Messaġġ mill-Arċipriet Kanonku Norman Zammit
Festa Santa Marija 2022 Jekk Alla jrid din is-sena jerġa’ jkollna festa kif konna nagħmlu f’ġieħ l-Assunzjoni t’Ommna Marija fis-sema. Għal dan ir-raħal tant antik din il-festa tfisser ħafna, għax l-ewwel u qabel kollox hija festa magħżula mill-antenati tagħna biex tiġi ċċelebrata bħala festa titulari. Tajjeb niftakkru li din il-parroċċa hija waħda mill-eqdem parroċċi, u kienet l-ewwel waħda li kellha lil Santa Marija bħala padruna tagħha. B’hekk fost il-parroċċi kollha ddedikati lill-Assunta, din ta’ Bir Miftuħ, illum il-Gudja, hija l-eqdem waħda. Mhux biss imma anke bħala statwa proċessjonali l-Gudja kienet l-ewwel parroċċa li kkummissjonat artist biex jiskolpi fl-injam xbieha ta’ Marija tielgħa s-sema. B’hekk bħalma l-antenati tagħna ħabbew lil Ommna Marija hekk għandha tikber f’qalbna l-istess imħabba. Xi tfisser l-Assunzjoni? Il-bniedem kontinwament huwa mġarrab u jġib quddiem għajnejh li din il-ħajja fuq din l-art trid tasal fi tmiemha. Faċli nirraġunaw mela la tasal fi tmiemha kul u tpaxxa għax minn hawn għal ġol-kaxxa, għamel dak li jiġi għal idejk, x’jimporta li tkun bla prinċipji, u tweġġa’ lil ta’ madwarek. Filwaqt li dan il-misteru jfakkarna li bħalma Kristu tela’ s-sema, u anke Marija li kienet bniedma bħalna f’kollox minbarra d-dnub, l-istess għal dawk li jħobbu ‘l Alla u jħarsu sew il-kelma Tiegħu, wara din il-ħajja ma jarawx it-tmiem, imma ser igawdu ‘l Alla għall-eternità. Mela t-tlugħ fis-sema ta’ Marija għan-nisrani huwa mezz ta’ tama u konsolazzjoni, li t-tbatija li jkollna nbatu minħabba l-prinċipji nsara, huma apprezzati f’għajnejn Alla. L-opri t-tajba li aħna nwettqu jiġu ppremjati wħud minnhom f’din l-art għax nistgħu niltaqgħu ma’ persuni rikonoxxenti u grati għal dak li nwettqu, imma żgur li jiġu premjati fis-sema minn Alla li jaqra x’hemm moħbi fil-qlub. Mela quddiem dan il-misteru, quddiem għajnejna jinħtieġ niftakru fil-qtigħ il-qalb li xi kultant inġarrbu biex ngħixu l-Kelma t’Alla, biex ngħixu l-valuri nsara, biex naċċettaw li l-fatt li persuni jistgħu jpattulna l-ġid li nagħmlu b’deni, u ma naqtgħux qalbna. Dawn ilġrajjiet Marija għixithom qabilna, u Alla kien magħha u qegħidilna bħala eżempju li hija ġiet premjata ta’ dan kollu. Xejn la tibża’ tieħu deċiżjonijiet li juru li int Nisrani, għax tkun qed turi li f’qalbek għandek minquxa t-tama f’Alla u li int Iben jew bint denja ta’ Marija. Soċjetà Filarmonika La Stella Gudja - Ktieb Santa Marija 2022
18