7 minute read

Santa Infanzja

Skola fuq l‑Andes

Bolivar hija belt ċkejkna ta’ 2,500 ruħ, fil‑qalba tal‑Andes, fil‑Peru, f’għoli ta’ 3,200 metru. It‑territorju tagħha jinkludi 30 raħal żgħir, imxerrda fuq territorju enormi u fejn l‑ivvjaġġar huwa wisq diffiċli. Biex tasal għal dan il‑post minn Lima, il‑belt kapitali, trid tivvjaġġa għal 31 siegħa u l‑aħħar tmien sigħat fuq trejqat imħarbta għall‑aħħar. Hawnhekk, l‑aktar mezz komuni tat‑trasport huwa d‑debba. Biex tasal f’xi wħud mill‑irħula tieħu jumejn sejjer fuq id‑debba. Skond l‑istatistiċi tan‑Nazzjonijiet Magħquda, f’Bolivar, l‑iżvilupp uman huwa aktar ’l isfel minn dak tan‑Niġer, li jinsab fl‑aħħar post fl‑istatistiċi tal‑2019. Ħafna min‑nies jgħixu mill‑agrikoltura, ikabbru patata, qamħ għall‑annimali u jrabbu xi baqra għall‑ħalib. Xi ftit jirnexxilhom isibu xogħol f’xi postijiet pubbliċi (fi skola jew fil‑muniċipju), waqt li l‑maġġoranza taż‑żgħażagħ jinżlu jfittxu x‑xogħol mal‑kosta tal‑baħar: l‑irġiel f’xogħol agrikolu u n‑nisa f’xogħol domestiku ma’ xi familja. Minħabba dan, is‑sitwazzjoni li jinsabu fiha ġġiblek għajnejk wara widnejk. F’Bolivar hemm faxxa ta’ età li hija nieqsa kompletament. Għandek it‑tfal u għandek l‑anzjani; it‑tfal jgħixu man‑nanniet.

Il‑proġett ‘Skola fuq l‑Andes’ beda mill‑kappillan ta’ Bolivar, Dun Emeterio Castaneda, li nduna li ħafna mit‑tfal ma jmorrux l‑iskola, kemm minħabba d‑distanzi kbar u kemm minħabba li ħafna familji jkollhom jinqdew bit‑tfal biex jaħdmu l‑art. Dun Emeterio beda billi fetaħ skola żgħira fil‑qalba tal‑parroċċa, u beda jmur minn dar għall‑oħra u b’kollox ġabar 80 tifel u tifla. Sab dar kbira, li ħadha b’kera u użaha bħala skola. In‑numru tat‑tfal malajr

kiber. Biex jipperswadihom jibqgħu jiġu l‑iskola, għax ta’ kuljum kellhom jimxu sigħat biex jaslu, beda jippreparalhom ikla sħuna kuljum. Bl‑għajnuna tal‑‘Amu onlus’, li hija NGO, u tal‑Konferenza Episkopali Taljana, bnew skola ġdida li semmewha San Francisco de Asis, b’sitt klassijiet għall‑elimentarja u ħamsa għas‑sekondarja. Din hija skola li fiha, kull sena, madwar 150 student, anki dawk ġejjin mill‑bogħod ħafna, jistgħu jkollhom aċċess għall‑edukazzjoni u alimentazzjoni tajba u kompluta. L‑iskola għandha għalliema mħallsa mill‑istat u magħżula minn fost l‑abitanti tal‑parroċċa li huma kkwalifikati għat‑tagħlim. Fil‑Peru, il‑gvern iħallas is‑salarju għal kull skola pubblika, anki jekk ġestita mill‑privat, bħal f’dan il‑każ mill‑parroċċa.

Fl‑2015 il‑ministeru tal‑edukazzjoni Peruvjan ikklassifika, mill‑iskejjel kollha ta’ dak ir‑reġjun, lil din l‑iskola fost l‑aqwa bi kwalità ta’ suċċess tliet darbiet aktar għolja mill‑medja nazzjonali. Ta’ importanza fundamentali hija l‑formazzjoni tal‑għalliema u magħha l‑kwalità ta’ ħajja tal‑istudenti. Biex iħajru lill‑familji jibagħtu lit‑tfal l‑iskola, jagħtuhom ‘il‑pakkett student’, li jkun fih pitazzi, lapsijiet, pinen, kuluri, uniformi u kotba, u d‑dritt għal platt sħun kuljum li jkun ippreparat mill‑ġenituri stess ta’ xi studenti. Il‑komunità kollha hija involuta f’dan il‑proġett: il‑parroċċa u l‑kunsill lokali, ġenituri, studenti u edukaturi, u dan qed iħalli ħafna frott. Mingħajr dan l‑impenn ta’ kulħadd ikun diffiċli tifhem is‑suċċess ta’ din l‑iskola li tinsab imdawra minn tant diffikultajiet ta’ trasport, faqar u tant problemi oħra. Wieħed mill‑aktar punti importanti fuq il‑livell tal‑edukazzjoni, huwa l‑attenzjoni kbira fuq ir‑relazzjonijiet bejn il‑persuni, bejn il‑ġenituri u l‑iskola, kif ukoll bejn l‑għalliema u l‑istudenti.

Nagħtu eżempju: Claudia li għandha 9 snin, kienet tħoss li l‑għalliema tal‑Matematika tagħha ma kinitx qed tagħti kasha daqskemm kienet taghti kas tal‑istudenti l‑oħra fil‑klassi. L‑okkażjoni biex tgħid dak li xtaqet ġiet waqt il‑Festa taż‑Żgħażagħ, festa li l‑għalliema jorganizzaw għall‑istudenti. Fil‑klassi ta’ din it‑tifla nħass li l‑festa ma setgħetx tibda qabel ma ssir ir‑rikonċiljazzjoni. Dakinhar bejn Claudia u l‑għalliema tagħha kien hemm tgħanniqa li ma riedet tispiċċa qatt. “Inħobbok ħafna Miss,” qalet Claudia, “ma nistgħux nibqgħu niġġieldu.” L‑għalliema qalet: “Ma naħsibx li ġġilidna verament, forsi

nistgħu ngħidu li ma tkellimniex biżżejjed. Mil‑lum ’il quddiem nitkellmu aktar ma’ xulxin u tara kif kollox imur għall‑aħjar.” M’hemmx xi tgħid aktar. Dakinhar kienet festa vera u kulħadd feraħ b’din il‑paċi, anki l‑ġenituri meta semgħu x’kien ġara.

Francis għandu d‑Down syndrome. F’din l‑iskola l‑ġenituri tiegħu sabu dak li għal żmien kienu qed ifittxu; spazju ta’ akkoljenza u ta’ ġentilezza. Bl‑imħabba tal‑għalliema u tal‑istudenti, Francis integra ruħu tajjeb fl‑attivitajiet kollha tal‑iskola. Ma kinitx ħaġa stramba filgħodu tarah joffri ruħu biex imexxi t‑talba flimkien. L‑istudenti tgħallmu mhux biss jaċċettawh, iżda saru jħobbuh għall‑mod kif imlielhom ħajjithom b’tant ferħ. Din is‑sena Francis spiċċa b’suċċess il‑livel elimentarju. Waqt il‑gradwazzjoni, ommu kienet kommossa waqt li kienet qed tirringrazzja lil kulħadd għas‑suċċess ta’ binha. F’dan iż‑żmien li l‑pandemija tal‑COVID‑19 ħolqot diffikultajiet enormi, minn Bolivar ikomplu jaslu aħbarijiet ta’ komunità aktar magħquda u aktar b’saħħitha li hija determinata li tkompli ssaħħah il‑formazzjoni taż‑żgħażagħ akkost ta’ kull sagrifiċċju. Din hija parti minn ittra li fiha Dun Emeterio kiteb fuq kif huma sejrin l‑istudji u l‑ħajja tal‑komunità:

“It‑tfal tal‑iskola tagħna sejrin tajjeb. Minn Marzu bdew isegwu l‑lezzjonijiet bid‑distanza minħabba n‑nuqqas tal‑mezzi diġitali. L‑għalliema b’kuraġġ impressjonanti, iffaċċjaw is‑sitwazzjoni billi marru lura għall‑mezzi qodma. Min m’għandux mowbajl, jista’ jsegwi l‑lezzjonijiet fuq ir‑radju. Min lanqas radju m’għandu, l‑għalliema jgħaddu d‑dar tagħhom u jagħtuhom il‑lezzjoni

stampata fuq karta. Sigħat ta’ mixi fuq il‑muntanji minn dar għall‑oħra. Bħalissa, uffiċjalment il‑liġi hija li wieħed ma jistax jivvjaġġa minn raħal għall‑ieħor billejl. Għall‑protezzjoni tal‑popolazzjoni ta’ Bolivar, in‑nies għamlu liġi li ma tħalli lil ħadd jidħol jew joħroġ mill‑belt, jekk mhux f’każijiet eċċezzjonali. Grazzi għal din il‑prekawzjoni, bħalissa f’Bolivar hemm biss 21 każ tal‑imxija u ħadd ma miet, filwaqt li fil‑bqija tal‑Peru l‑każijiet huma ħafna. Anki l‑Knisja Peruvjana għamlet ħafna biex tgħin. Biżżejjed ngħidu li l‑isqof il‑ġdid tad‑djoċesi, li Bolivar jagħmel parti minnha, bena fabbrika żgħira li tipproduċi l‑ossiġnu għall‑bżonnijiet tal‑morda, għax fl‑isptarijiet hemm nuqqas tiegħu, u l‑istess għamel Patri Walter li jinsab f’żona mhux ’il bogħod minn Bolivar. Dan kien possibbli grazzi għall‑kontribut minn xi imprendituri u Nsara mid‑djoċesi. Din l‑inizjattiva ħajret biex isir ftehim ma’ ditta farmaċewtika tal‑post biex jipproduċu ‘paracetamol’ bi rħis u hekk eliminaw il‑possibbiltà ta’ kuntrabandu fejn il‑prezz kien tela’ għal 15‑il darba aktar.”

Imma dan mhux kollox. Waħda mill‑ħolmiet ta’ Dun Emeterio u l‑komunità hija li jibnu poliambulatorju ġo Bolivar, li jkun jista’ jaqdi lill‑popolazjoni għall‑kura medika bażika. Dan ikun żvilupp importanti għall‑popolazzjoni. Ħolma li l‑kuraġġ u l‑ispirtu determinat ta’ komunità jistgħu jagħmluh realtà. 

Modi kif tista’ tgħin

 Ċekk indirizzat lil Missio Malta (7, Triq il‑Merkanti, il‑Belt Valletta VLT 1171.)

 Bank Transfer

Missio Malta IBAN: MT94APSB77013000000041474120039 Swift Code: APSBMTMT

(Min jagħmel donazzjoni f'dan il‑kont jibagħtilna nota dwar l‑ammont u meta sar id‑depożitu sabiex tintbagħat irċevuta.)  Donazzjoni b’SMS • 50617374 ‑ €2.33 • 50618820 ‑ €6.99 (Numri miftuħin is‑sena kollha.)

 Donazzjoni bit‑telefon tad‑dar • 51602062 ‑ €10 • 51702063 ‑ €15 • 51802064 ‑ €25 (Numri miftuħin is‑sena kollha.)  www.missio.org.mt Iżżur il‑websajt u kklikkja fil‑parti Donations.  Jew għal donazzjonijiet ‘direct debit’ ċempel: 2123 6962.

Kif tista’ tgħin lit‑tfal fil‑missjoni:

€ 120 Kotba tal‑iskola għal 18‑il student għal sena skolastika sħiħa € 27 Qażquż lil familja fil‑bżonn

€ 200 Trasport lejn l‑isptar għal nisa tqal li jgħixu f’żoni remoti € 66 Kors intensiv ta’ tagħlim bażiku għal omm biex tgħin lil uliedha

€ 2,000 Tħaffir ta’ spiera li tissuplixxi ilma nadif lil komunità sħiħa

Ibgħat id‑donazzjoni tiegħek lil ‘Missio’ Nru. 7, Triq il‑Merkanti, Valletta VLT 1171 Jew fuq www.missio.org.mt Għal aktar dettalji ċemplu fuq 21236962 jew 20330015 fil‑ħinijiet tal‑uffiċċju. GRAZZI!

CHILD SPONSORSHIP

€150 – edukazzjoni għal sena sħiħa lil tifel jew tifla fil‑bżonn.

Bis‑saħħa tal‑programm ‘Missio Child Sponsorship’, int tkun raġġ ta’ dawl fil‑ħajja ta’ dawn it‑tfal foqra. Kull min jisponsorja tifel jew tifla jingħata ritratt u tagħrif dwarhom.

Ibgħat id‑donazzjoni tiegħek lil Missio Nru. 7, Triq il‑Merkanti, Valletta VLT 1171 Jew fuq www.missio.org.mt Għal aktar dettalji ċemplu fuq 21236962 fil‑ħinijiet tal‑uffiċċju. GRAZZI MILL‑QALB

Pittura ġdida għall‑artal ta’ San Duminku fil‑Knisja Dumnikana tal‑Lunzjata fil‑Birgu. Il‑pittura, xogħol l‑artist Għawdxi Manuel Farrugia, turi lil San Duminku fil‑glorja. L‑Arċisqof Charles Scicluna inawgura u bierek il‑pittura fid‑19 ta' Mejju 2021. Ritratt: Mark Micallef Perconte

Jien. Int. Aħna. Flimkien.

VO/1178

TALBA TAL‑ĠUBLEW

Dies Natalis Sancti Dominici (1221‑2021)

O Alla, Ħallieq, Salvatur u Difensur Tagħna, lejk induru fit‑talb, waqt li ngħollu t‑tifħir tagħna, il‑barkiet tagħna, ix‑xandir tagħna. Tmien mitt sena ilu, int sejjaħt lil San Duminku biex jgħaddi għall‑ħajja ta’ dejjem, u daħħaltu miegħek għall‑mejda tas‑sema. Aħna u niċċelebraw dan il‑ġublew, mexxina u imliena bil‑grazzja tiegħek, sabiex inwettqu l‑missjoni tagħna ta’ predikazzjoni għas‑salvazzjoni tal‑erwieħ.

Għinna nqawwu l‑poplu tiegħek, permezz tal‑verità, tal‑ħniena u l‑imħabba tiegħek, sa dak il‑jum imwiegħed li fih ningħaqdu mal‑qaddisin. Dan nitolbuhulek, bħala familja waħda Dumnikana, bl‑interċessjoni tal‑Verġni Marija, f’isem Ġesù Kristu Sidna.

Ammen.

S AN DUMINK U

San Duminku (1170‑1221) twieled fi Spanja nhar it‑8 t’Awwissu u miet nhar is‑6 t’Awwissu fl‑Italja. Sar qaddis minn Papa Gregorju IX nhar it‑13 ta’ Lulju 1234. Huwa l‑fundatur tal‑Ordni Dumnikan (1215) u patrun tal‑astronomi fost oħrajn. Il‑festa tiegħu tiġi ċċelebrata nhar it‑8 t’Awwissu.

This article is from: