Ktieb Festa San Publju 2022

Page 67

kellu aċċess għalihom, għalkemm kienu ftit dawk li kienu jafu jaqraw. Id-Dagħa Taħt Lante kien hemm ħafna nies Maltin li kienu akkużati fuq dagħa. Dan juri kemm dan id-dnub minn dejjem kien preżenti f’pajjiżna. Fil-fatt tista’ tgħid li l-Inkiżizzjoni sabitha impossibbli li tikkontrolla l-ammont kbir ta’ dagħa. Id-dagħa daħal f’pajjiżna minħabba l-kuntatti kontinwi li l-Maltin kellhom ma’ ħafna nies barranin li kellhom livell morali baxx ħafna, speċjalment ma’ dawk il-ħafna Misilmin u Sqallin, li kienu skjavi, ħabsin jew eżiljati ġewwa pajjiżna, kif ukoll minħabba li nofs il-popolazzjoni maskili Maltija fl-aħħar tas-seklu tmintax kienet involuta fil-Korso, bħala kursara talbaħar,5 jew bħala qaddiefa volontarji (buonavoglia) fuq ix-xwieni tal-Kavallieri. Dan għaliex kienu ħafna dawk il-baħħara li kienu jgħixu f’disperazzjoni kontinwa minħabba t-toqol ta’ xogħolhom u l-perikli li kienu jaffaċċjaw. Għalhekk, f’mumenti ta’ kriżi id-dagħa kien l-aktar li jispikka. Kien żmien fejn ilħajja soċjali Maltija ta’ kuljum, kienet limitata ħafna u kważi kollox kien assoċjat mar-Reliġjon Kattolika. Għalhekk, ħafna mid-dagħa, mhux bilfors kien frott il-mibegħda lejn ir-Reliġjon tagħna, iżda għallkuntrarju. Riżultat ta’ dan kien li fuq kull ħaġa ta’ xejn, in-nies pajżana ta’ kuljum kienu dejjem jitolbu lil Alla biex jgħinhom, tant li meta ‘l dawn in-nies komuni kienet taqa’ fuqhom xi diżgrazzja jew xi inġustizzja, kienu mill-ewwel iwaħħlu l-ħtija f’Alla u għalhekk sfortunatament kienu jinfexxu fid-dagħa. Anna Vella, Furjaniża ta’ 60 sena, fil-15 t’Ottubru tal-1773 akkużat fuq dagħa lil waħda Furjaniża

bl-isem ta’ Grazia, imlaqqma ‘Gerundia’, ta’ 23 sena li kienet miżżewġa ma’ wieħed li kien buonavoglia fuq ix-xwieni tal-Ordni. Anna hawnhekk tirrakkonta kif lemħet lil Grazia, li kienet dieħla ġewwa darha li kienet tinsab fejn in-niċċa tal-Madonna tad-Duluri u waqt li din tal-aħħar kienet miexja qaltilha li kienet għadha ġejja mill-Mellieħa. Anna Vella middehra m’emmnithiex u qaltilha li qiegħda tigdeb. Kif qaltilha hekk Grazia infexxet tidgħi kontra l-qaddis tagħha darbtejn.6 Hawnhekk tidher il-frustrazzjoni li kellhom ċerti nies li probabbilment kienu għaddejjin minn tbatija kbira għaliex min kellu r-raġel tiegħu qiegħed jaħdem bħala buonavoglia (qaddief volontarju) fix-xwieni tal-Kavallieri, dan kien qed jagħmlu sabiex jifdi d-djun li kellu. Biex wieħed kien jirrikorri jasal għal tant jew għax id-djun li jkollu kienu wisq kbar, jew għax verament kien ikun f’disperament totali. Apparti hekk il-ħajja bħala qaddief kienet twila bejn sentejn u erba` snin u ftit kienu dawk li jirnexxilhom jaqbżu sentejn mingħajr ma jmutu jew jinqabdu lsiera. Dan ilfatt waħdu żgur li jagħtina stampa ċara ta’ mara miżżewġa ta’ eta` relattivament żgħira li trid iġġorr il-piż tal-familja tagħha fuq spallitha u waħidha għax ir-raġel tagħha kien nieqes u probabbli setgħat titilfu għal dejjem ukoll. Spiss, kif rajna f’dan il-każ, it-tbatija tal-ħajja ta’ kuljum kienet twassal lin-nies sabiex jinfexxu l-frustrazzjoni tagħhom f’dagħa kontra r-reliġjon Nisranija. Il-Maġija Il-każ li fadal huwa interressanti ħafna fejn jagħti ħjiel ta’ fiex missirijietna kienu jemmnu u minn xiex jibżgħu meta kienu jaffaċċjaw ruħhom malperikli tal-ħajja. Il-maġija, li kienet tintuża kemm għal skopijiet ħżiena, sabiex jagħmlu ħsara fuq ħaddieħor, kif ukoll għal skopijiet ta’ mħabba jew anke sabiex isibu xortihom fil-flus, kienet xi ħaġa komuni fost il-Maltin, partikolarment ma’ dawk in-nies li fiċċirkustanzi disperati ta’ ħajjithom kienu jsibu ruħhom daharhom mal-ħajt. L-eżempji kollha tal-maġija fit-Tribunal tal-Inkiżizzjoni juru lkoll l-inċertezza u l-faqar kemm fil-ħsieb kif ukoll fl-għemil li kienu jsaqqfu wiċċhom miegħu l-Maltin f’dawk iż-żminijiet. Il-każ ta’Anna Schembri, imlaqqma ‘ta’ Pansier’, li kienet toqgħod faċċata tal-Kunvent tal-Kapuċċini

5 Il-Kursara ma kinux pirati iżda kellhom il-liċenzja mill-Gran Mastru biex joħorġu fuq il-baħar u jattakkaw il-biċċiet tal-baħar Misilmin. 6 Grazia qalet dan il-kliem: ‘Jahrach bin il caddis tiech Fil-chara’: AIM Proc. Crim. Vol. 131A, Case 77, ff. 133-4.

PA R RO ĊĊ A S A N PU BLJ U, I L -F U R J A N A 2 0 22

67


Turn static files into dynamic content formats.

Create a flipbook
Issuu converts static files into: digital portfolios, online yearbooks, online catalogs, digital photo albums and more. Sign up and create your flipbook.
Ktieb Festa San Publju 2022 by Dale Cachia - Issuu