
4 minute read
Il-Koppla tal-Knisja tal-Gudja
Wara nofsinnhar tal-ewwel jum tagħna fil-Gudja naf li mort ma’ xi ħadd il-knisja u, għadni niftakar qisu lbieraħ, kif bqajt mistagħġeb inħares lejn il-koppla minn ġewwa miżbugħa ikħal bħas-sema, miżgħuda bi kwiekeb lewn il-fidda. Is-skiet li kien isaltan fil-knisja dak ilħin tal-erbgħa kompla kattar fija s-sens ta’ misteru li dak il-ħin kont qed inħoss: qegħdin fi gwerra, f’raħal li ma kontx naf u fi knisja għal kollox ġdida għalija. Meta ħriġt mill-knisja fi triqti lejn id-dar bdejt inħares u nixrob dak kollu li ma kienx tas-soltu għalija, bħal ngħidu aħna l-purtieri tal-ħjut u żibeġ kuluriti li ħafna mill-ħwienet kellhom fil-bibien. Dak il-ħin ukoll xi nisa kienu ħarġu fuq l-għatba ta’ barra (din, kif tgħallimt aktar tard, kienet drawwa) u qagħdu bil-ġabra kollha jraqqgħu l-ħwejjeġ jew joborxu l-patata jew igħidu r-rużarju — dehra li għadha sal-lum timlieni bil-hena u s-sliem. Aħna u għaddejjin in-nies għarfuna u kif ngħaddu minn quddiemhom bdew jgħidu minn taħt l-ilsien “‘dawn rifuġjoti”. Niftakar li dak il-ħin kien sar ħbit mill-ajru, iżda għall-inqas it-tfaqqigħ tal-balal u l-bombi kien jinstema’ fil-bogħod. U hekk l-ewwel jum fil-Gudja kien għadda b’wiċċ il-ġid.
Jekk l-ewwel jum għadda mingħajr inċidenti, l-ewwel lejl ma ninsiehx kif ġieb u laħaq, mhux għax kien l-ewwel wieħed, imma minħabba daqsxejn ta’ nsett li jagħmel ħoss sproporzjonat għal kollox għad-daqs tiegħu. Mela kif wasalna filgħodu, kienu nistħajjel għall-ħabta tal-għaxra, jien u ħija mill-ewwel tħabbibna ma’ Ġużi, tifel ta’ mparna, jew xi ħaġa akbar minna, li kien magħruf mar-raħal kollu għall-qilla tiegħu. Dan Ġużi tana werżieq, qalilna biex nagħmluh f’bott vojt tal-ħalib, nagħtuh biċċa tadama’ u tara’ qalilna “kemm igħanni”. Aħna li qatt qabel ma konna rajna jew smajna werżieq, għamilna kif qalilna l-ħabib ġdid tagħna u ħallejnih f’rokna fl-intrata. U tabilħaqq il-werżieq lil Ġużi ma ħarġux ta’ giddiebi. Malli dalam beda l-kantaliena li jaf bl-amment... Żirr... Żirr, Żirr. Żirr, Żirr... Jien u ħija tgħidx kemm ħadna gost nisimgħuh ‘jgħanni’ iżda l-għejja u n-ngħas ma damux ma ħakmuna u f’kemm tgħid posta ta’ rużarju bdejna ngħoddu s-sitta fil-mija. Mhux hekk ixxjuħ li kien hemm mimdudin fl-art fl-intrata u taħt it-taraġ. Dawn imsieken diġà minħabba l-età jsibu n-ngħas iħabbathom biex jiġi. Terġa’, konna f’post ġdid, fuq kutri minflok fuq issodod, biex ma nsemmux il-biża’ li naħseb kellhom tal-gwerra. Biex tagħqad, kien hemm iż-żarżir ma jaqta’ xejn tal-werżieq li la kellu rispetto lejn il-gwerra u lanqas lejn ir-rifuġjati. Tistgħu taħsbu msieken kif għaddewh l-ewwel lejl tagħhom ‘il bogħod mid-dar. Ħadd ma kien jaf fejn kien qiegħed dan l-imbierek ta’ werżieq u wisq inqas li kien tagħna. Iżda, kif sebah kulħadd beda, jitkellem fuqu u malli saru jafu l-fatti tistgħu taħsbu kif ħaduna qatta’ bla ħabel! U magħna weħlet ommi! Din, li soltu kellha ħafna sabar magħna, meta rat dik l-oppożizzjoni organizzata minn kull naħa, kellha ċċedi u tordnalna biex marmu l-werżieq ‘il barra. Wara ħafna xenati kellna nbaxxu rasna u l-imsejken werżieq sab ruħu bħalna — bla dar. Għal ftit ħin fid-dar flok wieħed kien hemm żewġ iwrieżaq inewwħu: jien u ħija.
Advertisement


L-Ewwel Xhur tal-Gwerra (KAP IV)
Mingħajr dubju ta’ xejn waħda mill-ħwejjeġ li ġibduni l-aktar lejn il-Gudja kienet issempliċità tiegħu flimkien mar-raba’ li bih hu mdawwar dan ir-raħal żgħir. Filwaqt li qabel, meta konna l-Birgu, biex naraw roqgħa ħamrija konna rridu noħorġu ‘l barra mis-swar u niġbdu għal ħdejn il-Kapuċċini, mixja għal tfal tal-età tagħna ma kinitx żgħira, il-Gudja kull fejn tħares ma kontx tilmaħ ħlief għelieqi. Għadni s’issa niftakar l-ismijiet tal-inħawi: Dawra Ddur, il-Ħanija, il-Ħofra, iż-Żebbuġa, Ta’ Loretu, il-Karwija... kollha nħawi miżgħuda b’għelieqi. U naturalment, ir-raba’ ma kienx qiegħed biex ipaxxi l-għajn: biss...
Xi ftit ġranet wara li wasalna, Ġużi (li miegħu issa konna sirna ħobża u sikkina) stieden lili u ‘l ħija biex immorru miegħu sal-għalqa ta’ zijuh ħalli naqtgħu ftit tin u niekluh. Tistgħu taħsbu kif ħtafniha l-offerta. Ħriġna ftit ‘il barra mir-raħal u xħin deherlu Ġużi qalilna: ‘’Din l-għalqa taz-ziju... idħlu u aqtgħu kemm tridu”. Jien u ħija morna fuq waħda mit-tiniet li kienet imtaqqla bil-frott, u nimxu dejjem fuq l-eżempju ta’ ħabibna, bdejna nqaxxru u nitfgħu f’ħalqna. Hekk sew! Tiekol kemm trid sa ma tixba. Ara fejn qatt ġo qiegħ ilBirgu konna se nsibu għalqa mimlija tin taz-ziju tal-ħabib tagħna! Kont għadni qed nifraħ b’xortija li permezz tal-gwerra kont sibt ruħi il-Gudja, meta nilmaħ lil wieħed raġel riesaq b’magħżqa, f’idu merfugħa u jgħajjat kemm jiflaħ: “Huwa intom? Qbadtkom fl-aħħar, ja qatta’...! Ħarbattuhieli siġra... Jekk tiġu taħt idejja nqiegħedkom!” Jien u ħija bqajna litteralment bil-bajtra f’ħalqna nħarsu lejn xulxin u naħsbu li dak ir-raġel kien ħa xi żball. F’daqqa waħda Ġużi telaq kollox minn idu u b’ħeffa ta’ xadin beda jaqbeż il-ħitan u jgħajjat: “Iġru għax jaqbadkom Toni...!” “Mela, din l-għalqa mhijiex ta’ zijuk?” staqsejnih mingħajr l-iċken ħjiel ta’ ħażen.
“Ħallikom mill-kliem... Iġru”” U ħlisniha b’wiċċ il-ġid. Imma ħej il-ftit gost li ħadna malajr tlifnih. Ma għandniex xi ngħidu, din il-logħba ta’ Ġużi malajr drajniha, u ma laħaqx għadda żmien wisq li ma tgħallimniex l-għelieqi ta’ min kienu u għalhekk ħadd ma kien ser jerġa’ jbellagħina waħda bħal taz-ziju ta’ Ġużi.
L-għelieqi kellhom u għad għandhom bħal seħer fuqi u l-gost tiegħi noqgħod inħares idejn il-bdiewa jaħdmu r-raba’: jaħartu, jiżirgħu, jaħsdu u jidirsu, isaqqu u jnaqqu... Id-dehra tal-bidwi fir-raba’ kienet u għadha żżommni msammar u għalhekk il-Gudja sibt l-għaxqa tiegħi. Kien hemm ħaġa iżda li kont nobgħod, anzi nistmerr fil-ħajja sempliċi tar-raħal fejn morna, nfittxu kenn u dan bl-ebda mod ma kien tort tan-nies tal-post: in-nuqqas ta’ drenaġġ. Sa ftit ilu għadd mhux żgħir ta’ rħula f’Malta u Għawdex kienu mingħajr drenaġġ. Fl-1940 il-Gudja kien wieħed minnhom. Ħafna mid-djar kellhom il-fossa, Għal xi raġuni, il-fossa tad-dar fejn morna noqogħdu ma kinitx tintuża u allura kellna, irridu u ma rridux,