
14 minute read
Il-Kult ta' San Ġużepp f'Għawdex
BANDA SAN GIRGOR Leħen ilIl-Kult ta’ San Ġużepp f’Għawdex
Storja ta’ iktar minn 400 sena
Advertisement
Mons. Karm Borg
Il-qima lejn San Ġużepp fi l-Knisja Kattolika mhix qadima daqskemm forsi wieħed jissupponi. Aktarx li ma bdietx qabel is-seklu tmienja. Il-bidu kien f’xi knisja in-naħa ta’ fuq ta’ Franza jew inkella fi l-Belġju. Tul diversi sekli li ġew wara, din id-devozzjoni xterdet bil-mod. Bil-mod ħafna. Iżda mbagħad infi rxet sew meta kienet ġiet introdotta f’Ruma madwar is-sena 1479 mill-Papa Sistu IV. Fost dawk li xerrdu din id-devozzjoni f’dawn iż-żminijiet, insemmu lil San Bernardinu ta’ Siena (1380-1444) u lil Santa Tereża ta’ Avila (1515-1582). Wara li daħlet f’Ruma fl -1479, iddevozzjoni lejn il-Patrijarka San Ġużepp xegħlet u xterdet f’daqqa f’mhux inqas minn 70 belt Ewropeja, sa żmien ilKonċilju ta’ Trento li nżamm bejn l-1545 u l-1563.
Meta fi Frar 1575, il-Viżitatur Appostoliku Monsinjur Pietro Duzina għamel il-Viżta Appostolika tiegħu f’Għawdex ma sab l-ebda knisja jew kappella ddedikata lil San Ġużepp f’din il-gżira. Ma għaddiex wisq żmien, tnax-il sena biss wara, fl 1587, għamel il-Viżta Pastorali tiegħu








f’Għawdex l-Isqof Tumas Gargallo u hawn tissemma l-knisja ta’ San Ġużepp ta’ Għerduf f’Ta’ Kerċem.
L-Ewwel Knisja ta’ San Ġużepp f’Għawdex kienet f’Ta’ Kerċem
Din kienet l-ewwel knisja ta’ San Ġużepp li nafu biha f’Għawdex. Żgur li kienet wieħed miċ-ċentri ewlenin ta’ qima lejn dan ilQaddis fi l-gżejjer Maltin. Din il-kappella tas-seklu sittax terġa’ tissemma fi l-Viżti Pastorali tal-1592, tal1608, u oħrajn li saru wara. Dik il-ħabta, fi l-Knisja Kattolika, u b’mod partikulari fi l-pajjiżi tal-Ewropa, kienet qiegħda tiffjorixxi d-devozzjoni lejn San Ġużepp. U l-Isqof ta’ Malta Mons. Baldassare Cagliares, li kien ukoll l-Isqof ta’ Għawdex, ma baqax lura li jkabbar din id-devozzjoni f’dawn il-gżejjer ukoll. Kien hu li fi s-sena 1620 iddikjara l-festa ta’ San Ġużepp bħala “festa kkmandata”. Fis-sena 1621 imbagħad, il-Papa Gregorju XV għamilha festa tal-obbligu għallKnisja Kattolika kollha. Ma setax jonqos allura li din l-unika knisja ddedikata lil San Ġużepp f’din il-gżira ma jkollhiex ċerta devozzjoni. Fatt li jikkonferma dan li qed ngħid hu, li kull nhar ta’ Ħamis f’San Ġużepp ta’ Għerduf kienet titqaddes quddiesa li kienet imħollija b’legat minn ċertu Salvu Baglio fi t-testment tiegħu magħmul għand in-Nutar Tumas Gauci. Jidher però li l-kappella ta’ San Ġużepp ma kellhiex għomorha twil ħafna. Jew minħabba l-faqar li kien jaħkem lil pajjiżna f’dawk iż-żminijiet, jew minħabba l-ħbit u s-serq mill-furbani tal-baħar, jew minħabba xi ħaġa oħra, lejn nofs is-seklu sbatax, ħafna millkappelli mxerrda mal-kampanja Għawdxija kienu jinsabu fi stat ħażin ħafna. Tant hu hekk li, fi s-sena 1657, l-Isqof Mikiel Balaguer kien ipprofana u għalaq għall-pubbliku, għadd ġmielu minnhom. Fost dawk li messithom din ix-xorti ħażina kien hemm ukoll ilKappella ta’ San Ġużepp li kien hemm fl -inħawi Ta’ Kerċem. Nafu li wara li ġiet ipprofanata, l-artal u l-kwadru titulari ta’ din l-ewwel knisja ta’ San Ġużepp tpoġġew fi l-Kappella ta’ San Girgor il-Kbir, li kienet tinsab tefa’ ta’gebla boghod minnha. Tifkira ta’ din ilkappella ta’ San Ġużepp li kien hemm f’Ta’ Kerċem bejn is-sekli sittax u sbatax hija l-istatwa ta’ dan ilQaddis li sal-lum għadha hemm qabel tilħaq il-Bieb tal-Lunzjata ftit metri bogħod minn Għar Għerduf.
Statwa ta' San Ġużepp li tinsab f'Wied il-Lunzjata

