
1 minute read
Messaġġ mill-Kaxxier
Messaġġ mis-Segretarju
Anniversarju Dokumentat
Advertisement
Clayton Zammit
Kemm tapprezza meta f’anniversarju l-istorja tkun dokumentata iswed fuq l-abjad. Grazzi għal missirijietna, li ħasbu biex l-istorja tal-vara tagħna tkun kollha dokumentata, illum nistgħu niċċelebraw dan l-anniversarju fiż-żgur. Imma l-għaqal ta’ missirijietna kien aktar minn hekk. L-istorja tgħidlna li meta nħasset il-ħtieġa li ssir l-istatwa, it-talba kienet għal statwa oriġinali u mhux prodott tal-massa. Jew tirnexxi jew xejn; l-aqwa u l-isbaħ. Intgħażel ukoll artist Gudjan li ħadem ukoll fuq il-faċċata tal-knisja arċipetali tal-Gudja. Mill-Gudja għal Gudjani. Dan kollu dokumentat.
Mitt sena wara huwa ta’ unur għalina li ser ikollna l-opportunità li niċċelebraw flimkien dan l-avveniment iktar u iktar la sa nkunu nistgħu niċċelebraw b’mod sħiħ wara sentejn ta' assenza minħabba l-pandemija. Min basar li wara l-festa tal-2019 (għeluq il-mitt sena tas-Soċjetà) kellha tkun din il-festa li fiha ser nerġgħu niċċelebraw? Mat-tokki tal-arloġġ tas-sena 2022 il-pjanijiet tagħna bdew jiġu attwati. Bdejna blewwel orotorju fl-istorja tal-Gudja fil-knisja arċipetali tar-raħalna. L-għada, it-toroq sbieħ tal-Gudja laqgħu l-vara tal-Madonna tar-Rużarju, akkumpanjata mill-banda, armar u nar. Xi privileġġ li kellha tkun il-Madonna tar-Rużarju li ssellem lill-poplu Gudjan wara l-mewġa kerha tal-pandemija.
Ikolli nistqarr li l-piż ta din il-festa jinħass kemmxejn aktar minn dak ta’ festi preċedenti minħabba l-obbligu li nonoraw dak li għamlu ta’ qabilna. Madanakollu konxju li b’dak li se nagħmlu se nkomplu niktbu l-istorja b'ittri tad-deheb. Ninsabu determinati li niċċelebraw din il-festa bl-aqwa mod possibbli. Se nibdew bil-kbir nhar is-Sibt 24 ta' Settembru 2022 meta ser ninawguraw il-monument li se jfakkar il-mitt sena mill-miġja tal-vara tal-Madonna tar-Rużarju fil-Gudja. Monument li, minkejja l-kontroversja, se jkun simbolu ta’ għaqda. Monument fejn rebħu s-sens komun u s-sewwa tant li l-Gudja ser tissebbaħ bi xbieha mill-isbaħ tal-Madonna tar-Rużarju fid-daħla tar-raħal. B’hekk se nkunu ferraħna lil kulħadd.
Issa li ninsabu ftit ‘il bogħod miċ-ċelebrazzjonijiet, ma nistax ma ndurx fuqkom is-soci u partitarji sabiex nirringrazzjakom tal-appoġġ u l-għajnuna li tagħtuna. Nemmen li mingħajr ħafna kliem fieragħ qed naslu fejn nixtiequ. Fl-opinjoni tiegħi l-festa ta’ Santa Marija tat stampa ċara ta' dan u nemmen li din il-festa ser tkompli ttina spinta ‘il fuq fit-triq li qbadna. Nagħlaq dan il-messaġġ billi nawgura festa millaqwa lill-Gudjani kollha u nħeġġiġkom sabiex flimkien nieħdu gost u niċċelebraw din il-festa storika.
