Awwissu 2021
IL‑QADDISA TAX‑XAHAR – NANCY CAMILLERI
Beata Sor Marija Laura Mainetti
S
or Marija Laura Mainetti, Taljana ta’ 60 sena li nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina minn tliet tfajliet fis‑sena 2000 f ’Chiavenna, ġiet ibbeatifikata nhar il‑Ħadd 6 ta’ Ġunju, 2021 wara li Papa Franġisku ddikkjaraha martri. Hija kienet is‑superjura li tieħu ħsieb il‑kunvent tas‑Sorijiet tas‑Salib f ’Chiavenna. Kienet magħrufa għall‑impenn soċjali li kellha u għall‑karità li kienet tagħmel maż‑żgħażagħ u man‑nies fil‑bżonn. Fis‑6 ta’ Ġunju 2000, tliet tfajliet li kienu jafuha sew għax kienet tgħallimhom il‑katekizmu, qalu lil Sor Marija biex tiltaqa’ magħhom filgħaxija fi ġnien pubbliku, għax waħda minnhom riedet tkellimha peress li sfat stuprata, ħarġet tqila u kienet qed tikkonsidra tagħmel abort. Kif waslet, it‑tfajliet bdew jgħajtu magħha u ġegħluha toqgħod għarkupptejha. Waħda mit‑tfaljliet bdiet tagħtiha b’kantun tal‑briks u oħra bdiet tħabbtilha rasha mal‑ħajt, filwaqt li waħda wara l‑oħra bdew jagħtuha daqqiet b’sikkina tal‑kċina; b’kollox dsatax‑il daqqa. 22
Kellhom l‑intenzjoni li jagħtuha tmintax‑il daqqa ta’ sikkina, sitt darbiet kull waħda biex jiffurmaw in‑numru 666. Sor Mainetti talbet il‑ħin kollu waqt l‑attakk u talbet lil Alla biex jaħfer lil dawn it‑tfajliet. L‑aħħar kelmiet li nisslet kienu: “Mulej, aħfrilhom.” It‑tfajliet li nstabulhom xi noti b’kitbiet sataniċi, ammettew dak li għamlu, ġew akkużati u weħlu l‑ħabs.
Meta ħarġu mill‑ħabs, dawn it‑tfajliet bdew ħajja u familji ġodda. Waħda minnhom kitbet ittra lis‑sorijiet tal‑kongregazzjoni li tgħid li l‑memorja ta’ Sor Mainetti taħfrilha waqt li kienet qed toqtolha, baqgħet magħha. “Jien tagħha għandi biss memorja ta’ mħabba. U barra minn dan, ġegħlitni nemmen f ’xi ħaġa li la hi Alla u lanqas Satana, imma li hija mara sempliċi li għelbet il‑ħażen.
Issa fiha nsib wens u l‑grazzja li nissaporti dak kollu li ngħaddi minnu. Jien dejjem nitlobha u ċerta li ser tgħinni nkun persuna aħjar.” Il‑quddiesa tal‑beatifikazzjoni saret fi grawnd tal‑isport f ’Chiavenna, fejn attendew mal‑2,500 ruħ. Papa Franġisku qal: “Illum Chianvenna, fid‑Djoċesi ta’ Como, Sor Maria Laura Mainetti, li nqatlet minn tliet tfajliet taħt l‑influwenza ta’ setta satanika, 21 sena ilu, ser tiġi bbeatifikata. Hija kienet tħobb lil dawn iż‑żgħażagħ b’qalbha kollha u kienet hi stess li għenithom u waslet biex ħafritilhom fl‑aħħar nifs ta’ ħajjitha. Din is‑soru ħallitilna programm għal ħajjitna, dak li nagħmlu l‑affarijiet, anki żgħar, b’fidi, b’imħabba u b’entużjażmu. Jalla l‑Mulej jagħtina lkoll l‑fidi, l‑imħabba u l‑entużjażmu.”
“Li taqdi lil Kristu huwa li ssaltan: Hawn jien: il‑ferħ tas‑servizz tiegħi kull mument f’konformità mar‑Rieda Divina Tiegħek.” Sor Marija Laura Mainetti kitbet dan fid‑djarju tagħha, fil‑ġurnata li fih ipprofessat fl‑1959.