
2 minute read
Unjoni Missjunarja
Intenzjoni Missjunarja: Awwissu 2021
Intenzjoni għall‑Evanġelizzazzjoni – Il‑Knisja
Il‑Knisja hija s‑sagrament universali tas‑salvazzjoni kif jgħidilna l‑Konċilju Vatikan II fil‑Kostituzzjoni Dommatika dwar il‑Knisja, Lumen Gentium, tal‑21 ta’ Novembru 1964 fin‑numru 9: “Alla ġabar lil dawk kollha li jħarsu lejn Kristu bħala l‑awtur tas‑salvazzjoni u l‑prinċipju tal‑unità u tal‑paċi, u waqqafhom bħala Knisja sabiex din tkun għall‑bnedmin kollha u għal kull wieħed minnhom sagrament viżibbli ta’ din l‑unità salvifika”. Din il‑komunjoni ekkleżjali hija mibnija fuq il‑fidi, fuq is‑sagramenti u fuq il‑ministeru pastorali. Il‑Lumen Gentium tkompli turina ’l‑Knisja bħala misteru, sagrament, waħda qaddisa Kattolika, appostolika, radikata fi Kristu, il‑Ġisem ta’ Kristu, il‑poplu t’Alla, ewkaristika, ġerarkika u pellegrina. Dan il‑ħsieb insibuh ukoll fil‑Kostituzzjoni Pastorali dwar il‑Knisja fid‑dinja tal‑lum tal‑Koncilju Vatikan II, Gaudium et Spes tas‑7 ta’ Dicembru 1965, fejn fin‑numru 5 tgħid li: “Il‑Knisja hija s‑sagrament universali tas‑salvazzjoni li juri u fl‑istess ħin iwettaq il‑misteri tal‑imħabba t’Alla lejn il‑bnedmin”. F’dan il‑ħsieb ta’ sagrament li aħna applikajna għall‑Knisja, qegħdin nifhmu dejjem bl‑għaqda li hemm bejn r‑realtà u l‑azzjoni divina, il‑ġrajja tas‑sinjali terrestri li dejjem hija mimlija bir‑realtà tal‑azzjoni u tal‑grazzja t’Alla.
Fil‑Knisja naraw tassew dik l‑istruttura u viżjoni ġenerali tal‑pjan tas‑salvazzjoni. Hija tassew sinjal viżibbli u effikaċi ta’ din il‑grazzja t’Alla li topera fil‑Knisja. Din is‑sagramentalità tal‑Knisja hija mwaqqfa fuq is‑sagrament fundamentali ta’ Ġesù Kristu, il‑Verb t’Alla nkarnat: “Min jara lili jara l‑Missier”. (Ġw. 14:9) Għalhekk, il‑Knisja, il‑Ġisem Mistiku ta’ Kristu, hija l‑preżenza viżibbli fuq l‑art tal‑Mulej: “For every benefit which the People of God during its earthly pilgrimage can offer to the human family from the fact that the Church is the universal sacrament of salvation, simultaneously manifesting and exercising the mystery of God’s love”. (Redemptoris Missio 45) Hans Kung fil‑ktieb tiegħu ‘The Church’ jgħid li l‑Knisja ma teżistix minghajr Kristu. Dan huwa wkoll affermat tassew fl‑Iskrittura Mqaddsa permezz tad‑diversi immaġni Bibliċi għall‑Knisja: il‑binja, l‑għalqa tad‑dwieli, it‑tunika mingħajr ħjata, il‑merħla, ix‑xibka, id‑dgħajsa u l‑għarusa. Fost riferimenti oħra Bibliċi huma: id‑dar ta’ Iżrael (Mtw. 10:6), id‑dar ta’ David (Lq. 1:27), id‑dar ta’ Ġakobb (Lq. 1:33) u d‑dar ta’ Ġuda (Lhud 8:8). Il‑Knisja hija Kattolika u mxerrda ma’ kullimkien kif jikteb tajjeb San Ċirillu ta’ Ġerusalemm fir‑4 Seklu: “The Church is called Catholic because it is spread through the whole world, from one end of the earth to the other, and because it never stops teaching in all its fullness every doctrine that men ought to be brought to know”.
Fl‑aħħar nett Papa Franġisku jgħidilna: “Il‑Knisja hija ommna għax wilditna fil‑Magħmudija. Kull darba li ngħammdu xi tarbija, din issir iben jew bint tal‑Knisja; tidħol tagħmel parti mill‑Knisja. U minn dakinhar, bħal omm attenta għalina, trabbina fil‑fidi u turina, bil‑qawwa tal‑Kelma t’Alla, il‑mixja tas‑salvazzjoni, hija u tħarisna mill‑ħażin.” (Katekeżi ta’ Papa Franġisku 3 ta’ Settembru 2014).
Inkomplu nitolbu, nieħdu ħsieb saħħitna u nitolbu lil Ġesù, Marija u Ġużeppi jeħilsuna minn din il‑pandemija.