑Feddej u tal‑Immakulata. It‑tielet parti tal‑ktieb tittratta dwar id‑dinjità tal‑bniedem maħluq fuq ix‑xbieha t’Alla, u wara l‑waqgħa tal‑ewwel ġenituri tagħna, il‑bnedmin infdew minn Sidna Ġesù Kristu.
Għalhekk nifraħ lill‑ħabib tiegħi, Angelo Xuereb, li għal darba oħra ġabar u ħejja b’mod eċċellenti l‑materjal ta’ dan il‑ktieb. Prosit ukoll lill‑Kummissjoni ‘Tifkira Dun Ġużepp Cauchi’ li sa minn meta twaqqfet fl‑1985, permezz tas‑segretarju ħabrieki tagħha s‑Sur George Borg, qiegħda tagħtina rigal ieħor mid‑damma tal‑kitbiet spiritwali u profondi ta’ dan is‑saċerdot qaddis minn San Lawrenz. Il‑ktieb huwa żgur siewi għal dawk kollha li jixtiequ jagħmlu mixja ta’ meditazzjonijiet spiritwali ta’ kuljum. Huwa wkoll utli għal gruppi ta’ talb u laqgħat ta’ kategoriji diversi fil‑parroċċi. Jiswa wkoll għal min jixtieq jistrieħ ftit mir‑ritmu sfrenat tal‑ħajja u jinġabar għal ftit jiem waħdu mal‑Mulej f ’irtir personali, speċjalment f ’din is‑Sena Ġużeppina, u b’hekk jaqla’ wkoll l‑indulġenzi marbuta ma’ din is‑sena speċjali. Għalhekk, kull min irid jikseb kopja ta’ dan il‑ktieb, huwa mitlub jikkuntattja lis‑Segretarju tal‑Kummissjoni ‘Tifkira Dun Ġużepp Cauchi’ permezz tal‑imejl: georgevborg61@gmail.com jew billi jċempel fuq in‑numru 2155 4181 jew mowbajl 9882 814. 27