
18 minute read
Mid-Djarju ta’ Gio Maria Abdilla
Ċelebrazzjonijiet 100 Sena Fostna. Pjanta tal-Monument tal-Madonna tar-Rużarju
Mid-Djarju ta’ Gio Maria Abdilla
Advertisement
Eks Prokuratur tal-Fratellanza tas-S.Smu Rużarju u Eks President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella

F’din il-pubblikazzjoni qed niffukaw fuq il-ġrajja tal-wasla tal-vara tal-Madonna tar-Rużarju fil-Gudja. Wieħed mill-iktar rakkonti kredibbli u dokumentati li sibna huwa rakkont miktub minn Gio Maria Abdilla fit-8 ta’ Lulju 1922 (ftit tal-ġranet biss wara li seħħet il-ġrajja). Dak iż-żmien Gio Maria Abdilla kien Prokuratur talFratellanza tas-S.Smu Rużarju. Huwa kien ukoll bniednem li ħadem ħafna għal ġid tas-Soċjetà Filarmonika La Stella u infatti matul is-snin huwa okkupa diversi karigi. F’dan ir-rakkont, li huwa jsejjaħlu “Rakkont tal-Istatwa tar-Rużarju Venerata filKnisja Parrokjali matriċi tal-Gudja li saret fl-1922” wieħed jista’ jara u japprezza d-diffikultajiet u l-ostakli kollha li ħabbtu wiċċhom magħhom hu u sħabu sabiex irnexxielhom iwettqu l-ħolma tagħhom; dik li jżanżnu vara ġdida tal-Madonna tarRużarju. Għalkemm ma hemm l-ebda dubju li r-rakkont huwa viċin ħafna tal-verità (dan jikkonfermawh ukoll dokumenti oħra), din il-ġrajja hija ovvjament miktuba millperspettiva tal-awtur b’lingwaġġ u veduti li jirriflettu l-opinjoni tiegħu u ż-żmien li fih inkiteb.
L-Ewwel Parti
Kienet ġurnata minn ta’ Ottubru tas-sena 1921 meta f’idea li ġietni xtaqt nagħmel mezz illi nkompli ix-xewqa li kelli sa minn ċkuniti, iġifieri illi bħala prokuratur talFratellanza tar-Rużarju tal-Gudja nieħu ħsieb nagħmel statwa ġdida tar-Rużarju.
Ġurnata fost il-ġimgħa f’xi s-sitta ta’ waranofsinhar il-kappillan Dun Ġużepp Spiteri mill-Belt kien qiegħed bilqiegħda fuq siġġu għall-frisk fejn iz-zuntier in-naħa ta’ San Ġużepp u jien ersaqt fuqu u ssuġġerejtlu l-idea li kelli u billi dak iż-żmien kien ipprojbit il-ġbir privat minħabba li kien qiegħed isir xogħol taż-żebgħa fil-knisja staqsieni jekk hux sejra ssir bil-ġbir inkella benefattur. Jien irrispondejt li benefattur u huwa qalli mela tista’ tibda x-xogħol. Irringrazzjajtu u tlaqt.
Sentejn qabel dan il-fatt, ċertu Gio Maria Galdies bin Katerina Galdies Dalli u Giuseppe Dalli, iz-ziju ta’ dan Gio Maria Galdies kienu xtaqu jkunu benefatturi ta’

Ġużeppi
Speranza
Katerina

Rożi L-aħwa Dalli, li fl-1922 kienu l-benefatturi tal-istatwa talMadonna tar-Rużarju, maħduma mill-istatwarju Gudjan Angelo
Dalli. (Antonio Dalli ma jidhirx fir-ritratti)
dina l-istatwa iżda billi ma kienx hemm permess li jsir ġbir u lanqas opri, ix-xewqa tagħhom ma setgħetx tiġi kompluta.
Meta għalhekk is-Sur Kappillan tani risposta li nista’ nibda x-xogħol, filgħaxija mort il-każin (Circolo La Stella No. 30 Strada Reale), sibt lil Giuseppe Dalli u Galdies Gio Maria (li kien President tal-imsemmi każin) u tlabthom illi billi issa għandna ċirkustanzi illi l-istatwa tista’ ssir irrid risposta sal-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 1921 jekk għadhomx bl-idea li jagħmlu l-istatwa, sabiex jekk ma jagħmluhiex huma nieħu ħsieba jiena. Ir-risposta wara ftit taż-żmien kienet iva.
Issa dak iż-żmien kien hemm ċertu Angelo Dalli (tas-Suffari) mill-Gudja miżżewweġ Ħal Tarxien li kien ilu joqgħod Ħal Tarxien xi 10 snin, dan kien raġel intelliġenti ħafna u meta kellu xi 25 sena kienet qiegħda tinbena l-faċċata tal-knisja tal-Gudja stess u dan daħal għax-xogħol b’lavrant iżda fi ftit taż-żmien bl-intelliġenza li kellu, kellu l-ħila jieħu x-xogħol taħt idejh u dderieġa x-xogħol tal-kampnari huwa. Fis-sena 1914 inqalgħet gwerra mal-Ewropa kollha u x-xogħol tal-bini spiċċa għal kollox. Għalhekk irrikorra għat-tarzna u daħal b’assisstent shipwright it-tarzna. Fis-sena 1918 ilgwerra spiċċat u bejn is-sena 1918 u s-sena 1919 tawh is-sensja. Meta sab ruħu nieqes mix-xogħol ried jara x’se jagħmel u billi kellu xi idea taxxogħol tal-istatwi tal-kartapesta ta ruħu għal dan ix-xogħol. Fis-sena 1920, Dun Paul Zammit mill-Gudja, ħabib kbir ta’ dan Anġlu Dalli, kien rettur tal-Knisja ta’ Liesse il-Belt u sabiex jakkwista l-fama lil dan Dalli ordnalu statwa ta’ Liesse, Madonna bilbambin u tliet kavallieri u anġlu bi statwa żgħira f’idejh. Ix-xorti tat illi din l-istatwa rnexxietlu wisq u dan Anġlu akkwista fama liema bħala.
Meta għalhekk jiena ġejt biex nordna din l-istatwa sibt ruħi f’konfużjoni kbira fejn nordnaha, ridt kieku nordnaha għand Anġlu però bżajt li ma tirnexxix u fl-istess ħin ma ridtx nordna barra għaliex għedt illi biċċa ħobż aħjar jiekolha wieħed pajżan minn barrani. Ġurnata fost l-oħrajn kont għandu u rajt xi xogħol minn tiegħu li għoġobni ħafna u qbadna diskursata u tani kelma illi jekk ma tirnexxielux l-istatwa stajna ma nieħduhiex. L-idea għoġbitni u pproponejna li nippruvaw.
Fl-4 ta’ Novembru 1921 dan Anġlu ġie l-każin u hemm sar l-akkordju bejn Giuseppe Dalli u Angelo Dalli għax-xogħol tal-istatwa prezz Lm9-10, bil-kundizzjoni illi jekk ma tirnexxix ma jieħduhiex. Giuseppe Dalli ordnaha għan-nom ta’ ħutu Caterina Galdies Dalli, Pranz Dalli, Rosaria u Antonio Dalli.
Meta l-istatwa kienet ordnata jien ridt naħseb għall-pedistall. Bgħatt għall-ċertu Emmanuele Buhagiar skultur tajjeb u ħażżli disinn ta’ pedistall li malli rah il-poplu
ngħoġob tassew u ordnajtulu Lm25 u x-xogħol sar taħt id-direzzjoni tas-Sur Carlo Farrugia, Chief Draughtsman tal-Gvern (mill-Gudja)
Il-pedistall sar bil-ġbir mill-fratelli u sar arbural ta’ Lm27 li minnhom sar il-pedistall, xogħol ta’ dijadema tal-fidda, girlanda tal-pedistall u forċini ġodda. Il-kumplament tal-ispejjes tħallsu mill-ġbir tal-flieles.
Ix-xahar ta’ Novembru 1921 ġara illi Dun Paul Zammit miet u billi l-kappillan kien xi ftit skoraġġit fuq it-telfa ta’ Mons. Schembri, kbir benefattur tiegħu, li rabbieh hu u li kien miet fil-15 ta’ Lulju 1921, u fuq inkwiet li bħala kap dejjem jiltaqa’ miegħu, talab lill-Mons. Isqof Dun Mauro Caruana sabiex imur Rettur ta’ Liesse flok il-mejjet Dun Paul Zammit u l-Isqof ikkonċedielu.
Għal din l-aħbar il-maġġorparti tal-popolazzjoni tal-Gudja tħawdet u għamlu l-mezzi possibbli sabiex jibqa’ hawn saħansitra saret petizzjoni bil-firem ta’ kulħadd (eċċezzjoni xi tużżana) taħt ċertu nutar miż-Żurrieq (ħu Dun Giuseppe mlaqqam tal-Lasta) iżda kollu għalxejn id-deċiżjoni kienet li l-kappillan immur Rettur ta’ Liesse.
It-Tieni Parti
Ġara għalhekk illi l-pajjiż nqasam f’żewġ partiti, min kien favur il-kappillan u min kontra.
Dawk li kienu favur il-kappillan ħadmu kemm felħu sabiex il-kappillan ma jmurx u billi qassisin mill-pajjiż ma kien hemm ħadd isservew b’ittri anonimi kontra min ikun ġej u gerrxu xi sitt qassisin. Ġara għalhekk illi ċertu Dun Nicola Aquilina mis-Siġġiewi aċċetta l-kariga flok il-kappillan megħjun mill-partit kuntrarju.
Billi l-kappillan kellu xewqa kbira illi l-opra taż-żebgħa tal-knisja tiġi kompluta talab lil dan Dun Nicol illi jagħtih il-permess illi għalkemm ma jkunx hawn ir-raħal però nhar ta’ Ħadd jiġi jgħinu sabiex jiġbor u jassisti għall-knisja. Dun Nicol għoġbitu l-idea u aċċetta.
Fit-23 ta’ Diċembru 1921, il-kappillan telaq mir-raħal iżda mal-ewwel Ħadd li ġie, Dun Ġużepp Spiteri ddobba ħaruf, għamluh lotterija, u kien hemm profit ta’ Lm1-5. L-għedewwa tal-kappillan li kienu nies mill-partit taċ-Ċintura meta raw li l-kappillan sejjer jibqa’ jidher lejn ir-raħal waħħlu f’ras Dun Nicol illi jekk jibqa’ jiġi ‘l hawn Dun Ġużepp Spiteri r-raħal jinqasam f’żewġ partiti u li hu ma jkunx irrispettat. Dun Nicol, billi ġie mill-ewwel bl-idea tat-taħwid, emmen il-kliem tal-għadu u sab mezz sabiex ma jħallihx jiġi iżjed billi qallu illi qabel ma jkollu somma flus f’idejh ix-xogħol ma riedx ikomplieh. Il-kappillan Dun Ġużepp Spiteri xamm id-daqqa mill-ewwel u kif xterdet
din l-aħbar ir-raħal nqasam f’żewġ partiti tassew. Dun Nicol għalhekk ġie abborrit mill-maġġorparti tal-popolazzjoni, li kien il-partit tar-Rużarju u tas-Sagrament u aċċettat mill-partit taċ-Ċintura.
It-Tielet Parti
Għall-ħabta ta’ Diċembru 1921 ix-xogħol tal-istatwa nbeda u mill-bidu tiegħu wera li x-xogħol sejjer jirnexxi. Ġara però illi meta ġie iqiegħed l-għajnejn tal-Madonna ma sabx tal-qies u qabditu konfużjoni kbira.
Staqsi minn hawn, u iġri minn hemm, u għajnejn tal-qies ma nistgħux insibu; iżżmien dieħel sewwa għalhekk kien fadal tama waħda. Huwa kien bagħat iġib 3 xhur qabel sett pari għajnejn ta’ kull daqs mill-Ġermanja għalhekk kellu fiduċja kbira li jirċevihom f’qasir żmien. Fl-aħħar ta’ Frar jirċievi ittra li waslu. Tista’ taħseb għalhekk b’liema ferħa mar għalihom, iżda ma damx ferħan wisq għaliex kif fetaħ il-kaxxa jsib illi flok sitt pari minn kull daqs irċieva tliet tużżani miż-żgħar kollha daqs wieħed. Tista’ taħseb għalhekk liema dwejjaq qabdu lill-imgħallem. Żmien x’jistenna ma għandux biex ma jlestix l-istatwa ma jistax ikun, għalhekk diġà kien iddeċieda li jagħmilhom biż-żebgħa.
Iżda qabel xejn jiena għidt bejni u bejn ruħi ħalli nerġa’ nagħmel tfittxija oħra forsi l-Madonna tlaqqani ma’ xi par. Mort il-Belt u Strada San Paolo kien hemm wieħed li kellu ħafna. Qallibtlu kull ma kellu u ma sibtx ħlief waħda farrada. Mort għalhekk ħosbien għand l-imgħallem u għedtlu bil-biċċa u qalli hekk hu, dik l-istess li sibt jiena hux, kienet fil-vetrina. Le weġibtu, jiena fil-kaxxa sibtha. Tal-vetrina ma rajthiex. Taf li qiegħed tħassibni qalli. Imur l-għada u Alla jista’ kollox isibhom it-tnejn jaqblu, hux veru miraklu? B’dana kollu kien fadallu biss xahar żmien iżda billi it-temp kien favorih l-istatwa kienet lesta fil-ħin. Il-ġmiel tagħha deher veru sublimi.
