
4 minute read
Il-Kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Loretu
noħorġu barra u niġbdu biċċa triq ġmielha biex inbattlu l-bramel f’ħofra f’għalqa mħaffra apposta. Meta kien imiss lili nagħmilha ta’ messaġġier, wiċċi kien isir lewn il-peprin u kont nisħet is-siegħa u l-mument li Mussolini fettillu jidħol fil-gwerra kontra tagħna.
Il-ġarr tal-ilma kien biċċa xogħol oħra li tellifni ħafna mill-ħin tal-logħob ma’ sħabi, F’ċerti waqtiet tant kien ikun hemm nies iridu jimlew mill-għajn li konna rridu naħsbu minn qabel u noqogħdu bil-kju... serbut twil ta’ nisa, tfal u xi minn daqqiet irġiel, bramel, stali u buqari...
Advertisement
Għal din il-ħabta bdew jaslu l-Gudja għadd ta’ riġmenti Ingliżi li bdew iwaqqfu l-kampijiet tagħhom fir-raba’ ta’ madwar ir-raħal. Tistgħu taħsbu kif aħna, t-tfal konna ġġenninna għal wara s-suldati. Niftakar li kulħadd kien tgħallem bl-amment kif jittallab bl-Ingliż flus Eġizzjani. Illum naf li dawn is-suldati kienu ġew irtirati mill-Eġittu. Minbarra l-flus Eġizzjani, bil-mod il-mod bdejna nitgħallmu nitolbu ħwejjeġ oħra bħal sigaretti u ċikkulata. Wieħed mir-riġmenti li ġie l-Gudja kien il-Hampshires, li kellhom bħala arma, imwaħħla malberitta, ras ta’ tigra. Kull wieħed minna kellu suldat favorit tiegħu; tiegħi kien surġent li sħabu kienu laqqmuh ‘Queenie’. Kien żagħżugħ (dak iż-żmien kont narah raġel) simpatiku, bjond, bin-nemex u fuq kollox qalbu tad-deheb. Ta’ kuljum kont noqgħod nistennih ħdejn il-ħanut ta’ Żeża u mal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinnhar kien jiġi u joqgħod ikellimni u kultant iħallasli xi flixkun luminata waqt li hu jieħu pinta ‘ambid’. Kien jistmani ta’ wieħed kbir u mhux ta’ tifel ta’ disa’ snin li kelli. Illum nifhem x’sabar kien jieħu bija, mhux biss għax jien kont daqsxejn ta’ qrempuċu u għalhekk djalogu sħiħ bejnietna qatt ma seta’ jkun hemm, imma wkoll minħabba li l-Ingliż tiegħi kien limitat. Il-fatt li kellna l-Ingliżi fostna sewa ta’ ġid għal ħafna raġunijiet. Waħda, minn dawn kienet li aħna stajna nipprattikaw l-Ingliż. Niżgurakom li fi ftit xhur tgħallimna dak li normalment wieħed jitgħallem f’xi sentejn jew tlieta l-iskola. L-Ingliżi wkoll ma baqgħux lura u bdew huma, wkoll ilissnu xi kliem bil-Malti. Kif wieħed jista’ jobsor, l-ewwel li tgħallmu kienu kliem bħal ‘tfajla’ ‘ħelwa’ ‘inħobbok’ u kliem bħal dan, barra, ma għandniex xi ngħidu, kliem ieħor li mhux tajjeb biex jinżel hawnhekk. Kien hemm xi suldat ‘l hawn u ‘l hinn li kien irnexxielu jitgħallem ilMalti fi żmien tassew qasir! Għalkemm illum naf li t-taħlit taż-żgħar mal-kbar mhux ħaġa ta’ min jinkoraġġiha, jien nista’ ngħid mill-esperjenza tiegħi — qiegħed nitkellem għalija personalment — li qatt ma rajt għajn ħażina minn dawn is-suldati.
F’dan iż-żmien li qiegħed nitkellem fuqu, jiġifieri l-ewwel xhur tal-gwerra, il-ħajja kienet reġgħet kważi għan-normal. L-attakki mill-ajru la kienu ħorox u lanqas sikwit. Minħabba f’hekk għadd ta’ familji kienu reġgħu telqu mill-irħula u marru joqogħdu fl-ibliet. Ma nafx kif qagħdu, għax meta għall-ħabta ta’ Novembru, jiġifieri xi ħames xhur wara li bdiet il-

gwerra, kont inżilt maz-zijiet il-Birgu, kien qisu belt tal-ħarsijiet: it-toroq kienu baħħ, ilpassi jirbumbjaw u saħansitra minn bejn ix-xquq taċ-ċangaturi tal-art kien nibet il-ħaxix. Ħaġa oħra li laqtitni dak in-nhar kien l-għadd ta’ nies reqdin taħt il-mina ta’ Santa Liena, f’Bormla; dik il-ħabta konna għadna nemmnu li sakemm ikollok xi mina jew xi ħnejja fuq rasek ma kellikx għalfejn tibża’!
Il-fatt li għall-bidu l-attakki ma kinux ħorox kien providenzjali għaliex tana nifs ħalli nagħmlu dak li ma konniex għamilna qabel. Kien għal dil-ħabta li beda t-tħaffir tax-xelters bis-serjetà. Aħna t-tfal konna nqattgħu siegħat sħaħ narawhom ibaqqnu pulzier pulzier, kultant jagħtu xi furnella. Kienu jħaffru żewġ bokok xi għoxrin jarda ‘l bogħod minn xulxin biex iniffduhom. U meta jirnexxilhom iniffduhom, (ma nafx kemm wara) kienet qisha ġrat xi ħaġa kbira. U kellna raġun nifirħu, għax dawk il-kennijiet fil-blat kienu verament katakombi tas-seklu għoxrin, fejn inżilna, mhux biex neħilsu mill-qilla tal-pagani, iżda biex insalvaw ġildna u nitħarsu minn għadu kiefer li ħalef li jeqridna minn wiċċ id-dinja. Din ilqirda ma ġietx mal-ajruplani Taljani fl-ewwel xhur tal-Gwerra. Nista’ ngħid li l-attakki millajru tat-Taljani konna drajnihom u bilkemm konna, nafu li qegħdin fi gwerra.
Kulħadd kien jaf per eżempju, li l-bdoti Taljani kienu jibżgħu minna meta jersqu fuq Malta, aktar milli aħna konna nibżgħu mill-bombi tagħhom. Niftakar kien hemm ġar tagħna li kellu radju (ħaġa rari ħafna dak iż-żmien) u minkejja li kien ipprojbit, fuq dan ir-radju waqt l-air raid kien joqgħod jissemma’ d-diskors tal-bdoti Taljani li meta kienu jaraw dak l-infern kollu tiela’ għalihom kienu jinfexxu f’esklamazzjonijiet ta’ ‘Mamma Mia’ waqt li kienu jinstemgħu jlissnu ismijiet ta’ qaddisin bħal ta’ San Gennaro li lejhom kellhom devozzjoni. Minħabba f’hekk ma tantx konna nibżgħu mill-attakki tat-Taljani għalkemm ma konniex neħduhom biċ-ċajt. Aħna t-tfal tal-Gudja kellna għanja żgħira li kienet xi ħaġa hekk:
“Air Raid Warning, Air Raid Pas(t)
Mussolini l-fartas;
Xeħet bomba fuq Ħal Luqa
Qatel fenka u għattuqa”.
Kien nibet fost il-poplu ċertu ottimiżmu. Niftakar kont smajt xi nies jgħidu li kienu qed jilgħabu l-imħatri li l-gwerra, kienet waslet biex tispiċċa. Iżda għalkemm kont tifel kont fhimt li jekk kien hemm min lest jilgħab l-imħatri favur it-tmiem malajr tal-gwerra, kien hemm oħrajn li kienu deċiżi li l-Gwerra kien għad baqagħlha biex tispiċċa. U dawn talaħħar, kif sirna nafu aktar tard, kellhom raġun biex ibigħu. Il-gwerra għalina kienet għadha bil-kemm bdiet.