
1 minute read
Messaġġ mill-Fratellanza tas-S.Smu Rużarju
Messaġġ mill-Fratellanza tas-S.Smu Rużarju
Ċertu Affarijiet ma Jinbiddlu Qatt
Advertisement
Din is-sena hija sena speċjali għall-Fratellanza tant għażiża għalina tas-S.Smu Rużarju. Dan għaliex il-vara artistika tal-Madonna tar-Rużarju għalqet il-100 sena anniversarju minn meta waslet u dehret għall-ewwel darba fil-Gudja. Hija sena partikolari wkoll għaliex hija l-ewwel sena li fiha, għall-grazzja t’Alla, l-ħajja qabdet tiġi lura għan-normal mill-bidu talpandemija ‘l hawn. Infatti wara sentejn se jerġa’ jkollna ċ-ċans li niċċelebraw festa flimkien. U minn aspett ta’ ċelebrazzjonijiet nistqarr li ma setgħux ġew isbaħ l-affarijiet. Tgħiduli għala? Għal żewġ raġunijiet.
L-ewwel; għaliex wara sentejn ta’ tiġrib, li fihom ħafna nies irrikorrew għat-talba tarrużarju mqaddes sabiex jitbiegħdu mill-kefrija tal-pandemija, kellha tkun iċ-ċelebrazzjoni tal-100 sena anniversarju lill-Madonna tar-Rużarju li wasslet sabiex nkunu nistgħu nerġgħu nagħmlu manifestazzjoni pubblika ta’ mħabba u devozzjoni lill-Madonna. Ma għandix dubju li kienet il-fidi, it-tama u fuq kollox it-talb li wasslu sabiex fid-29 ta’ Mejju erġajna stajna ngawdu s-sbuħija tal-Madonna tar-Rużarju ddur mar-raħal tagħna kif konna mdorrijin naraw isir fis-sena preċedenti. Ir-rużarju t-tarka tagħna ngħidu fl-innu. X’sinjal isbaħ setgħet tagħti l-Madonna biex għal darb’oħra tfakkarna li l-aqwa arma kontra kull tiġrib huwa r-rużarju? X’sinjal isbaħ setgħet tagħti l-Madonna tar-Rużarju biex tfakkarna li anqas wara li jgħaddu 100 sena ma għandna ninsewha jew naqtgħu qalbna minna?
It-tieni; għaliex l-ewwel festa kompluta li se niċċelebraw fil-Gudja wara l-pandemija ser tkun dik tal-Għid tal-Assunta, Sidtna Marija mtellgħa s-sema. Fl-opinjoni tiegħi dan huwa wkoll sinjal sabieħ li juri konsistenza fil-ħajja tagħna. Minkejja li jgħaddi ż-żmien u li l-affarijiet jinbiddlu, hemm affarijiet li ma jinbiddlu qatt. U bħalma kienet l-Assunta li 80 sena ilu refgħet il-Malta minn xagħraha billi bl-interċessjoni tagħha ppermettiet li Operation Pedestal tkun suċċess (tant li baqa’ mfakkar bħala l-Convoy ta’ Santa Marija) u l-Maltin setgħu jitfgħu wara daharhom l-agħar parti tat-tieni gwerra, hekk ukoll issa l-Gudjani se jkunu jistgħu jassoċjaw n-normalità lura fil-festi mal-festa tal-Assunta. Kollox isegwi u kollox jagħqad.
Għalhekk, bħala Fratellanza tas-S.Smu Rużarju, inħeġġukom biex tieħdu pjaċir u tgawdu din il-festa bl-aħjar mod possibbli billi npoġġu fil-prattika dak li tgħallimna partikolarment f’dawn l-aħħar sentejn li fihom stajna nirrealizzaw iktar kemm huma importanti u sbieħ il-festi, partikolarment il-festi interni u l-aspett spiritwali. Iva, il-festa tiġi biex niċċelebraw u nieħdu pjaċir flimkien, naħdmu u nirsistu, iżda fuq kollox nersqu biċċa oħra lejn Ommna Marija; għax minkejja li jgħaddi ż-żmien u li l-affarijiet jinbiddlu, hemm affarijiet li ma jinbiddlu qatt.