Issa wasalna għall-induratura. Dorna għalhekk il-Belt kollha u billi ma kienx hemm ħlief ħames ġimgħat żmien ix-xogħol m’aċċettah ħadd. Diġà konna qtajna qalbna. Fl-aħħar irrikorrejna għand ċertu Tomaso Bartolo u Giuseppe Farrugia mill-Imdina u x-xogħol aċċettawh. Għalhekk moħħna mistrieħ illi kollox sejjer jirnexxi kif tixtieq qalbna. Ix-xogħol tal-induratura nħadem tajjeb ħafna li ngħoġob minn kulħadd.
Ir-Raba’ Parti
Wasal għalhekk iż-żmien tat-tberik tagħha. Jiena bis-sinċerità kollha mort għand Dun Nicol Aquilina l-viċi kappillan biex niftiehem miegħu kif sejrin imberkuha. Ġara
li dan Dun Nicol kien diġà tkellem ma’ Mons. Angelo Portelli, vikarju tal-Isqof Dun Mauro Caruana fuq l-istatwa u billi dan (l-Isqof) ma kienx jaf biha, waħħal f’rasu li l-istatwa ma jdaħħalhiex. Għalhekk dan Dun Nicol talabni r-rikors tal-Isqof. Jien irrispondejtu li rikors ma għandix għaliex il-kappillan stess kien qalli li m’għandix bżonn rikors għaliex l-istatwa saret minn benefattur. Dan irrispondieni li hemm bżonn rikors u ammonieni li billi iż-żmien daħal jaqbel illi mmur inkellem l-Isqof verbalment. Jien aċċettajt il-proposta.
L-għada filgħodu mort għand Portelli b’fiduċja kbira li meta jisma’ mingħandi r-raġuni l-għala ma għamiltx ir-rikors nirranġaw kollox bil-kwiet, iżda kontra qalbi ngħid li sibt kollox kuntrarju għaliex lanqas biss ilħaqt tgħarraftlu l-bidu tal-istorja li ma laqagħnix bil-ħażin mill-ewwel u assolutament mhux talli ma ried jaf b’xejn, iżda qalli wkoll li nista’ ma nagħmel ebda rimedju għaliex l-istatwa ma jaċċettahiex sabiex isservi tagħlima.
Tistgħu taħsbu għalhekk kif ħriġt minn quddiemu donni ras maqtugħa, iżda b’dan kollu l-fiduċja tiegħi soda f’Marija Santissima. Ma qtajt qalbi qatt li l-istatwa tibqa’ barra għalhekk tajt bidu għall-ħidma.
Filgħaxija dhert quddiem Dun Nicol u għedtlu kif kien laqgħani u rrispondieni li mmorru flimkien għand Portelli bil-ħsieb li l-kelma tiegħu tiġi mismugħa, iżda għallkuntrarju, Mons. Portelli deher ostinat aktar minn qabel. B’dana kollu l-fiduċja mhux maqtugħa għal kollox Dun Nicol issuġġerieli li mmorru għand Mauro.
Il-Ħames Parti
Fl-istess żmien ta’ dan kollu l-pajjiż kien imħawwad wisq. Diġá kien sar il-konkors għall-Kappillan iżda għall-eżami ma resaq ħadd. Meta l-Isqof ra hekk, kien jinsab ċertu qassis mill-Gudja sagristan maġġur f’San Pawl tal-Belt u bagħat għalih u talbu li jmur kappillan il-Gudja u dan minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pajjiż aċċetta, resaq għall-eżami, għadda u rċieva l-karta li huwa deċiż kappillan, iżda ġara li sa filgħaxija il-volonta tbiddlitlu għal kollox b’mod tali illi tah ħass ħażin. Filgħodu kmieni mar malajr għand l-Isqof u annulla kull ma kien sar. Tista’ taħseb kif reġa’ sab ruħu Mons. Portelli wara tant taħbit għaliex assolutament ried li jagħmel lilu.
Kien jinsab ukoll mill-banda l-oħra s-segretarju tal-Isqof Mauro li dan kien jitħabat bil-bosta biex isir Dun Nicol kappillan u għaldaqstant huwa u Portelli kienu xi ftit impikati fuq din iċ-ċirkustanza għaliex Portelli lil Dun Nicol ma riedx jaċċettah.
Mar mela Dun Nicol għand Mauro u kelmu fuq iċ-ċirkustanza tal-istatwa li dan

meta sema’ ir-raġunijiet fehem li ma kien hemm ebda diffikultà però qabel xejn jitkellem ma’ Portelli. L-istess ħin Dun Nicol kellem ukoll lis-segretarju li bħala ħabib tiegħu pproponielu li jgħinu kemm jista’. Jien mill-banda l-oħra rrikorrejt għand Dun Piet li dan tkellem ħafna ma’ persuni oħra ta’ kunfidenza ma’ Mauro li għenuni wkoll. Dan kien fil-bidu tax-xahar ta’ Mejju 1922.
Iż-żmien qiegħed joqrob ġmielu għaliex fit-30 ta’ Mejju kellha ssir il-festa, millbanda l-oħra r-raħal irvellat kollu għaliex l-istatwa mhix sejra tidħol u għalkemm middiskors tal-Isqof Mauro Caruana għandna xi speranza li nirranġaw, kulħadd qalbu ttektek għaliex nafu li hija ħaġa kbira ħafna li superjur jikser il-kelma ta’ sieħbu, iżda sewwa jgħidu li l-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi.
Mela isimgħu. Ġara li f’Tuneż kella ssir festa ta’ San Pawl solenni ħafna u billi kienu inkarigati ħafna Maltin ta’ hemm xtaqu għalhekk li ssir minn xi qassisin Maltin. Bagħtu għalhekk jistiednu lill-Isqof Portelli u dan aċċetta bil-qalb kollha. Għalhekk kellu jsiefer sabiex fl-14 ta’ Mejju jassisti għall-festa. Tistgħu taħsbu kif ikkonfondejna meta smajna b’din l-aħbar għaliex dehrilna li ż-żmien tal-istatwa daħal wisq u billi Mauro ried jitkellem miegħu u dan siefer issa iż-żmien aktar jitwal għaliex kellu jirritorna Malta fl-20 tax-xahar.
Kollox però sar għall-kuntrarju, meta s-segretarju tal-Isqof sab ruħu waħdu, qal issa huwa l-waqt tiegħi li nasal fejn nixtieq iġifieri li Dun Nicol isir kappillan. U sabiex aktar Dun Nicol jiġi aktar milqugħ mill-popolazzjoni ħadem kemm felaħ sabiex l-istatwa tiġi aċċettat u dan ikun mezz kbir għar-rispett ta’ Dun Nicol.
Għalhekk bit-taħbit tas-segretarju u bil-għajnuna ta’ xi persuni oħra l-Isqof ippropona li l-istatwa tiġi aċċettata u billi għall-konkors ta’ kappillan ma resaq ħadd kien diġà pproponut Dun Nicol. Sadattant Portelli reġa’ ġie Malta u billi ż-żmien daħal sewwa Dun Nicol mar għand Mauro għar-risposta u sab li kien għad ma kelmux, wara xi jumejn mort għand Mauro jiena stess u wara li erġajt spejgajtlu l-fatti kollha ġegħelni nagħmel bħal apoloġija fejn jiena nitlob skuża u nispjega illi in-nuqqas tarrikors ma sarx b’disrispett tal-Awtoritajiet iżda bi żball involontarju ta’ min kien irieġi u għalhekk nitlob skuża ta’ dak li sar.
Ir-rikors sar u t-Tlieta filgħodu 23 ta’ Mejju 1922 mort l-Imdina u ppreżentajt irrikors lill-Isqof Mauro u wara li għamilli xi mistoqsijiet wegħedni li jagħtina risposta s-Sibt 27 ta’ Mejju. Is-Sibt wasal u Dun Nicol bil-għajnuna ta’ Alla mar għar-risposta. F’nofs siegħa kif wasal mix-xogħol mort għar-risposta u b’ferħa kbira nsib li l-istatwa ġiet aċċettata, għal din l-aħbar ġiet imtellgħa l-bandiera fuq il-każin b’sinjal ta’ ferħ u bid-dehra tagħha kulħadd induna bl-aħbar.
Is-Sitt Parti
Ferħ kbir kien jidher fuq wiċċ il-fratelli għalhekk ġiet deċiża l-festa għall-11 ta’ Ġunju, it-tberik tagħha kellu jsir fl-4 ta’ Ġunju. Il-Ħadd filgħodu (4 ta’ Ġunju) ma ħafna nies, fit-tlieta u nofs ta’ filgħodu, tlaqna lejn l-Imdina u fis-sitta konna ninsabu għand l-induratur Tomaso Bartolo u Giuseppe Farrugia wara li smajna l-quddies ħriġna l-istatwa.
Hawnhekk inqala’ għawġ ieħor. It-temp kien riħ isfel u bil-mod il-mod bdiet tqattar ix-xita. Skont ma kien jidher it-temp kien sejjer għall-agħar. Bilġri ħadna l-istatwa taħt il-mina ma tmurx iżżid tqattar ix-xita. Diġà kienet ilha nieżla tliet kwarti. Sadattant iddubbajna ħafna lożor u inċirata tajba li x-xita ma tistax tinfed. It-temp beda jeħfief u bil-mod il-mod bdejna nimtlew bil-kuraġġ. Billi l-istatwa kienet mgħottija tajjeb meta rajna li t-temp ħfief sewwa għalkemm bit-taqtir aħna tlaqna u bil-għajnuna t’Alla wasalna b’wiċċ il-ġid. Għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu qrobna lejn ir-raħal u trid tara l-kwantità ta’ tfal jgħajtu quddiem, nies jimxu wara l-istatwa, xi sitt karettuni mgħobbijin bin-nies wara, u żewġ karettuni bil-pjanċier, insomma reġiment sħiħ.
L-istatwa ġiet imqiegħda fid-dar ta’ Bernardo Gafà fi Strada Reale No. 3. Fil-ħamsa ta’ waranofsinhar l-istatwa ġiet mikxufa u għad-dehra tagħha kulħadd skanta. Filħamsa u nofs ġiet imbierka minn Dun Nicola Aquilina viċi parroku u l-banda San Andrea ta’ Ħal Luqa akkumpanjat l-istatwa bil-marċi sbieħ tagħha sal-pjazza.
Kienu diġà s-sebgħa xħin il-Madonna waslet il-pjazza. Malli waslet kien hemm ippreparata fuq il-pjanċier l-orkestra La Stella tal-istess pajjiż li malli waslet intonat l-innu “Lode a Maria” ippreparat għal din iċ-ċirkustanza li kif spiċċa saru applausi kbar mill-popolazzjoni. L-orkestra kienet komposta minn 30 strument, 24 tifla u tenur ikantaw.
Kif spiċċa l-innu l-istess orkestra daħlet il-Knisja biex tkompli s-servizzi tagħha, malli l-Madonna tfaċċat fil-knisja nbdiet l-Ave Maris Stella bl-orkestra li l-forza tagħha kienet tal-għaġeb.
Għalkemm kien ippreparat li għandha ssir is-Salve, il-Litanija u l-Antifona Dun Nicol tħawwad u spona għalhekk il-festa spiċċat naqra fil-qosor u sar biss Tantum Ergo.
Wara l-benedizzjoni sar trattament kif kien xieraq lill-orkestra u kien ukoll mistieden tant Dun Nicol u kemm l-abbatini. Wara, il-banda u l-orkestra komplew il-programm tagħhom.
Is-Seba' Parti
Sebaħ il-Ħadd filgħodu 11 ta’ Ġunju u fil-pjazza ma kontx tilmaħ ħlief trabijiet jittajru fl-arja, bosta u bosta mir-rużuni li kienu armati għall-okkażjoni tal-festa ġew żarmati għaliex fil-biża’ li ssir ħafna ħsara. Il-maġġoranza tal-poplu tal-pajjiż jidhru konfużi donnu ħsieb ikrah qiegħed idejjaqhom u bir-raġun kollu għaliex riħ liema bħalu kien qiegħed jonfoh. Speranza li jiskot mhemmx għaliex sejrin jibqgħu privi mill-aħħar xewqa li kellhom li jgawdu l-festa tal-għażiża tagħhom il-Madonna taħt ittitlu tal-Ward. Iżda dik li ħelset minn bosta battalji ħorox lill-maħbubin tagħha mhux sejra tonqos lilhom issa fl-aħħar xewqa tagħhom.
Għall-ħabta ta’ 16:00 ta’ waranofsinhar donnu sebaħ mill-ġdid. Ir-riħ illi kien jonfoħ b’forza kbira donnu staħba u kkalma għal kollox. Waslet il-Banda Duke of Edinbrugh tal-Birgu u għamlet il-marċi sbieħ tagħha mat-toroq. Fis-sebgħa nieqes kwart bdiet ħierġa l-purċissjoni b’pompa kbira qalb l-isparar tal-bombi u d-daqq tal-qniepen, il-purċissjoni tkompliet b’pompa kbira. Fit-tmienja u nofs daħlet ilproċessjoni u ġiet intonata s-Salve bħas-soltu iżda ġara illi l-istess Dun Nicola wara s-Salve flok li qgħad jistenna li ssir Litanija reġa’ kanta l-Osemus u spona. Hawnhekk il-popolazzjoni ħadita ftit bi kbira għaliex dehrilhom illi dik l-azzjoni ġiet magħmula apposta billi l-Ħadd ta’ qabel sar l-istess żball (għalkemm apposta ma naħsibx li saret iżda billi kien għajjien mill-purċissjoni ried jeħles).
Għal danakollu kif spiċċat il-benedizjoni daħlu ħafna nies jgħajtu ma’ Dun Nicola Aquilina. “Proset għaliex ħassartilna festa”. Wara din il-frattarija Dun Nicol skuża ruħu u n-nies ħarġet ‘il barra. Madanakollu l-festa spiċċat b’wiċċ il-ġid.
Ġara iżda li Dun Nicol xaba’ jamministra fil-pajjiż speċjalment fuq din l-okkażjoni għaliex fehem li ma tantx kien miġjub mill-maġġoranza tal-popolazzjoni għalhekk l-għada filgħodu 12 ta’ Ġunju mar għand Mons. Portelli u d-deċiżjoni kienet li għandu jitlaq, għalhekk filgħaxija ġarr ħwejġu u telaq. Ġara għalhekk li fil-pajjiż ma kien hemm l-ebda qassis u għalhekk it-Tlieta u l-Erbgħa ma sarx quddies. L-Awtorità tal-knisja flok fittxet li tibgħat qassis biex jamministra bagħtet deċiżjoni li tagħlaq il-knisja u l-knisja ġiet magħluqa. Kien jitqaddes biss il-quddies ta’ nhar ta’ Ħadd. Żewġ pulizija ġew mibgħutin għassa mal-knisja bil-lejla u bi nhar. In-nies tal-pajjiż stess, speċjalment xi nisa tal-partit l-ieħor ħallew ilsienhom u bdew iqassqsu u jigdbu kemm jifilħu. Tista’ taħseb ilsien ta’ mara fejn għandu il-ħila jasal, tant, li l-pulizija għal dak id-diskors kella tieħu passi. Għajdut kbir xtered ma’ Malta kollha, gideb immens, b’mod li ma kontx tgħid li int mill-Gudja. Wara xi erbat ijiem ħarġu
Il-Wasla tal-Madonna tar-Rużarju fil-Pjazza Il-Gudja 4 ta' Ġunju 1922 Soċjetà Filarmonika La Stella Gudja - Festa Madonna tar-Rużarju 2022 76


iċ-ċitazzjonijiet u ġew mħarrkin 23 wieħed u kienu dawn;
1) Giuseppi Dalli (ix-Xaban) bħala kap di storbju 2) Vincenza Grixti (ta’ Pejja) 3) Galdies Gio Maria (tax-Xaban) 4) Abdilla Gio maria (ta’ Bexxaq, il-Prokuratur) 5) Zammit Carmelo (il-Qondos, kaxxier tal-każin) 6) Baldacchino Benigno (il-Qejqi) 7) Dalli Angelo (id-Dudu) 8) Spiteri Giuseppe (ta’ Rużar tad-Daqqaq) 9) Spiteri Giovanni (ta’ Rużar tad-Daqqaq) 10) Gatt Carmelo (l-Għawdxi) 11) Gatt Salvu (l-Għawdxi) 12) Gatt Gio Maria (ta’ Salvu l-Għawdxi) 13) Gatt Lorenzo (ta’ Salvu l-Għawdxi) 14) Gatt Giuseppe (ta’ Francesco l-Għawdxi) 15) Gatt Carmelo (ta’ Francesco l-Għawdxi) 16) Dalli Angelo (it-Tari) 17) Dalli Giovanni (in-Noqq) 18) Dalli Carmelo (in-Noqq) 19) Baldacchino Giuseppe (iż-Żibri) 20) Barbara Giovanni (tal-Patrija) 21) Zammit Pietro (il-Kozzu) 22) Zammit Michele (taz-Zopp) 23) Galea Agostino
Dawn kienu n-nies imħarrka, bosta minnhom kienu bla ħtija. Il-kawża kienet fit-23 ta’ Ġunju il-Belt, b’din ix-xhieda beda Dun Nicola. Dam jixhed siegħa u nofs bl-arloġġ u l-maġistrat ma seta’ jgħaqqad b’ebda pont anzi ġibed it-tort għalih. L-istess ħaġa x-xhieda l-oħra. Ma xhedu xejn ħlief li semgħu l-frattarija u li qalulu mur saqqi l-ħass. Tlajna għall-kawża darbtejn iżda ma nqatgħetx
Diġà kienet ilha xahar kważi l-knisja magħluqa u l-ebda bniedem ma nqala’ sabiex jirranġa din il-kwistjoni. Kien id-9 tax-xahar ta’ Lulju u Dun Pawl l-Arċipriet tal-Mosta u Dun Piet Farrugia sagristan maġġur f’San Pawl tal-Belt (it-tnejn mill-Gudja) ġew
ir-raħal fejn fl-4 ta’ waranofsinhar il-knisja għamlu bħal diskors twil fejn spjegaw iddisgrazzja li fiha konna ninsabu u r-riżultat kien li saret petizzjoni fejn fiha ġiet mitluba skuża lill-Awtorità tal-Knisja għal dak kollu li sar u sabiex Mons. Isqof jirrimedja għal dak il-gwaj tal-knisja u jibgħat saċerdot sabiex jamministra.
Saret il-petizzjoni bil-firem tan-nies li kien hemm presenti u kienet ippreżentata quddiem l-Isqof mill-prokuraturi u r-retturi tal-tliet fratellanzi flimkien ma’ Dun Pawl l-Arċipriet tal-Mosta. Mons. Isqof Caruana wera li ħa gost ħafna għat-talba tal-maħfra u ddeċieda li l-Ġimgħa 14 tax-xahar persunaġġ jiftaħ il-knisja. Tahom ilbenedizzjoni u kulħadd mar pajjiżu.
Kien nhar il-Ġimgħa meta għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar il-qniepel talknisja kienu jinstemgħu jidwu ma’ kullimkien u l-ħoss tagħhom kien jinstama’ xi ħaġa isbaħ mis-soltu. Proċessjoni solenni mmarċjat mill-parroċċa għall-Annunzjata u minn hemm Mons. De Piro (Mons. Il-Katedral tal-Imdina) ħareġ proċessjonalment bis-Sinjur għall-Parroċċa. It-toroq mnejn kella tgħaddi l-purċissjoni kienu mimlija bi kwantità ta’ fjuri mxerrda fl-art u qsari ta’ kull għamla mal-ħitan. Kif is-Sinjur tbiegħed fuq l-artal tkanta t-Te Deum. Kif spiċċa t-Te Deum, l-Arċipriet tal-Mosta għamel diskors ta’ mħabba versu r-ragħaj tal-parroċċa u versu xulxin b’mod li bikka l-kulħadd. Wara sar it-Tantum Ergo, saret benedizzjoni u l-festa ġiet kompluta sollennament.
Issa ġara li billi l-maġsitrat tal-Qorti ma seta’ jgħaqqad ebda pont fuq xiex imexxi l-kawża saret deċiżjoni li tiġi stallata. Fit-18 ta’ Lujlu kellna nitilgħu għall-kawża, iżda ġiet risposta li t-Tnejn 17 ta’ Lulju fis-sitta ta’ waranofsinhar niltaqgħu l-għassa talpajjiż. Fis-sitta u kwart ġie l-kummissarju tal-pulizija flimkien ma’ Mons. De Piro fejn qalilna li għat-talba ta’ Mons. Isqof il-kawża ġiet mgħoddija nulla b’mod li qisu qatt ma kien xejn. Aħna filwaqt li tlabna skuża rringrazzjajnieh u ħriġna u hekk kulħadd ġie fil-paċi.
Viva Maria S.S. tar-Rużarju li bil-qawwa tagħha ġejna mhux biss aħna meħlusin mill-qilla tal-għedewwa, iżda bil-qawwa tagħha rebħet ukoll il-qlub kollha għaliex tfiet l-odju li kien jeżisiti u nisslet paċi u mħabba fil-qlub ta’ kulħadd. Viva r-Reġina tal-Paċi u r-Reġina tar-Rużarju Mqaddes.
Gio Maria Abdilla – Prokuratur tal-Fratellanza tas-S.Smu Rużarju – Gudja.


