Jannar 2022
DEHRIET TAL‑MADONNA – EMMANUEL CUTAJAR
Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja It‑Tmien Parti
Il‑Madonna ta’ Filippsdorf, Għajnuna tal‑Insara, fir‑Repubblika Ċeka Magdalena Kade twieldet fis‑sena 1835. Ta’ 31 sena bdiet tbati minn mard serju. Peress li kienet orfni, kienet tgħix ma’ ħuha Joseph ta’ 34 sena u ma’ martu Cecilia u l‑ħames uliedhom. Minħabba dan il‑mard, Magdalena ma kenitx tiflaħ tqum mis‑sodda u ħafna ħin matul il‑jum kienet tgħaddih fis‑sodda. Minbarra ħuha u martu, Magdalena kellha wkoll ħabiba li kienet tieħu ħsiebha, tgħinha fil‑ħtiġijiet tagħha u fl‑istess ħin iżżommilha kumpanija għal ħafna ħin mill‑ġurnata, saħansitra ġieli anki matul il‑lejl. Fit‑13 ta’ Jannar 1866, għall‑ħabta tal‑erbgħa ta’ filgħodu, Magdalena, waqt li kienet fis‑sodda muġugħa, tant li ma setgħetx titkellem, kienet qiegħda tħares u titlob quddiem l‑inkwatru tal‑Madonna tad‑Duluri li kien mal‑ħajt faċċata tas‑sodda. Dak il‑ħin, il‑ħabiba tagħha 32
kienet ukoll ħdejha. Ħin bla waqt Magdalena, eċċitata, għajtet bil‑ferħ: “Ħares, ara dik id‑dija! Ħares lejn dik is‑sbuħija.” Il‑ħabiba minnufih ħarset lejn fejn urietha Magdalena, iżda ma rat xejn. Magdalena kienet l‑unika waħda privileġġata li setgħet tara dik id‑dehra ta’ sbuħija ta’ mara liebsa l‑abjad u b’kuruna tad‑deheb f’xagħarha qrib is‑sodda tagħha. Magdalena, għall‑bidu beżgħet, imma wara għarfet li kienet irċeviet żjara mingħand il‑Verġni Marija. Il‑Madonna ħarset lejn Magdalena b’ħarsa ta’ imħabba, ċaqilqet xofftejha bil‑mod u qalet lil Magdalena: “Binti, issa inti mfejqa.” Ftit
wara, il‑Madonna għebet. Magdalena minn dak il‑ħin stess setgħet tqum minn fuq is‑sodda u ħassitha li kienet tabilħaqq imfejqa għalkollox. L‑aħbar ta’ din id‑dehra xterdet mar‑raħal kollu, u t‑talb u d‑devozzjoni lejn il‑Madonna beda dejjem jiżdied. Fil‑fatt kienu bdew jiġu rrappurtati każijiet ta’ xi fejqan ieħor mirakuluż. Hekk pereżempju, fit‑13 ta’ Settembru 1866, f’Kathenhof, omm imnikkta geżwret sieq binha, li kienet ser tiġi amputata, fid‑drapp tal‑għażel li kien imqiegħed f’riġlejn ix‑xbieha tal‑Madonna f’Filippsdorf. Dak il‑ħin it‑tifel ħass sensazzjoni qawwija ta’ sħana u wara