
2 minute read
Messaġġ mill-President
Messaġġ mill-President
Michel Mifsud
Advertisement
Santa Marija ta’ Bir Miftuħ
L-ewwel evidenza fejn Santa Marija hija msemmija bħala patruna tar-raħal tagħna narawha fil-viżita pastorali ta’ Senatore De Mello fl-1436 fejn kien stabbilixxa l-Parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ. Aktarx li sa dak iż-żmien il-knisja jew kappella kif narawha llum kienet ilha mwaqqfa fl-istess sit, iżda b’xorti ħażina ma jeżisti xejn li jista’ jwassalna għad-data eżatta meta nbniet. Madanakollu, li huwa żgur, li llum dan jagħtina xhieda ta’ kemm il-poplu ta’ dawn l-akkwati kien poplu devot tal-Madonna u tal-Assunta tant li fi żmien meta kollox kien diffiċli u jitlob sforzi kbar (ferm aktar minn tal-lum) raw kif għamlu u waqqfu maqdes mill-isbaħ u anke mlewħ b’affreski u rikezzi (jingħad li ħafna mir-rikezzi huma mirduma fl-akkwati tal-kappella sabiex ma jinsterqux mill-attakki tat-torok). Bħalma ngħidu bil-Malti, iż-żmien igerbeb u ma jistenna lil ħadd. Wara kważi sitt mitt sena minn din il-ġrajja, llum li hawn aħna, dixxendenti u wlied dan il-poplu qadim u devot, xorta jidher ċar li l-venerazzjoni u l-imħabba lejn il-Madonna fil-Gudja baqgħet waħda tassew ħajja, u nittama li dan jibqa’ fi snin li ġejjin.
Ilkoll nafu li d-dinja li ngħixu fiha hija kollox barra stabbli. Madanakollu l-bniedem tant jidra din is-sitwazzjoni versatili li xorta waħda jirnexxielu jippjana fit-tul u jaddatta għal kull ma jiġi ma’ wiċċu. Bħalma missirijietna għaddew minn gwerer, assedji, karestiji u pandemiji, aħna wkoll illum għalkemm f’ambjent u epoka differenti, xorta waħda għixna esperjenzi ta’ pandemija u llum qed naraw ukoll żvillupp ta’ konflitt fuq l-għatba tal-Ewropa wara tmenin sena paċi fil-kontinent. Nittama li ma narawx karestiji wkoll għax kollha nafu li konflitti bħal dawn, jekk itulu bosta, jistgħu jwasslu għal dan.
Madanakollu fil-Gudja ser nagħmlu l-festa ta’ Santa Marija, festa li sa mill-qedem tipprova tqarreb in-nies kollha tar-raħal. Wara dawn is-snin kollha li ilha ssir din il-festa nista’ ngħid li din hija l-ewwel esperjenza tiegħi li Santa Marija twaqqfet u ser terġa’ ssir f’nuqqas ta’ sentejn. Wieħed jittama li din il-festa tant għażiża terġa’ tkun xhieda ta’ devozzjoni lejn Ommna Marija u tkun waħda mill-isbaħ li qatt rajna. Wieħed għandu jifhem li wara din l-assenza għandna nilqgħuha fostna bl-aktar mod xieraq u dinjituż.
Waħda mill-missjonijiet u l-valuri li tħaddan is-Soċjetà Filarmonika La Stella hija li tkattar l-imħabba lejn il-Madonna. Infatti, għaliex il-prinċipji ta’ din is-soċjetà huma msejsa fuq il-kult Marjan, taħt it-titlu tar-Rużarju mqaddes, din is-sena ser nwaqqfu monument fiddaħla ewlenija tar-raħal sabiex jagħti xhieda ta’ dan it-twemmin bil-prominenza li jistħoqlu. Għalkemm is-Soċjetà għaddiet, u għadha għaddejja, minn żmien ta’ prova bħal kulħadd, xorta nstabet ir-rieda, is-saħħa u l-finanzi sabiex tasal għal dan il-proġett prestiġjuż. Meta nħares lura lejn Ottubru 2019 meta bdejna t-triq biex iseħħ dan il-proġett, ma kellniex