Għotja Demm Servizz Soċjali Grazio Barbara Direttur Ġenerali DSS Min jaf kemm-il darba rajna dan il-kliem t’hawn fuq u ieħor simili fuq il-korrispondenza li joħroġ id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali lid-diversi benefiċjarji tiegħu. Id-Dipartiment dejjem ħaddem il-prinċipju li jgħin lil min ikollu bżonn mhux biss bħala benefiċċji soċjali li jitħallsu imma wkoll lil min ikun jeħtieġ xi tip ta’ għajnuna oħra. Donazzjoni tad-demm hija responsabbiltà komunitarja fejn persuna tkun qiegħda tagħti xi ħaġa minn dak li għandha, mhux flus, għax kultant biex wieħed jagħmel xi tip ta’ għotja, jaqbad u jagħti xi ħaġa tal-flus. Donazzjoni tad-demm tfisser għotja ta’ imħabba lil xi ħadd li anqas biss tkun taf min hu imma li żgur għandu bżonn din it-tip t’għajnuna.
Ritratt: Grazio Barbara
Aktar u aktar titqies bħala turija ta’ imħabba meta bniedem qiegħed jagħti ftit tal-ħin minn tiegħu, li llum il-ġurnata, bil-ħajja mgħaġġla li għandna, mhux dejjem ikun possibbli. Għalhekk huwa att ta’ imħabba meta tqis kemm sar prezzjuż il-ħin tagħna.
Ħafna aktar pazjenti jkollhom bżonn id-demm bħalma huma persuni li jkunu qegħdin jirċievu trattament għal kontra l-kanċer, dawk li jkunu se jagħmlu xi operazzjoni, kif ukoll oħrajn li jkollhom xi kundizzjoni ereditarja marbuta mad-demm.
Id-demm huwa bżonn li l-ġisem tal-bniedem ma jgħaddix mingħajru. Għalhekk ma tkunx esaġerazzjoni meta ngħidu li meta tagħti d-demm tkun qiegħed tagħti rigal għall-ħajja.
Għalhekk, il-Bank Nazzjonali tad-Demm dejjem jappella biex kull min hu b’saħħtu u jista’ jagħti d-demm imur fiċ-Ċentru ta’ Gwardamanġa jew inkella permezz tal-Mobile Unit li minn żmien għal żmien idur il-lokalitajiet f’Malta.
Ħafna jaħsbu li dawk li jkollhom bżonn id-demm huma dawk in-nies li jkunu involuti f’xi aċċident imma dan mhux il-każ.
familja.media@gov.mt
21