Devozzjoni Trasferita għall-Knisja l-Qadima ta’ San Girgor
Ma jfi ssirx li meta ġiet magħluqa l-knisja ta’ San Ġużepp fl -inhawi ta’ Għerduf spiċċat id-devozzjoni lejn San Ġużepp f’Għawdex. Anzi nazzarda ngħid li minn dakinhar il-quddiem id-devozzjoni lejn il-kbir Patrijarka aktarx kompliet tinfi rex fost għadd akbar ta’ Għawdxin li kienu jiffrekwentaw il-knisja ta’ San Girgor. Ma ninsewx li l-knisja ta’ San Girgor fejn tpoġġa l-artal u l-kwadru ta’ San Ġużepp, f’dawk iżżminijiet kienet magħrufa sew mill-kotra tal-Għawdxin minħabba l-purċissjoni votiva li ta’ kull sena fi t-12 ta’ Marzu kienet toħroġ mill-Knisja Matriċi u li kienet tmur f’din il-knisja fejn l-Għawdxin minn kull rokna tal-gżira kienu jinġabru bi ħġarhom biex iroddu ħajr lil Alla għall-grazzi li, matul is-sekli, kienu qalgħu minn għandu bl-interċessjoni ta’ San Girgor il-Kbir Papa. Wara li ngħalqet ilKnisja ta’ San Girgor ta’ Għerduf lejn nofs is-seklu dsatax, fi lknisja l-ġdida ta’ Kerċem iddedikata wkoll lil San Girgor, li kienet lesta fl 1851, sabet posta wkoll id-devozzjoni lejn San Ġużepp li sadanittant kienet diġà mifruxa sew fost l-Għawdxin. L-ewwel evidenza tad-devozzjoni lejn San Ġużepp fi lknisja l-ġdida ta’ San Girgor (saret parroċċa fl -1885), huwa bla dubju ta’ xejn il-kwadru li juri l-Ħarba talFamilja Mqaddsa lejn l-Eġittu (magħruf bħala ta’ San Ġużepp), li kien irregalat mis-saċerdot Malti Dun Franġisk Caruana Dingli. Dan il-kwadru li llum jinsab fi s-sagristija tal-Knisja Parrokkjali Ta’ Kerċem, hemm min jgħid li oriġinarjament kien fi l-Knisja ta’ San Girgor il-qadima.
Kwadru li juri l-Ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu

Il-Qima lejn San Ġużepp terġa’ tieħu spinta fi żmien il-Papa Piju IX
Kien fi s-sena 1870, proprju 150 sena ilu, li d-devozzjoni lejn San Ġużepp ħadet spinta ’l quddiem, meta l-Papa Piju IX mar jiddikjara lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. Proprju ftit snin wara, fi s-sena 1879, wieħed mill-artali tat-tempju l-ġdid

L-artal ta' San Ġużepp fi l-Knisja Parrokkjali Ta' Kerċem ta’ San Girgor fi l-parroċċa Ta’ Kerċem ġie ddedikat lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali bilkwadru mpitter mill-Kapuċċin Giovanni Battista millFurjana. Fis-sena 1921, dan il-kwadru kien inbidel ma' ieħor xogħol tal-pittur R. Caruana Dingli. Fl-1894 fi l-Parroċċa Ta’ Kerċem twaqqfet ukoll ix-“Xirka ta’ San Ġużepp Missier Putattiv ta’ Ġesù, Għarus tal-B. V. Marija u Patrun tal-Knisja Universali”. F’din ilkongregazzjoni kienu msieħba mhux biss mijiet ta’ lajċi imma wkoll għadd ta’ saċerdoti, kjeriċi u sorijiet minn diversi parroċċi ta’ Għawdex. Dan b’xi mod juri li għalkemm il-knisja ta’ San Ġużepp ta’ Għerduf kienet ġiet ipprofanata, għal ħafna snin wara, irraħal ċkejken Ta’ Kerċem fejn oriġina l-kult Ġużeppin f’Għawdex, baqa’ jiġbed lejh għadd sabih ta’ devoti ta’ San Ġużepp minn diversi nħawi tal-gżira. Meta fi s-sena 1925 saret l-istatwa ta’ San Ġużepp, f’Ta’ Kerċem bdiet issir ukoll il-purċissjoni b’din l-istatwa, u għaliha kienu jattendu għadd kbir ta’ msieħba fi xXirka ta’ San Ġużepp. Meta fi s-sena 1935 kien sar il-Konċilju Reġjonali ta’ Malta, fost devozzjonijiet oħra lejn il-qaddisin, kien ħeġġeġ id-devozzjoni lejn il-Patrijarka San Ġużepp. Kien ordna li qabel il-festa ta’ San Ġużepp tad-19 ta’ Marzu, fi l-knejjes parrokkjali jsir Tridu f’ġieħ ilQaddis. Dan it-Tridu fi l-parroċċa ta’ Kerċem baqa’ jsir sas-sena 1964.
Id-devozzjoni Ġużeppina, bl-ewwel xrara tagħha fi lgżira ta’ Għawdex tkun fi l-kappella ta’ San Ġużepp li kien hemm f’Ta’ Kerċem, ma ntfi et qatt; anzi, mażżmien, kibret bil-bosta fost l-Għawdxin tal-bieraħ u tal-lum. Sinjali elokwenti tal-kult Ġużeppin - knejjes, artali, inkwatri, fratellanzi, statwi u niċeċ - illum issibhom fi l-parroċċi, f’bosta knejjes kbar u żgħar, f’kunventi u monasteri, u saħansitra f’diversi toroq f’Għawdex li, xi wħud minnhom, huma msemmija wkoll għal San Ġużepp.
Fiċ-Ċittadella
Wara dik ta’ ħdejn Għar Għerduf f’Ta’ Kerċem, it-tieni knisja li ġiet iddedikata lil San Ġużepp f’Għawdex hija dik li nsibu fi l-Belt il-Qadima, illum nafuha iktar bħala ċ-Cittadella. Fl-istess post fejn darba kien hemm ilknisja ta’ San Nikola ta’ Bari, madwar is-sena 1625, l-Isqof Baldassare Cagliares kien bena knisja li huwa ddedika lil San Ġużepp, illum magħrufa bħala “San Ġużepp il-Qadim” jew “San Ġużepp ta’ fuq s-Sur”. Ittitular ta’ din il-knisja juri l-ħarba lejn l-Eġittu u huwa kopja tal-oriġinal li llum jinsab fi l-Mużew tal-Katidral. Ftit passi bogħod minn din il-knisja hemm il-Katidral. Hawn ukoll il-Patrijarka San Ġużepp huwa meqjum f’waħda mill-kappelli li jżejnu din il-knisja ewlenija tal-gżira. Sabiħ huwa l-kwadru tal-Ħarba lejn l-Eġittu li hemm fuq l-artal. Huwa kopja tal-oriġinal ta’ Alessandro Turchi (1578-1649), xogħol ta’ Michele Busuttil (1792), li pitter ukoll it-titular tal-Assunta (1791) fl -istess Knisja Katidrali. Hawn fi l-Katidral insibu wkoll statwa ta’ San Ġużepp maħduma fl injam li saret fi s-sena 1958.

San Ġużepp fil-Knejjes tar-Rabat
Fil-qalba tal-Belt Victoria imbagħad, sa madwar sittin sena ilu kien hemm knisja oħra ddedikata lil San Ġużepp. Konna nafuha bħala “San Ġużepp tas-Suq”. Din kienet inbniet fl-aħħar nofs tas-seklu tmintax flistess post fejn qabel nafu li kien hemm żewġ knejjes oħra : waħda tal-Madonna tas-Sokkors u l-oħra tal-Madonna “dell’ Idria”. Dawn iż-żewġ kappelli kienu ipprofanati mill-Isqof Mikiel Balaguer fl-1657. Il-kwadru titulari ta’ din il-knisja ta’ San Ġużepp, xogħol tal-artist ĠanNikol Buhagiar jirrappreżenta lill-Madonna tad-Dawl u lill-Patrijarka San Ġużepp. Il-knisja ta’ San Ġużepp tas-Suq kienet twaqqgħet flimkien ma’ bini ieħor biex tkabbret il-pjazza quddiem il-Bażilika ta’ San Ġorġ, proġett li kien sar bejn l-1955 u l-1963. Il-kwadru titulari ta’ din il-knisja llum jinsab esebit fil-Mużew tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, “Il-Ħaġar”.
Meta mbagħad fis-sittinijiet kienet inbniet il-Kappella tal-Oratorju Don Bosco, bil-flus li l-Gvern kien ħallas lid-Djoċesi b’kumpens għat-twaqqigħ tal-Knisja ta’ San Ġużepp tas-Suq, din kienet ġiet iddedikata lil San Ġużepp. Tbierket mill-Isqof Mons.Ġużeppi Pace nhar il-Ħadd 31 ta’ Jannar,1965. Fir-Rabat ukoll insibu lil San Ġużepp meqjum f’diversi knejjes oħra. Hemm artali ddedikati lilu fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ, fil-knejjes konventwali tal-Agostinjani u tal-Franġiskani, fis-Santwarju tal-Madonna talGrazzja tal-Patrijiet Kapuċċini u fil-Knisja tasSorijiet Franġiskani. Ix-xbieha tiegħu hija meqjuma wkoll fil-kappella tal-Lunzjata u għand is-Sorijiet Dumnikani. Ta’ min jgħid li l-istatwa ta’ San Ġużepp li hemm fil-Knisja tal-Lunzjata oriġinarjament kienet saret għall-Knisja ta’ San Ġużepp tas-Suq u kienet irregalata lil din il-knisja mill-Isqof Ġużeppi Pace. Qabel din, fil-Knisja tal-Lunzjata kien hemm statwa antika ħafna li llum ma għadhiex teżisti. Il-kwadru ta’ San Ġużepp fil-Bażilika ta’ San Ġorġ huwa xogħol sabiħ tal-pittur Giuseppe Calì (1899), filwaqt li l-vara li nsibu fil-Bażilika Ġorġjana saret fl-1924, u hija xogħol l-istatwarju Wistin Camilleri. L-istatwa ta’ San Ġużepp li nsibu fil-Knisja ta’ San Franġisk hija tad-ditta “Galard” ta’ Marsilja. Din tbierket mill-Isqof Giovanni Marija Camilleri fil-15 ta’ Marzu 1896.

Il-kappella ta' San Ġużepp tas-suq Kwadru li jinsab fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù, in-Nadur

Kwadru li jinsab fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù, fil-Fontana
Il-Kult Ġużeppin jinfirex ma’ Għawdex kollu
Jekk wieħed idur dawra malparroċċi ta’ Għawdex jista’ jara b’għajnejh kemm il-qima lejn San Ġużepp infirxet matul l-aħħar erba’ mitt sena. Artali meqjuma lil San Ġużepp insibuhom filBażilika tan-Nadur u fil-Knisja tal-Qalb ta’ Ġesù fl-istess raħal, fil-Bażilika tax-Xagħra, u filparroċċi ta’ Sannat, taż-Żebbuġ, Ta’ Kerċem, ta’ San Lawrenz (hawn l-artal kien tneħħa biex minfloku sar konfessjunarju imma l-kwadru, xogħol sabiħ tal-Calì, għadu fejn kien oriġinarjament), tal-Fontana, talGħasri u talMunxar. F’diversi minn dawn ilknejjes, barra l-artal insibu wkoll l-istatwa talQaddis li biha, hemm fejn kienet u għadha issir il-purċissjoni għal mijiet ta’ snin. Hekk pereżempju, fil-parroċċa taż-Żebbuġ il-purċissjoni ta’ San Ġużepp kienet diġà ssir qabel l-1800. L-istatwa li hemm illum saret fl-1906. Iżda qabel din, kien hemm waħda żgħira tal-injam, antika ħafna, u li llum m’għadiex teżisti.

Ta’ min isemmi l-kwadru li hemm fi l-parroċċa tażŻebbuġ tal-pittur Virgilio Monti, ta’ Kerċem tal-pittur R. Caruana Dingli (1921), u dak tal-Fontana tal-pittur Giuseppe Galimberti. Dan il-kwadru li juri l-Agonija ta’ San Ġużepp, hu fost l-aħjar kwadri li hemm fi l-Knisja tal-Fontana. Il-kwadru ta’ Gaimberti kien akkwistat minn Ruma fl -1905 mill-Imħallef Ġużè Cremona u ħallas għalih minn butu. Fil-Parroċċi tax-Xewkija, tal-Għarb u ta’ Għajnsielem insibu statwi devoti talQaddis Patrijarka li bihom issir il-purċissjoni ta’ kull sena; u f’Għajnsielem għal ħafna snin kien hemm ukoll l-Istitut tal-Orfni li kien taħt il-ħarsien ta’ San Ġużepp. Dan l-Istitut kien ġie inawgurat mill-Gvernatur Sir Walter N. Congreve u mbierek mill-Isqof Mikiel Gonzi fi s-sena 1925. F’dan l-istess raħal insibu wkoll il-Banda li ġġib l-isem St Joseph imwaqqfa fl -1928. Hawn insibu wkoll artal iddedikat lil San Ġużepp fi lKnisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri. Statwi ta’ San Ġużepp insibuhom ukoll fi l-knisja taxXlendi (1973), u f’dik ta’ Santa Luċija (1987); f’din tal-aħħar hemm wkoll artal iddedikat lill-Ħarba talFamilja Mqaddsa lejn l-Eġittu magħruf bħala “ta’ San Ġużepp”. Statwa oħra tassew artistika maħduma fl -irħam fi Pietrasanta l-Italja, li saret b’wegħda fi ssena 1964, insibuha għand is-Sorijiet Karmelitani ta’ Kerċem.
Barra l-artali u l-istatwi hemm ukoll il-Fratellanzi ta’ San Ġużepp. Fix-Xagħra din twaqqfet fi s-sena 1860 waqt li dik tal-Qala twaqqfet fi s-sena 1889. Għal xi żmien kien hemm ukoll Fratellanza ta’ San Ġużepp fi l-Parroċċa tal-Għarb, imma din illum m'għadhiex teżisti.
Ma’ dawn insemmu wkoll it-toroq imsemmija għal San Ġużepp li nsibuhom fi l-Belt Victoria u fi x-Xagħra. Imbagħad ma nistax ma nsemmix l-għadd ta’ niċeċ ta’ San Ġużepp li nsibu fi t-toroq Għawdxin, fosthom fi l-Belt Victoria, fi x-Xewkija, fl -Għarb, fi n-Nadur, fi xXagħra, fi ż-Żebbuġ, f’Ta’ Kerċem, fi l-Fontana, u fi xXlendi limiti tal-Munxar.
Naturalment l-aqwa u l-isbaħ monument Ġużeppin li nsibu llum f’Għawdex huwa s-Santwarju Parrokkjali tal-Qala iddedikat lill-Immakulata Kunċizzjoni u lil San Ġużepp. Il-kwadru titulari tal-Parrroċċa talQala xogħol tal-pittur Giuseppe Calì li sar fl -1899, juri lill-Immakulata u lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali. Fiċ-ċentru tal-kwadru hemm ilfi gura ta’ San Ġużepp bil-wieqfa, imlibbes libsa vjola u b’mantell ta’ lewn isfar skur. Ikolli ngħid li f’dan ilkwadru jiddomina iżjed il-patroċinju ta’ San Ġużepp milli l-Immakulata Kunċizzjoni. Difatti, meta iżjed tard il-knisja tal-Qala ġiet indurata, ’l fuq mill-kwadru, fi spazju ovali bejn żewġ anġli, inkitbu l-kelmiet Protector Sanctae Ecclesiae : Protettur tal-Knisja Mqaddsa. Ta’ min jgħid li qabel il-kwadru titulari talCalì, fi l-parroċċa tal-Qala kien hemm diġa’ l-istatwa devota ta’ San Ġużepp li nġabet minn Marsilja fi l-bidu tas-sena 1890.
Ix-xbieha ta’ San Ġużepp fi l-kwadru titulari tal-Qala kienet ġiet solennement inkurunata mill-Eminenza Tiegħu il-Kardinal Giovanni Colombo nhar il-Ħadd 8 ta’ Awwissu 1971.
Għal din l-inkurunazzjoni, barra l-Kardinal Colombo kienu preżenti wkoll l-E.T. Mons. Ġużeppi Pace Isqof t’Għawdex, l-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi Amministratur Appostoliku għal Għawdex, u l-E.T. Mons. Dino Romoli l-Isqof ta’ Prescia-Montecatini. F’dik l-okkażjoni kien tkanta l-innu li nkiteb mill-avukat Ġorġ Żammit b’mużika ta’ Maestro Ġużè Muscat Azzopardi, u ġie esegwit mill-Banda L’Isle Adam tarRabat ta’ Malta fl imkien mal-Kor Parrokkjali tal-Qala, Saint Joseph. Illum, barra l-Kor St Joseph, fi r-raħal tal-Qala nsibu wkoll l-Għaqda Mużikali Ite Ad Joseph

Kwadru titulari tal-Parroċċa tal-Qala
li ġiet imwaqqfa fi t-8 ta’ Diċembru 1996. Il-Banda Ite Ad Joseph, li din is-sena tfakkar il-Ġublew tal-Fidda mit-twaqqif tagħha, matul l-aħħar 25 sena kompliet tkabbar bis-sħiħ l-isbaħ festi li jsiru ta’ kull sena f’ġieħ il-Patrijarka San Ġużepp fi l-Gżira tat-Tliet Għoljiet.
Konklużjoni
Din hija biss ħarsa fuq fuq lejn l-istorja tal-bidu u l-iżvilupp tal-kult Ġużeppin f’Għawdex. Jista’ jkun li bi żvista ħallejt xi ħaġa barra li forsi setgħet tkun ukoll relevanti għal din il-kitba. Imma, biex ma ntawwalx iżżejjed, ħallejt barra għal t’apposta, l-aspett mużikali u letterarju b’rabta ma’ San Ġużepp bħalma huma antifoni, innijiet, u poeżiji, eċċ. Anke dawn huma parti mill-patrimonju Ġużeppin li matul is-snin ħallewlna dawk ta’ qabilna, u ta’ mużiċisti u kittieba kontemporanji li aħna ser inħallu lil dawk li jiġu warajna. Fuq dan jista’ jsir studju għalih. Bħalma jista’ jsir studju jew stħarrig dwar il-frekwenza tal-ismijiet ta’ persuni, irġiel u nisa, li fi l-magħmudija ġew mogħtija l-isem ta’ Ġużepp jew Ġużeppa. Meta xi snin ilu kien sar stħarriġ fuq ir-reġistri tal-Magħmudija fl -ewwel 50 sena tal-parroċċa Ta’ Kerċem (1885-1935), irriżulta li f’ċerti snin ġieli kien hemm iktar minn wieħed minn kull tlieta (35.6% fl -1928) u iktar minn wieħed minn kull erbgħa (25.6% fl -1907) tat-trabi msemmija Ġużepp jew Ġużeppa. Sal-ġurnata tal-lum, l-isem Ġużepp, Ġużeppa, Josef, Josefa, Ġuża, Joyce, Josephine, eċċ., huma komuni fostna, u mifruxa sew fost ilpopolazzjoni Għawdxija. Iva, studju onomastiku jista’ jkun ukoll wieħed interessanti li, bla dubju ta’ xejn, juri kemm il-poplu Għawdxi kien u għadu devot ta’ San Ġużepp. Kollox ma’ kollox, nemmen li bil-ftit tagħrif li ġbart f’din il-kitba, wieħed jista’ jieħu ideja ta’ kemm id-devozzjoni lejn il-Patrijarka San Ġużepp qabbdet għeruqha sew fi r-reliġjożità popolari ta’ niesna, tal-bieraħ u tal-lum. U jekk lil Għawdex bir-raġun kollu ġieli sejjaħnielu Gżira Marjana, ma nafx għaliex ma nsejħulux ukoll Gżira Ġużeppina. Ċert li wara l-Madonna, ebda qaddis jew qaddisa oħra, m’huma daqshekk meqjuma f’din ilgżira!



Għal kull xogħol ta' weldingu ħadid, turġien tal-ħadid, railings, bibien u makkinarji tal-ġebel u kull xorta ta' xogħol ieħor fuq ħadid irrikorri għand
MARK GALEA


Triq Xuxa Kerċem 9952 4814

