1 minute read

Editorjal

Editorjal

Inkomplu Fejn Ħallejna

Advertisement

Wara assenza ta’ sentejn, għall-grazzja t’Alla se nkunu qed nerġgħu niċċelebraw u nifirħu flimkien bħala lokalità fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija. Għaldaqstant qed nerġgħu naslu għandkom permezz ta’ dan il-ktejjeb sabiex inwasslu l-messaġġ tagħna tal-okkażjoni u nżommu kuntatt magħkom qarrejja, partikolarment dawk minnkom li minħabba raġunijiet diversi ma niltaqgħux ta’ spiss.

Sfortunatament waħda mill-effetti diretti tal-pandemija kienet it-twaqqif talpubblikazzjonijiet tal-festi. L-ewwel u fuq kollox għaliex b’responsabbiltà ħassejna li din kienet l-iktar deċiżjoni għaqlija minn punto di vista ta’ prekawzjoni sanitarja. It-tieni għaliex fiċ-ċirkustanzi, speċjalment fl-ewwel sena tal-pandemija, ħassejna li mhux xieraq nkomplu nitfgħu piż finanzjarju fuq min ta’ kull sena sibnih ta’ spalla għalina. Dan għax kien ovvju li r-rota ekonomika kienet xi ftit jew wisq wieqfa għal kulħadd.

Madanakollu wara l-maltemp jiġi l-bnazzi u għalkemm għad fadal numru ta’ sfidi, uħud minnhom kbar, nistgħu ngħidu li erġajna qbadna t-triq ‘l quddiem b’impenn, kuraġġ u ottimiżmu. Il-pandemija swiet biex tgħallimna napprezzaw dak li ħafna drabi konna qed nieħdu for granted, dak li verament jagħtina identità u jferraħna. Il-festi kienu u għadhom attività mill-isbaħ fejn in-nies tiltaqa’, tifraħ, tikkopera flimkien, tesprimi l-ħiliet tagħha u fuq kollox issib lilha nnifisha minn aspett reliġjuż u spiritwali.

Għaldaqstant l-appell tagħna lilkom qarrejja huwa li issa li esperjenzajna n-nuqqas talfesti, ma nħallux din is-sena tgħaddi qisu ma ġara xejn. Inħeġġukom sabiex kulħadd jieħu sehem bl-aħjar mod li jista’, sabiex kulħadd jikkontribwixxi mill-aħjar li jista’, u biex ilkoll flimkien infakkru lilna nfusna u lil-uliedna li aħna l-Gudjani ġo qalbna tħeġġeġ l-imħabba lejn Ommna Marija tant li niċċelebrawlha tliet festi sbieħ u tant li x-xbieha tagħha npoġġuha kullimkien.

Nieħdu din l-opportunità sabiex infakkrukom ukoll taħsbu f’dawk kollha li jgħinuna niffinanzjaw dan il-ktejjeb permezz tar-reklami li eventwalment jgħinuna niġġeneraw xi ħaġa żgħira tal-qliegħ biex intaffu l-ispejjes b’rabta mal-organizzazzjoni tal-festi. L-ispejjeż huma kbar u sfortunatament id-dħul qatt mhu biżżejjed. Għaldaqstant inħeġġukom ukoll tavviċinaw l-membri tal-kumitat għall-kwalunkwe informazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ fundraising li se jiġu organizzati bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena kif ukoll jekk tixtiequ tikkontribwixxu finanzjarjament. Kull għajnuna hija ferm apprezzata.

Viva Santa Marija.

This article is from: