1 minute read

Talba lil San Publju Rev. Mons. Charles J. Scicluna

PARROĊĊA SAN PUBLJU, IL-FURJANA 2022

San Publju Jibqa’ F’ Qalbna.

Advertisement

– Kitba ta’ Rev. Dun Charles Cini - Arċipriet Għaddew sentejn minn l-aħħar li konna ħriġna l-ktieb tal-festa, issa għall-grazzja ta’ Alla qegħdin nerġgħu niċċelebraw il-festa, tant mixtieqa minna l-Furjaniżi. Għaddejna minn żmien iebes ħafna, żmien li jġiegħlek taqta’ qalbek, fejn ħadd ma jkun jaf x’ ser jiġri. Il-Covid 19 ma hux biss virus qerriedi iżda hu dak il-virus li ma jħalliniex ngħixu l-ħajja tagħna kif nixtiquha.

San Publju żgur jibqa’ f’qalbna, u jien konvint li l-festa li ser niċċelebraw ser tkun waħda sabiħa. Kull Furjaniż ser jerġa` lura biex flimkien ingawdu l-knisja Arċipretali tagħna mżejna bl-aqwa armar kif ukoll ingawdu dak li ġġib magħha l-festa tal-patrun tagħna. Iżda dan iż-żmien straordinarju għalina, ma jiqafx biss għax ikollna l-festa u daqshekk. Irridu nifhmu dak li qiegħed jgħidilna l-Papa Franġisku: “Il-Knisja għandha l-missjoni li xxandar il-ħniena ta’ Alla, il-qalb li tħabbat tal-Evanġelju, li permezz tagħha trid tilħaq il-qalb u l-moħħ ta’ kull bniedem.” Jien naħseb li dan huwa dak li qiegħed jgħidilna l-Mulej illum. Jekk San Publju għadu f’ qalbna, allura jrid jidher dan is-sentiment tal-ħniena ta’ Ġesu`, permezz tal-Knisja tiegħu, biex inkunu l-id ħanina ta’ Alla. Nitolbu l-Mulej biex il-ħeġġa u l-imħabba li għandna għal San Publju tkun tidher fil-ħajja tal-Parroċċa tagħna. Sar ħafna xogħol fi żmien il-pandemija ħalli nieħdu ħsieb it-tempju tagħna u ta’ dan nixtieq ngħid grazzi lil tant voluntieri li kuljum jaħdmu fil-knisja, iżda rridu nifhmu li kull wieħed u waħda minna huwa tempju wkoll, dak tal-Ispirtu s-Santu. Mela nieħdu ħsieb li aħna nkunu l-id ħanina ta’ Alla.

Minn qalbi nawguralkom il-festa t-tajba. Viva San Publju.

This article is from: