4 minute read

L-Belt Valletta fl-1 ta’ Mejju 1942

“Fejn ma?” “Se mmorru l-Gudja maz-ziju!”

Għalkemm wieħed mill-iżgħar irħula u mill-inqas magħrufa, midfun fil-qalba ta’ Malta, jien u ħija l-kbir ma staqsejniex fejn tiġi l-Gudja. Iz-ziju kien superjur tal-Mużew f’dak irraħal u xi ġimgħat qabel ma faqqgħet il-gwerra kien ħadna għall-festa tal-preċett, li kif jaf kulħadd, tal-Mużew jiċċelebraw b’solennità kbira. Il-kelma li aħna konna se mmorru l-Gudja, bil-private malajr xterdet fost qrabatna, u f’kemm trodd salib ħafna li kienu jiġu minna mqar mill-bogħod ġew wara biebna jittallbu biex neħduhom magħna, ħaġa li z-ziju, li kien inkarigat mill-’Operazzjoni Kenn’, għamel bil-qalb kollha. Meta ġiet il-karozza kulħadd ħa xi affarijiet tal-bżonn u billi żmien ma kienx hemm, tlajna u qgħadna millaħjar li stajtna. Kien hemm iz-ziju u z-zija u ommhom in-nanna; ommi u jien u erba’ ħuti; ziti l-oħra bi tliet itfal, wieħed minnhom tat-twelid; il-kuġini ta’ missieri, il-parrinu u żewġ

Advertisement

Ritratt meħud nhar l-1 ta’ Mejju 1942. Xena tal-Belt Valletta wara wieħed mil-ewwel u l-għeqqel attakki li mmarkaw it-tieni gwerra. Sors: www.iwm.org.uk

nisa oħra aħwa mdaħħla fiż-żmien u n-nannu Wenz. Raddejna s-salib u b’pass imħarrek ħallejna ‘l djarna u ‘l belt fejn twelidna u li magħha min jaf kemm konna ilna marbuta. U bħalna għamlu l-ġirien.

Kos toqgħod taħseb... fl-Assedju l-Kbir tal-1565 in-nies tal-irħula meta saru jafu bil-ħbit tat-Torok kienu telqu kollox warajhom u marru jfittxu ken ‘il-ġewwa mis-swar tal-Birgu. Issa, 400 sena wara, ġara il-maqlub: kulħadd ħalla ‘l Birgu (u l-ibliet l-oħra) u mar ifittex ilberaħ tal-kampanja, ‘il bogħod mit-Tarzna u il-Port biex kemm jista’ jkun jeħles mill-hemm u l-għawġ u l-qirda, li kienet ġejja fuqna. Din id-darba mhux bħall-Assedju tat-Torok — l-attakki ma ġewx bl-art jew bil-baħar, iżda tfaċċaw mill-ajru, bħalma fl-imgħoddi qtajjiet kbar ta’ ġurati kienu jaħtbu minn żmien għal żmien għall-uċuh tar-raba’ tagħna. Is-saħta reġgħet fuqna! U kontra dak li kien ġara fl-1565, ma kien għad kellna xejn li seta’ jħarisna mill-qirda ili kienet nieżla mis-sema. Is-swar did-darba kienu bla saħħa u x-xelters kienu għadhom lanqas bdewhom. U hekk tlaqna ‘l djarna — l-egħżeż ħaġa li għandu l-bniedem wara niesu u nfridna minn ħbiebna, xi wħud minnhom jaħasra biex qatt aktar ma nerġgħu narawhom. Aħna u sejrin, mat-triq ma konitx tilmaħ għajr karozzi u karettuni mgħobbija bin-nies u s-sarar, ħerġin mill-ibliet u telgħin ‘il fuq ifittxu l-kenn tal-irħula. L-evakwazzjoni tal-inħawi li jħaddnu l-Port il-Kbir kienet bdiet tabilħaqq.

Kenn fil-Gudja (KAP III)

Tgħidlix kemm domna sejrin. Ma niftakarx. Minbarra l-evakwazzjoni tan-nies, il-ħaġa l-oħra li laqtitni mat-triq kienet il-knisja ta’ Raħal Ġdid, nofsha biss imtella’. Raħal Ġdid kont mort bosta drabi qabel, iżda kien dakinhar filgħodu li ntbaħt bis-sura mhix tas-soltu ta’ dak it-tempju setgħan. (Tabilħaqq kellhom jgħaddu ħafna snin minn dik il-għodwa — 20 sena sħaħ — qabel ma l-knisja kienet lesta fl-1960). Meta wasalna l-Gudja bqajna sejrin dritt fid-dar tad-dutrina li f’ħakka t’għajn inbidlet f’Dar tal-Providenza. Din ma kinitx xi palazz. Kien hemm intrata, kamra laterali n-naħa tax-xellug, kontra intrata, taħt it-taraġ, taraġ, sala mdaqqsa li kienet kappella u bejt. Fin-nofs kien hemm bitħa bi tliet ikmamar oħra u maqjel. Il-kmamar ta’ ġol-bitħa kienu diġà bin-nies meta wasalna — kien hemm żewġ familji minn Raħal Ġdid. Il-lum nistagħġeb kif f’dak id-daqsxejn ta’ post setgħu joqogħdu dawk in-nies kollha — għoxrin b’kollox, bejn il-ftit ġranet u s-sebgħin sena li kienu jagħmlu sitt familji differenti. Dawn minbarra ż-żewġ familji li semmejna u li kienu n-naħa ta’ wara. Kif qgħadna? Tistgħu tobsru? U x’għamilna bis-sodod nistħajjilkom tistaqsu? Kulħadd firex fl-art (tinsewx li kien is-sajf) waqt li beda jirringrazzja ‘l Alla li meta jħares ‘il fuq kien jilmah it-travi ta’ l-injam u mhux il-kwiekeb tas-sema.

Għalkemm pajjiżna huwa żgħir u d-distanzi huma qosra ma nista’ qatt ninsa, lanqas jekk igħaddi kemm igħaddi żmien minn fuqi, l-impressjoni li ħallietli l-Gudja. Mingħajr ma ridt intbaħt ii bejn dan ir-raħal ħelu u żgħir u l-Birgu kien hemm qabża kbira. Ibda biex, ħafna mid-djar fil-Gudja kienu sular wieħed, u minħabba f’hekk ix-xemx kienet tidher iżjed u tinħass aktar. It-toroq, tneħħi t-triq ewlenija, kienu mingħajr asfalt, għalkemm innies kienu jżommuhom indaf xummiema. In-nies kienu ħafjin u Ibieshom kien differenti: in-nisa kellhom ilbiesi x’aktarx skuri li jwasslu sa wiċċ riġlejhom; l-irġiel bla ġlekk, ħafna minnhom bil-flanella flok qmis, u qalziet tad-drapp ta’ Malta mxammar biċċa sewwa ‘l fuq mill-għaksa, kollha tista’ tgħid b’beritta f’rashom. Is-subien kellhom qliezet biċ-ċingi msallba wara, bil-qliezi dojoq katusi jwasslu sa l-irkoppa. Il-bniet bil-malji twal u ibieshom iwassal sa taħt l-irkoppa. Ħaġa oħra li laqtitni mill-ewwel kien li l-bibien tad-djar kienu kollha magħluqa, iżda bil-muftieħ fil-post — drawwa li sa fejn naf jien għadha ma nqatgħetx għal kollox minn kullimkien.

Minħabba li mill-Birgu tlaqna bil-ħatfa u ma kellna ħin naħsbu għal xejn, kif wasalna morna fil-ħanut li kien hemm quddiemna u xtrajna l-ħwejjeġ li mingħajrhom ma stajniex ngħaddu, bħalma huma, platti, tazzi, skieken u frieket, stali, xkupi u ma għandniex xi ngħidu, ħwejjeġ tal-ikel: ħobż, butir u ġobon, żejt, għaġin u x’naf jien, Kulma kellha dik il-mara talħanut — mibruma, b’toppu kbir wara u leħen oħxon goff imma ħanin — ġarrejniehulha.

This article is from: