MISSIOTFAL GĦAWDEX Dun Renato Borg
AĦBAR SABIĦA: KRISTU MIET U RXOXTA Għeżież Tfal, Forsi kif tħarsu lejn it‑titlu ta’ dan l‑artiklu tistaqsuni: “Għaliex aħbar ta’ ferħ? Ma tafx f’liema żmien qegħdin ngħixu? Żmien ta’ pandemija, żmien ta’ gwerra, żmien li fih ħafna tfal m’għandhomx x’jieklu, m’għandhomx ħwejjeġ u anqas għandhom skejjel biex jitgħallmu? Imbagħad tgħid li hi aħbar ta’ ferħ u tibda bil‑mewt ta’ Kristu?” Iva tfal, din l‑ikbar aħbar ta’ ferħ li qatt tista’ titwassal lil kull bniedem li jgħix fuq din l‑art; li Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem, miet għalina u rxoxta wara tlett ijiem. Dan għamlu biex jagħmilna lkoll ulied t’Alla l‑Missier, jagħmilna wlied fl‑Iben il‑waħdieni. Din hija l‑aħbar ta’ ferħ – Bxara Tajba – Vanġelu, li l‑missjunarji mad‑dinja kollha jwasslu lil dawk il‑bnedmin kollha li magħhom jiltaqgħu. Din hija aħbar hekk kbira u sabiħa li Ġesù Kristu ried li d‑dixxipli tiegħu jmorru mad‑dinja kollha jxerrdu u jwasslu. Din l‑aħbar, jekk aħna tassew nemmnuha, iddawwal lill‑ħajjitna anke fl‑iktar irkejjen mudlama li nkunu fihom. Din hija aħbar li tagħti kuluri sbieħ lill‑esperjenzi li aħna nġarrbu ta’ kuljum. Aħbar bħal din tagħti togħma ħelwa anke lill‑morr li nduqu f’ħajjitna. 6
Din l‑aħbar insejħulha ‘It‑Tħabbira tal‑Misteru tal‑Għid’. Għid ma jfissirx biss qawmien, iżda il‑misteru sħiħ tal‑Għid ifisser il‑passjoni, il‑mewt u l‑qawmien ta’ Ġesù Kristu. Huwa veru li biex Ġesù wasal għall‑qawmien glorjuż ħtieġlu jgħaddi mill‑passjoni u l‑mewt tal‑Ġimgħa l‑Kbira, u għalhekk minn dan nitgħallmu li ma nistgħux naslu għall‑ferħ jekk l‑ewwel ma nkunux lesti li nbatu. Iżda fuq kollox il‑Misteru tal‑Għid jurina wkoll li m’hemmx Ġimgħa Kbira, tbatija li ma twassalx għall‑qawmien; għar‑rebħa. Għalhekk, għeżież tfal ma naqtgħux qalbna fid‑diffikultajiet u fit‑tbatija, fil‑mard u fl‑inkwiet tal‑ħajja, għaliex dan kollu, inklużha l‑mewt, mhix l‑aħħar kelma. WARA HEMM IR‑REBĦA TAL‑QAWMIEN.
- it‑Tajjeb! L‑Ghid