2 minute read

Messaġġ mis-Segretarju

Messaġġ mis-Segretarju

Clayton Zammit

Advertisement

Mhuwiex id-Destin li Jwasslek fit-Triq tas-Suċċess

Min jaf kemm-il darba smajna bil-frażi “hekk kellu jkun id-destin” jew “dak id-destin tiegħu”. Int li qed taqra dan il-messaġġ u temmen fid-destin probabbli taħseb li s-suċċess ukoll ikun miktub mid-destin. Meta saqsejt din il-mistoqsija lil diversi persuni li f’ħajjithom kellhom xi forma ta’ suċċess, il-ħsieb tat-tweġibiet tagħhom kien kollu l-istess. Is-suċċess trid taħdem għalih u la jiġi waħdu, u lanqas issibu. Mhux fil-kompitu tiegħi nkejjel is-suċċess tas-Soċjetà tagħna. Dan inħallih għall-ġudizzju tan-nies. Imma ma nistax ma nħarisx lejn is-sena 2019 u ma nitkellimx fuq is-sodisfazzjon kbir li kellna biċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa li fakkret il100 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà. Festa li fiha ħareġ biċ-ċar li kien hemm preparazzjoni u pjan. Fl-ebda ħin ma ġriet bina l-emozzjoni jew konna kostretti nikkuppjaw lil ħaddieħor. Ilqattusa għaġġelija dejjem frieħ għomja għamlet u għaldaqstant ma tantx ikollha suċċessi; dan stajna narawh fix-xahar kollu ta’ Ottubru 2019.

Jekk l-2019 ħadna minnha dak kollu li xtaqna, sfortunatament ma nistgħux ngħidu hekk għas-sena 2020 li fiha rajna t-twelid ta’ mikrobu li ġab id-dinja kollha għarkubteja. Iddinja kellha taffaċċja problemi kbar, b’ħafna mard u mwiet u konsegwentament anke żieda qawwija ta’ problemi soċjali u finanzjarji. Kull entità kummerċjali, voluntiera u assoċjazzjoni kellha taffaċċja sfidi kbar. Dan l-eżami ser jagħti stampa ċara tal-għaqal u r-riżultat tiegħu ser jidher hekk kif il-ħajja terġa’ tiġi lura għan-normalità tagħha. Is-Soċjetà tagħna mhijiex eċċezzjoni u għalhekk il-kumitat kellu joħloq pjan sabiex l-impatt negattiv li kien ġej fuqna mmewtuh kemm jista’ jkun. Il-midja soċjali kienet għodda prinċipali li kienet użata biex biha stajna nibqgħu nikkomunikaw u niffunzjonaw bħala kumitat. Ħadna ħsieb sabiex noħolqu mezz ta’ komunikazzjoni mal-membri tagħna biex kemm jista’ jkun inżommu l-entużjażmu li għalaqna bih fl-2019. Illum il-kumitat għandu r-riżultat ta’ dan l-eżami għaliex hekk kif ir-rota tan-normalità reġgħet bdiet iddur, ma sibna ebda problema biex niftħu l-bibien tas-sede tagħna u ningranaw is-setturi kollha biex fi ftit ġimgħat oħra niċċelebraw iċ-ċentinarju tal-wasla tal-Madonna tar-Rużarju fil-Gudja. Ċentinarju li nista’ niddikjara li ser inkunu qedgħin niċċelebraw bl-aħjar mod li nistgħu.

Jekk dawn is-sentejn ser jibqgħu mniżżlin b’ittri suwed fl-istorja tad-dinja, is-Soċjetà tagħna xorta waħda mhux se tħares lejn dan iż-żmien b’negattività. Dan għaliex issa kulħadd sema’ jew ra l-proġett kbir li s-Soċjetà qed taħdem fuqu b’ħafna dedikazzjoni, enerġija u riżorsi.

Matul is-sentejn tal-pandemija ħdimna qatigħ għalih. Illum kważi wasalna u minkejja min ħadem kontrina, dak li hu tagħna bi dritt ħadnih u qed inwettquh. U min spara fl-ajru?... Iċ-ċomb niżel għal wiċċu hux. It-tfixkil kollu li sibna mhux talli ma qatgħalniex qalba iżda talli dan il-proġett ġie ffinanzjat primarjament minn benefattur ewlieni u ħafna mix-xogħol inħadem mill-voluntiera biex b’hekk is-Soċjetà ma ġarritx piżijijiet finanzjarji kbar. U iva fi ftit ġranet oħra l-Gudja ser tkun tista’ tgawdi monument artistiku fid-daħla tar-raħal tagħna; f’wieħed mill-aktar postijiet prominenti. Monument li għalih ma kienx hemm limiti finanzjarji. Monument li dak kollu li se jkun fih mhuwiex fittizzju jew tat-taparsi, daqs kemm mhix fittizzja jew taparsi l-imħabba tagħna lejn Ommna Marija, f’dal-każ taħt it-titlu sabiħ tar-Rużarju Mqaddes.

Dalwaqt nerġgħu nibdew niċċelebraw il-festi b’mod sħiħ fil-Gudja u għalhekk nħeġġiġkom Stillanti sabiex nagħtu s-sehem tagħna fil-festa titular ta’ Santa Marija għaliex din hija l-festa tar-raħal kollu u għaldaqstant jixirqilha l-appoġġ tagħna. Fiduċjuż li tisimgħu l-appelli tagħna u għalhekk nħeġġiġkom ukoll tieħdu sehem fil-funzjonijiet tal-knisja, tgħinu finanzjarment lill-parroċċa fil-ġbir, u anke tgħinu fejn huwa possibli fil-ħidma u l-impenji li kull festa iġġib magħha. Minn hawn nirringrazzjakhom bil-quddiem.

Nawgura l-festa it-tajba lill-Gudjani kollha.

Fashion Passion

New Clothing & Accessories Shop Now Open ‘In Vjal’ It-Torri Gudja ‘One can find clothes of any size. Mob : 9989 8680

This article is from: