
2 minute read
Intenzjoni Missjunarja
Jannar 2021
Sabiex nedukaw għall‑fratellanza
Dawn it‑talbiet ta’ Papa Franġisku għas‑sena 2022, diġà ppromulgati mid‑9 ta’ Jannar 2021, huma fuq kollox eku tal‑enċiklika tiegħu ‘Fratelli Tutti’ u tal‑pandemija COVID‑19 li ħakmet id‑dinja kollha. Għal darba oħra huma talbiet li ħerġin minn qalb Papa Franġisku li jixtieq ikun qrib kulħadd, speċjalment it‑tfal batuti, il‑morda, iż‑żgħażagħ, il‑familji, il‑ħaddiema f’diffikultà u l‑anzjani. Kien proprju fit‑3 t’Ottubru tal‑2020, meta Papa Franġisku żar il‑belt t’Assisi u fuq il‑qabar ta’ San Franġisk t’Assisi iffirma l‑enċiklika fuq il‑fratellanza umana; fuq il‑fatt li aħna lkoll aħwa tal‑istess missier. Id‑dokument jibda b’żewġ kelmiet bit‑Taljan ‘fratelli tutti’, li huma l‑ewwel żewġ kelmiet minn ittra li San Franġisk t’Assisi kiteb lill‑aħwa tiegħu rġiel u nisa. Proprju f’dan l‑ewwel xahar tas‑sena, fejn il‑Papa jixtieq li kulħadd ikollu protezzjoni mill‑vajrus tal‑pandemija, jisħaq ħafna fuq dak li huwa jgħallem permezz ta’ ‘Fratelli Tutti’: “Hemm ukoll aspett ta’ ftuħ universali ta’ mħabba li mhux ġeografiku, imma eżistenzjali. Hija l‑ħila li għandi li kuljum inwessa’ ċ‑ċirku tiegħi biex nilħaq lil dawk li spontanjament ma nqishomx sehem mill‑interessi tiegħi, minkejja li jistgħu jkunu qrib tiegħi. Fuq kollox, kull oħti jew ħija li qed ibatu, abbandunati jew injorati mis‑soċjetà li ngħix fiha,
huma stranġieri eżistenzjali, anki jekk ma jkunux twieldu f’pajjiżi.” (‘Fratelli Tutti’ nru. 97)
Il‑Papa fuq kollox hawnhekk għandu dejjem f’moħħu dawk il‑popli kollha, dawk li m’għandhomx vuċi u qegħdin isofru inġustizzja u persekuzzjonijiet kbar u reliġjużi minkejja li ninsabu fis‑sena 2022. Dan fuq kollox għandu jkun l‑impenn mhux biss tal‑Knisja u tar‑reliġjonijiet fid‑dinja, imma fuq kollox l‑interess uniku tal‑mexxejja kollha tal‑pajjiżi fid‑dinja biex jitneħħew kull inġustizzja u persekuzzjoni. Din hija fuq kollox is‑sejħa tagħna Nisranija sabiex ngħallmu u nrawmu kultura u mentalità ta’ solidarjetà, fratellanza u mħabba vera. Ejjew inkunu aħna li nagħmlu mis‑soċjetà tagħna, waħda iktar ġusta u li tirrispetta d‑dinjità ta’ kull bniedem. “Għax aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il‑providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall‑ġid tagħhom. Għax lil dawk li hu għarafhom mill‑bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s‑sura fuq ix‑xbieha t’ibnu, ħalli dan ikun il‑kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.” (Rumani 8:28‑30)

BAŻAR

