
1 minute read
Poplu tal‑ G ħid
Bħalma d‑dinja ddur madwar ix‑xemx u tieħu l‑enerġija kollha minnha, hekk il‑ħajja Nisranija kollha ddur madwar il‑Festa tal‑Għid il‑Kbir. Din il‑festa hija ċ‑ċentru u l‑qofol tas‑Sena Liturġika. Il‑festi kollha tal‑Madonna u l‑qaddisin li niċċelebraw matul din is‑sena, irridu narawhom u nifhmuhom fid‑dawl ta’ din il‑festa ewlenija. Il‑festa tat‑twelid ta’ Ġesù Bambin, bla dubju ta’ xejn, hija wkoll festa kbira u importanti. Imma rridu nifhmu li Ġesù sar bniedem u għammar fostna (Ġw 1:14), sabiex ikun jista’ jmut għalina fuq is‑salib.
Ġesù, tul ħajtu kollha fuq din l‑art, dejjem kellu quddiemu u f’qalbu din ‘is‑siegħa’. Meta din waslet, radd ħajr lill‑Missier, filwaqt li talbu: “Waslet is‑siegħa li fiha Bin il‑Bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il‑ħabba tal‑qamħ ma taqax fl‑art u tmut, hija tibqa’ weħidha, imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.” (Ġw 12:24)

Il‑glorifikazzjoni ta’ Ġesù ma seħħitx meta qajjem lill‑mejtin, lanqas meta bi ftit ħobż u ħut tema’ eluf kbar ta’ nies u lanqas meta ta d‑dawl lill‑għomja, iżda meta minn rajh laqa’ s‑salib. Huwa diffiċli għalina lkoll biex nifhmu dan sewwa. Infatti, meta Ġesù wera lid‑dixxipli l‑veru għan li għalih kienu telgħin Ġerusalemm, jiġifieri li hemm kellu: “jsofri ħafna mix‑xjuħ, il‑qassisin il‑kbar u l‑kittieba, joqtluh u fit‑tielet jum iqum, Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: ‘Allaħares, Mulej, ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik.” (Mt 17:21‑20) Ġesù kien jaf minn liema tbatija kien se jgħaddi, tant li l‑Evanġelista San Luqa jgħidilna, li waqt li kien fl‑Ort tal‑Ġetsemani jitlob, għereq l‑g ħaraq tad‑demm huwa u jlissen: “Missier, jekk int trid, warrab minni dan il‑kalċi! Iżda tkun magħmula r‑rieda tiegħek u mhux tiegħi.” (Lq 22:41)
Dan kien il‑pjan t’Alla li jsalva lid‑dinja, mhux biss permezz tal‑mewt ta’ Ibnu l‑Waħdieni, iżda wkoll permezz tal‑qawmien tiegħu għall‑ħajja. ‘Qam tassew’. Din kienet il‑fidi sħiħa fil‑konvinzjoni assoluta tal‑appostli u tal‑ewwel Insara. L‑ewwel dmir tal‑appostli kien li bil‑kuraġġ kollu jagħtu xhieda quddiem kulħadd li Ġesù ta’ Nażaret, li miet tassew u kien midfun, qam tassew mill‑mewt.
(Att 1:22, 10:41)
Il‑qawmien ta’ Ġesù mill‑mewt huwa wkoll il‑kawża tal‑qawmien tagħna mill‑imwiet, għaliex permezz tal‑qawmien mill‑mewt, Ġesù tana l‑garanzija tal‑qawmien tagħna wkoll. (Rum 8:11) Permezz tas‑Sagrament tal‑Magħmudija, aħna lkoll għaddejna mill‑mewt għall‑ħajja, billi ndfinna miegħu fl‑ilma tal‑Magħmudija u qomna biex ngħixu ħajja ġdida fih. San Pawl tant daħal f’dan il‑misteru, li seta’ jgħid: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu. Il‑ħajja li issa ngħix fil‑ġisem qiegħed ngħixha bil‑fidi fl‑Iben t’Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” (Gal 2:20) Ġesù aċċetta s‑salib u qam mill‑mewt fit‑tielet jum biex jibdel “il‑ġisem imsejken tagħna fis‑sura tal‑ġisem glorjuż tiegħu.” (Fil 3:21) Jalla lkoll nippruvaw ngħixu din il‑festa matul is‑sena kollha, ħalli nagħtu xhieda lid‑dinja li aħna tassew ‘Poplu tal‑Għid’.


L‑Għid it‑Tajjeb lilkom u lill‑familji kollha