
3 minute read
Il-Convoy ta’ Santa Marija
Dħaħen tal-Gwerra
Ħarsa lejn it-tifkiriet ta’ Laurence Mizzi
Advertisement
Din is-sena, minbarra li hija l-ewwel sena li fiha qed nerġgħu niċċelebraw il-festi b’mod tradizzjonali wara l-pandemija, jaħbat ukoll it-80 anniversarju mill-wasla tal-Convoy ta’ Santa Marija. Din il-ġrajja hija intrinsikament marbuta mal-festa ta’ Santa Marija tant li ġġor isimha u għaldaqstant ma jonqosx li aħna l-Gudjani nħarsu lejn din il-ġrajja b’għożża u tradizzjoni.
F’din il-pubblikazzjoni ddeċidejna li nirrepplikaw erba’ kapitli mid-damma ta’ tifkiriet ta’ Laurence Mizzi, Dħaħen tal-Gwerra. F’din id-damma ta’ tifkiriet, l-awtur Laurence Mizzi, b’faċilita u ħlewa liema bħala, irnexxielu jwassal l-esperjenza tiegħu ta’ tfajjel li għex ilkefrija tat-tieni gwerra. Għal dawk kollha li diġà ġiet f’idejhom din il-pubblikazzjoni, nistednukom terġgħu ġġeddu l-memorji ta’ kif l-awtur Laurence Mizzi ddeskriva l-Gudja u l-Gudjani f’dan ix-xogħol. Lil dawk li forsi qatt ma semgħu b’dan il-ktieb, nistednukom sabiex permezz ta’ dawn l-erba’ kapitli tammiraw il-kitba ta’ dan l-awtur u tfittxu li takkwistaw u taqraw il-verżjoni sħiħa ta’ dan ix-xogħol tant sabiħ.
L-għażla ta’ dawn il-kapitli hija mnebbħa mill-fatt li fihom l-awtur jitkellem dwar kif spiċċa jgħix il-Gudja mal-familja tiegħu u kif il-Gudja u l-Gudjani ħallew esperjenza fuqu li ma jinsa’ qatt. X’impressjoni ħalliet fuqu l-knisja tal-Gudja? Kif kienu jilbsu u jitkellmu l-Gudjani mqabbla man-nies tal-ibliet? U l-inħawi li jsemmi; għadhom jeżistu? Dan u aktar tistgħu ssibuh f’dawn l-erba’ kapitli li kollha kemm huma jirreferu għall-perjodu ta’ bejn Ġunju tal-1940 u Lulju tal-1942: xahar biss qabel ma kellu jasal il-Convoy ta’ Santa Marija li għal Malta kien prattikament ifisser it-tmiem tal-agħar parti tat-tieni gwerra. J’Alla llum, 80 sena wara, din il-festa jkollha eżattament l-istess sinifikat fil-kuntest tal-pandemija.
Operation Pedestal, jew kif magħruf il-convoy ta’ Santa Marija, mal-wasla tiegħu ġewwa l-Port l-kbir nhar it-13 t’Awwissu 1942. Sors: www.timesofmalta.com
Tfaqqa’ l-Burraxka (KAP II)
It-Tlieta 11 ta’ Ġunju konna għadna bil-kemm qomna. Kienu xi s-sebgħa. F’daqqa waħda nisimgħu t-tinwiħ kiebi tas-sirena, jew il-balomba, kif aħna tan-naħa l-oħra konna ngħidulha. Aħna l-aħwa (konna ħamsa) ħarisna lejn xulxin bħal irridu nistaqsu ‘”allura issa x’ġej?”. La ommi u lanqas jien u ħuti ma kellna l-iċken ħjiel għalfejn kien ingħata dak issinjal, jew x’kellna nagħmlu, issa li kien ingħata. Dak id-dubju malajr neħħejnieh meta, bdejna nisimgħu l-isparaturi tal-kanuni u t-tfaqqigħ tal-bombi. Terġa’, ftit tal-ħin wara, izzija li kienet barra tisma’ l-quddies ġiet tiġri u b’leħen imwerwer qaltilna: “Qed jitfgħu l-bombi?”. Naf li mingħajr ma qgħadna naħsbu morna u nxtħetna taħt il-mejda tal-pranzu nistennew il-ħsejjes jieqfu. Ma għandix amment kemm dam sejjer dan l-ewwel ħbit millajru. Naf biss li aktar tard filgħodu reġa’ kien hemm xi ħbit ieħor u ziti, ta’ mara li kienet messitha l-kurżità biex tara kif ikun attakk mill-ajru. Bexxqet kemm kemm il-purtella talgallarija u xirfet rasha ‘l barra. Dak il-ħin għadda wieħed mill-magħżula biex jgħassu u li kellhom faxxa ma’ driegħhom bl-ittri SC (li kienet tfisser Special Constable) u xħin lemaħ lil ziti, b’leħen żorr għajjat: “X’inti tagħmel fil-gallarija? Ħsibt li ser tara ‘l Santu Rokku”? (Il-Birgu kienet toħroġ kull sena purċissjoni bl-istatwa ta’ dan il-qaddis.) “Agħlaq dik ilpurtella u idħol ‘il ġewwa!”. Ziti, mifxula, għamlet kif qalilha dak tal-faxxa, li l-lum nifhem lanqas hu ma kellu l-iċken ħjiel ta’ gwerra moderna, għax kieku flok joqgħod jippassiġġa fl-għeqqel tal-ħbit, kien jara kif imur u jdabbar rasu mill-aħjar li jista’, ukoll jekk rasu kienet imħarsa b’elmu tal-azzar.
Dik l-ewwel ġurnata tal-gwerra għaddejniha ġewwa; barra ma kontx tilmaħ ruħ. Meta, resaq il-lejl għidna r-rużarju u xi talb ieħor għall-paċi u morna norqdu taħt il-mejda, talpranzu, Dik id-darba niftakar ma ċċajtajniex xħin dħalna taħtha. Wara biss ftit siegħat bdejna nintebħu li l-gwerra ma kinitx il-logħba sabiħa li konna naħsbu aħna t-tfal. Terġa’, dak in-nhar missieri ma ġiex jorqod id-dar, kienu żammewh it-Tarzna fuq xi xogħol, u kif dejjem jiġri f’waqtiet bħal dawn, tkun trid xi ħadd għall-wens, u minħabba f’hekk ħakimni biża’ kbir, mhux biża’ li ser jiġrilna xi ħaġa, bħal ngħidu aħna mmutu, jew naqgħu f’idejn l-għadu... le, kien biża’ li ġġib l-inċertezza; ħadd minna ma kien jaf x’ġej għal wiċċu. Dak innhar bsarna, naħseb, li għalkemm il-futur ħadd ma kien jafu (u mn’Alla) fil-qalba ta’ qalbna ħassejna li l-ħajja kif konna nafuha kienet għabet biex qatt aktar ma terġa’ tiġi.
Ma niftakarx kif kien għadda l-ewwel lejl tal-gwerra li jiena u l-erba’ ħuti l-oħra qattajna taħt il-mejda, minn għalina għall-kenn. Lanqas ma għandi idea x’kien il-ħolm li kelli dakinhar, għalkemm nista’ nobsor. Li naf hu li kmieni kmieni ġiet ommna tqajjimna:
“Oħorġu minn hemm taħt, isa, ilbsu malajr ħalli mmorru...”