1 minute read

Messaġġ mis-Sindku

Messaġġ mis-Sindku

Marija Sara Vella

Advertisement

Festa Santa Marija 2022

Wara nuqqas ta’ sentejn il-festa tat-titular ser terġa’ ssir kif konna nafuha qabel. Qatt ma mmaġinajna li ser ikollna sentejn bla festi però ċ-ċirkustanzi hekk talbu. Issa li qed nieħdu ħajjitna lura minn kull aspett nistgħu verament napprezzaw il-valur kulturali tal-festi u l-patrimonju tar-raħal tagħna.

Bħala Kunsill Lokali qed nieħdu l-opportunità nerġgħu nibdew norgranizzaw diversi attivitajiet, fosthom kif iċċelebrajna Jum il-Gudja. Ngħid għalija, l-fatt li nara lilkom r-residenti tgawdu dawn l-attivitajiet huwa ta’ pjaċir kbir, speċjalment meta niftakar kif il-pjazza kienet tkun vojta fin-nuqqas ta’ dawn.

Filwaqt li bħala istituzzjoni dejjem naraw li nkomplu ninvestu sabiex intejbu l-ħajja tagħkom ir-residenti, dan ma jsirx bla sagrifiċċji u mingħajr intoppi. Għalkemm fil-proġett ta’ Triq Santa Katerina, Triq id-Dejqa u Triq Joseph Pace kellha terġa’ ssir il-bażi ta’ dawn it-toroq mill-awtorità kkonċernata, issa li dan il-proġett huwa lest nista’ ngħid li ta dehra ġdida lill-qalba tar-raħal.

Inħoss li huwa ż-żmien opportun biex ninvestu aktar fil-baned tagħna. Għaldaqstant fil-laqgħa tal-kunsill fl-aħħar xhur ġie proponut li din is-sena jkollna fond li minnu min ikun ser itella’ programm waqt il-ġranet tal-festa tat-titular ikun jista’ jibbenefika minn €500. Qegħdin nieħdu dan il-pass sabiex inkomplu ninkoragixxu l-għaqdiet tagħna jagħtu s-sehem tagħhom fil-festa tat-titular kif ukoll biex ngħinuhom wara l-effetti li ħalliet fuqhom il-pandemija.

Dan huwa ftit biss mill-ħidma li qegħdin inwettqu fil-kunsill lokali. Filwaqt li nirringrazzjakom tal-kooperazjoni li nsibu meta nkunu qed nagħmlu xi xogħlijiet, jiena dejjem disponibbli għalikom r-residenti.

F’ismi, f’isem il-familja tiegħi, il-kunsilliera u l-istaff tal-Kunsill Lokali nawguralkom il-festa t-tajba.

This article is from: