1 minute read

Messaġġ mil-Licensee

Advertisement

Messaġġ mil-Licensee Ħidma Kontinwa

Matthew Falzon

Wara sentejn li fihom xi ftit jew wisq naqset il-produzzjoni tal-logħob tan-nar minħabba r-raġunijiet li jaf kulħadd, din is-sena ppruvajna kemm jista’ jkun nerġgħu naqbdu r-ritmu partikolarment għall-fatt li din is-sena s-Soċjetà Filarmonika La Stella flimkien mal-Fratellanza tas-S.Smu Rużarju u l-Gudjani se nkunu qed ifakkru l-100 sena anniversarju mill-wasla tal-vara mill-isbaħ tal-Madonna tar-Rużarju. Għalhekk ‘k Alla jrid ser nerġgħu ntellgħu programm pirotekniku sabiħ, imżewwaq b’diversi elementi, u li għandu jolqot il-gosti ta’ kulħadd.

Sabiex inkun nistgħu noħorġu l-programm tal-festa, barra n-nar għall-festa talMadonna tar-Rużarju, matul is-sena ħdimna wkoll numru ta’ servizzi barra millGudja. Fost is-servizzi li ħdimna matul din is-sena nsemmi l-festa tat-Trinità Qaddisa tal-Marsa, il-festi ta’ San Ġorġ (Għawdex), nar tal-art għall-festa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, il-festa ta’ Santa Marija tal-Gudja kif ukoll diversi attivitajiet nazzjonali organizzati mill-MTA u mir-Reġjun ta’ Nofsinhar. Kif tistgħu timmaġinaw dan jirrikjedi ħafna impenn u koordinazzjoni. Għaldaqstant nirringrazzja lil kull min jagħti sehmu sabiex kollox jitlaħħaq fil-ħin.

L-appell tiegħi din is-sena huwa sabiex min jista’ jagħtina ftit mill-ħin tiegħu sabiex flimkien inkunu nistgħu ntellgħu l-programm li għandna maħsub. Grazzi kbira lil dawk li dejjem insibuhom ta’ għajnuna kemm finanzjarja kif ukoll permezz tax-xogħol jew self ta’ vetturi. Nirringrazzja wkoll lis-sidien tal-għelieqi li jagħtuna l-aċċess sabiex inkunu nistgħu naħarqu. Fl-aħħar nett nagħlaq bi grazzi kbira u speċjali lill-familji tagħna tal-appoġġ u s-sagrifiċċji li jagħmlu magħna.

Nawgura festa mill-isbaħ lil kulħadd u flimkien nitolbu lill-Madonna tħarisna u tieqaf magħna.

This article is from: