
1 minute read
Kumitat Eżekuttiv
Editorjal
Festa Speċjali
Advertisement
Il-festa tal-Madonna tar-Rużarju kienet u tibqa’ f’qalb il-Gudjani għal bosta raġunijiet. Iktar u iktar din is-sena li fiha qed niċċelebraw il-100 sena mill-wasla talvara proċessjonali tal-Madonna tar-Rużarju fil-Gudja.
Wara li erġajna bdejna niċċelebraw kif jixraq lil Ommna Marija fil-festa ta’ Santa Marija, issa li wasal ix-xahar t’Ottubru, ma jonqosx li nieħdu pjaċir ukoll niċċelebraw lil Ommna Marija taħt it-titlu tar-Rużarju Mqaddes. Kif tistgħu tapprezzaw, anke minn din il-pubblikazzjoni, din is-sena ser jerġa’ jkollna programm varjat ta’ attivitajiet biex infakkru dan l-avveniment storiku. Kif jgħid il-Malti xejn ma jsir b’xejn u wara kull attività jew proġett li jsir hemm ħafna siegħat ta’ xogħol minn nies volontarji. Xi jfisser volontarju? Forsi l-ewwel ħaġa li wieħed tiġih ġo rasu huwa xogħol bla ħlas. Veru, imma mhux biss. Xogħol volontarju jfisser ukoll ħafna flessibilità, responsabbiltà, sagrifiċċju, nies li joħorġu barra minn triqthom, nies li jaħdmu fuq proġetti minkejja li mhumiex akkademikament kwalifikati u mħarrġa f’oqsma partikolari (anke jekk kulħadd sfortunatament jippretendi riżultati professjonali).
Iżda probabbli dak hu s-sabiħ tal-festi. Li minkejja kollox, l-imħabba lejn il-Madonna jew lejn il-qaddis twassal sabiex uħud jagħmlu dak li oħrajn anqas jirnexxielhom jagħmlu għall-flus. Dak li oħrajn, fid-dinja tal-lum, anqas biss joħolmu li jibdew aħseb u ara li jwettqu. Għaldaqstant m’hemmx kelma isbaħ minn sempliċiment grazzi kbira lil kull min jgħin sabiex din il-festa tkun possibbli; min ftit u min ħafna, min b’mod u min b’ieħor. Il-kontribut tagħkom jagħmel il-festa possibbli.
L-appell tagħna jibqa’ sabiex taħsbu f’dawk kollha li jgħinuna niffinanzjaw din ilpubblikazzjoni u niġġeneraw xi ħaġa żgħira tal-qliegħ biex intaffu l-ispejjeż b’rabta mal-organizzazzjoni tal-festi. L-ispejjeż huma kbar u sfortunatament id-dħul qatt mhu biżżejjed. Għaldaqstant inħeġġukom ukoll tavviċinaw il-membri tal-kumitat għall-kwalunkwe informazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ fundraising li se jiġu organizzati bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din is-sena kif ukoll jekk tixtiequ tikkontribwixxu finanzjarjament. Kull għajnuna hija ferma apprezzata.
