
2 minute read
Messaġġ mis-Surmast Direttur

Messaġġ mis-Surmast Direttur
Advertisement
Grazzi Mill-Qalb
Mro Michael Pulis BMus, A(Mus)LCM, ALCM, Cert (Conducting)
Għeżież membri u partitarji tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, Gudjani, inħossni ferm kuntent li wara sentejn li ma għamilniex iċ-ċelebrazzjonijiet kif konna mdorrijin nagħmlu, issa din is-sena ser inkomplu nagħmlu festa kbira ad unur il-Madonna tarRużarju.
Żgur li ma kinux sentejn faċli. Min-naħa tal-qasam mużikali tas-Soċjetà tagħna, nista’ ngħid illi b’xi mod jew ieħor baqa’ jinżamm kuntatt mal-aljevi fejn jidħol tagħlim u ta’ dan nixtieq minn qalbi nirringrazzja lill-għalliema s-Sur Glen Grioli u lis-Sur Jeremy Sultana tad-dedikazzjoni tagħhom sabiex it-tagħlim baqa’ għaddej anke virtwalment. Dawn is-sentejn servew ukoll sabiex il-Kummissjoni Banda ħadmet qatigħ sabiex il-Banda tagħna tibqa’ tagħti s-servizz tagħha u tibqa’ żżomm isimha ‘l fuq kif jixirqilha. Ta’ min isemmi l-ħidma bla heda ta’ din il-kummissjoni sabiex inkunu lesti għal din is-sena importanti ħafna għas-Soċjetà li fiha qiegħdin infakkru l-mitt sena minn meta l-istatwa artistika tal-Madonna tar-Rużarju waslet għall-ewwel darba firraħal tal-Gudja.
Dawn il-festi laħqu l-qofol tagħhom meta nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju 2022 tellajna l-Oratorju Madonna tar-Rużarju ġewwa l-knisja Arċipretali tal-Gudja; dan kien suċċess minn kull lat. Dan ma kienx ikun possibli mingħajr il-koperazzjoni talmużiċisti u kantanti li attendew bi ħġarhom għall-provi. Grazzi speċjali tmur lillbandisti tal-post li dejjem sibthom warajja. Inħossni ferm kburi u rikonoxxenti lejn is-Soċjetà La Stella li ġejt fdat b’dan il-proġett importanti sabiex nikkomponi l-mużika ta’ dan l-Oratorju fuq il-kliem mirqum ta’ Chev. Carmel Bianchi, li minn hawnhekk nirringrazzjah u nifraħlu tal-lirika li għoġbu jirregala lis-Soċjetà. Irrid ngħid li biex inkiteb dan l-Oratorju, il-proċess ma kienx qasir u li sar fuq medda ta’ xhur, speċjalment meta tqis li l-mużika hija kollha oriġinali. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-President u l-Kumitat tas-sapport li sibt fil-perjodu li kont qed nikkomponi din il-
mużika li hija wisq għal qalbi. B’mod specjali rrid nirringrazzja lis-Sur Glen Grioli tal-ħin twil u l-paċenzja li ħa bija sabiex l-mużika tiegħi tiġi kkupjata b’mod diġitali. Nixtieq nirringrazzja wkoll lis-Sinjura Grioli ta’ kemm ħadet paċenzja miegħi u ta’ kemm-il darba laqagħtni ġewwa d-dar tal-familja Grioli, sabiex isir xogħol siewi ta’ koordinazzjoni. Grazzi mill-qalb.
Ma waqafniex hemm, u wara l-kunċert fil-Knisja bdejna inħejju għall-kunċert ta’ lejliet il-festa ta’ Santa Marija. Wara bdejna naħsbu fil-kuncert ferm importanti li l-Banda La Stella ttella’ għall-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju, liema kunċert ser isir nhar il-Ħamis 29 ta’ Settembru. Bħal dejjem il-kunċert tal-festa jkun wieħed impenjattiv u varjat. Jien, flimkien mal-Kummissjoni Banda rajna u għażilna mużika li żgur ser tpaxxi lil dawk kollha li ser jattendu għal dan il-kunċert. Nistedinkom sabiex tattendu għal dan il-kunċert. Minn hawn nixtieq nirringrazzja l-ewwel nett lill-Kumitat u lill-Kummissjoni Banda, lil Bandisti tal-post li attendew għall-provi kif ukoll lill-Bandisti barranin.
Nagħlaq dan l-artiklu billi nirringrazzja u nawgura lil President u Kumitat tal-Banda La Stella, l-għalliema, lis-Sur Glen Grioli li minn hawnhekk nifraħlu għal kisba taddiploma mużikali A(Mus)LCM u lis-Sur Jeremy Sultana li nifraħlu bħala għalliem ġdid tal-qażba tal-banda taghna, lill-Kummissjoni Banda u lill-bandisti tal-post li dejjem sibthom warajja f’kull inizzjattiva. Nawgura wkoll minn qalbi l-festa t-tajba lill-Gudjani kollha.
