
6 minute read
Propagazzjoni tal‑Fidi
Tabilħaqq Alla Huwa l‑Veru Missjunarju
Dun Pierluigi Maccalli, tas‑Soċjetà Missjunarja Afrikana (SMA) f’Settembru 2018 inħataf fin‑Niġer fejn kien missjunarju, u nżamm priġunier f’Mali mill‑grupp li jappoġġa l‑Iżlam u l‑Musulmani (Gsim). Inħeles fit‑8 ta’ Ottubru 2020 flimkien ma’ tliet ostaġġi oħra: il‑politku Malian Soumaila Cisse, l‑umanitarja Franċiża Sophie Petronin u t‑Taljan Nicola Chiacchio, li kien miegħu fil‑ħabs għal aktar minn sena. Fid‑9 ta’ Novembru 2020 kellu udjenza privata ma’ Papa Franġisku, u qasam magħna dak kollu li għadda minnu u kif skopra viżjoni oħra tal‑missjoni.
“Inħtaft mill‑Mujaħeddin Musulmani fil‑lejl tas‑17 ta’ Settembru 2018 u nżammejt priġunier għal aktar minn sentejn fis‑Saħħara f’Mali. F’daqqa waħda ġew u ħatfuni mill‑post tal‑missjoni tiegħi f’Bomoanga fin‑Niġer, hekk kif kont, liebes biss il‑piġama u l‑karkur. Hekk għext il‑‘kenosi’ tiegħi: imneżża’ minn kollox, miċħud mil‑libertà u fil‑ktajjen. Dan ġara wara li kont għamilt għaxar snin missjoni fil‑Kosta tal‑Avorju u ħdax‑il sena fin‑Niġer. Matul dan iż‑żmien fl‑Afrika dejjem ippruvajt ngħaqqad il‑Vanġelu mal‑promozzjoni umana. Kont attiv u minn ta’ quddiem nett f’dik li hija karità: skejjel, kliniċi tal‑maternità, ċentri ta’ nutrizzjoni għal tfal malnutriti u orfni, attenzjoni għall‑emarġinati u l‑ħandikappati, spieri u bjar. Dan il‑ħtif kien għalija taqliba interjuri kbira u t‑tifrik totali tal‑ħajja kuntenta li kelli bħala missjunarju.
Wara ftit taż‑żmien bdejt nistaqsi lili nnifsi kif
stajt inkun missjunarju f’din is‑sitwazzjoni hekk partikulari? Ftakart f’dak li kont tant nemmen fih bħala missjunarju, sentenza mqassra tal‑Ġiżwita Francois Varillon: “Dak li l‑bniedem jagħmel uman, Alla jagħmlu divin”. Ħassejt li stajt nipprova nibni relazzjonijiet umani ma’ dawn in‑nies. Huma kellhom l‑armi f’idejhom, kienu qed jgħassuni, rabtuni bil‑ktajjen, imma baqgħu dejjem bnedmin, persuni. Hekk bdejt nibni magħhom xi forma ta’ djalogu, sa fejn kien possibbli, b’dawk l‑erba’ kelmiet li kont naf bl‑Għarbi. U rajt li, għalkemm ftit, bdejt noħloq xi relazzjonijiet.
Niftakar f’wieħed Mujaħeddin li kien iġibli l‑ħobż. Xtaq jitgħallem jaqra n‑numri bil‑Franċiż. Ippreparajtlu karta u hu, kull filgħaxija, kien jiġi u jirrepeti l‑lezzjoni u jara tgħallimx tajjeb dak li kont għallimtu. Qabel ma nfridna kont ħallejtlu l‑basket tiegħi u hu tani tiegħu. Għamilna hekk, biex inżommu rikordju ta’ xulxin. Lil Mujaħeddin ieħor, li kont indunajt li kien qed ibati mill‑uġigħ tas‑snien, tajtu ftit ‘toothpaste’ tal‑menta milli kelli. Issuġġerejtlu jpoġġi ftit minnu fil‑kavità u mar tajjeb. Darba, kien tard bil‑lejl, ġie jqajjimni għax kien muġugħ. U hekk għal xahar sħiħ ‘fejjaq lilu nnifsu’ bit‑‘toothpaste’. Imma mbagħad is‑sitwazzjoni marret għall‑agħar u kellhom jeħduh jaqla’ d‑darsa. Imma għal xahar sħiħ imxejna flimkien ’il quddiem bit‑‘toothpaste’ maġiku tiegħi.
Ħafna minn dawk li kienu ħatfuna kienu għadhom żgħar, kellhom madwar 20 sena. Wieħed kellu biss 13! Il‑kapijiet ta’ dawn il‑gruppi kienu ta’ bejn it‑30 u l‑35 sena. Imma l‑maġġoranza kienu żgħażagħ u bla skola, tfal li kienu ġew indottrinati minn vidjows ta’ propaganda li kienu jsegwu minn fuq il‑mowbajls li kienu dejjem f’idejhom, bl‑illużjoni li hekk kienu qed jgħixu l‑Iżlam u li qed jagħmlu xi ħaġa kbira għal Allah. Kont tabilħaqq nitħassarhom. Bħala missjunarju, kemm kont naħdem u nistinka biex niżgura futur differenti għaż‑żgħażagħ; iż‑żgħażagħ huma l‑futur tal‑Afrika, biex imbagħad tara lil dawn iż‑żgħażagħ jaħlu ħajjithom iżommu b’‘kalashnikov’ f’idejhom u eventwalment jibdew joqtlu lin‑nies; x’ħasra. It‑triq tal‑vjolenza u l‑gwerra ma se twassalhom imkien, ħlief biex imutu ħafna nies innoċenti. Kont nitlob għalihom, huma li kienu qed jippersegwitawni, u kont ngħid: “Mulej, ma jafux x’inhuma jagħmlu. Għinni biex dejjem naħfer, infittex toroq għall‑paċi u noħloq fratellanza, u li nagħmel dan b’umiltà”.

Episodju ieħor li kien laqatni u li għamilli ħafna ġid kien dak ma’ Abdurraħaman. Dan kien il‑kap tal‑grupp li kienu jieħdu ħsieb l‑għassa tiegħi. Darba kont stqarrejtlu li kont imdejjaq għaliex wieħed mill‑gruppi tagħhom ma tantx kien ġentili miegħi. Kont għedtlu: “Ilni fl‑Afrika għal aktar

minn 21 sena u qatt ma kont rajt żagħżugħ ikellem ħażin lil wieħed anzjan.” Kienu jikkunsidrawni bħala l‑anzjan fil‑grupp u dawk iż‑żgħażagħ kienu jsejħuli ‘xebani’ (xiħ bl‑Għarbi jew bit‑Tuareg). U hekk, fil‑5 ta’ Frar 2020, dan ġie u qalli: “Ilħaqna ftehim u mhux se ndumu biex lilkom l‑ostaġġi neħilsukom, però qabel ma titilqu nixtieq ngħid lix‑‘xebani’ skużi. Nitolbok skuża jekk xi ħadd minna l‑Mujaħeddin naqsek mir‑rispett bi kliem jew ġesti mhux xierqa”. Skantani ħafna li qalli hekk u bla ma qgħadt naħseb wisq weġibtu: “Grazzi, naċċetta dak li għedtli u niżgurak li ma ser inġorr xejn f’qalbi kontra tagħkom”. Jien konvint li hekk biss nistgħu nibdew nibnu dinja aħjar. Aħna bħala missjunarji nixtiequ nibnu dan bl‑eżempju tagħna ma’ kulħadd. il‑ġurnata meta ħelsuna, it‑8 ta’ Ottubru 2020, kont fil‑karrozza mal‑kap tal‑grupp li kien l‑uniku wieħed li kien jitkellem u jifhem sew il‑Franċiż, u jiena għedtlu: “Qabel ma nħallikom xtaqt ngħidilkom kelma waħda”. “Xi trid tgħidli?” qalli, “Li Alla, xi darba, jgħinna nifhmu li aħna lkoll aħwa”. Hu rreaġixxa immedjatament u qalli: “Le, le ma jkun qatt! Ħija huwa biss min hu Musulman”. Ma rrispondejtux. Ma nista’ nkun naf qatt jekk dik il‑kelma tiegħi missitlux qalbu, imma l‑istedina li nkunu aħwa ta’ xulxin tiġbor fiha t‑tagħlim kollu tal‑Vanġelu: aħna lkoll aħwa, wlied ta’ Alla l‑Missier. Il‑fratellanza hija l‑orizzont li lejh aħna lkoll miġbuda u mexjin; dik li aħna nsejħu s‑Saltna ta’ Alla fuq l‑art.
Nerġa’ lura lejn ir‑rakkont tal‑ħtif tiegħi. Wara l‑ewwel sitt xhur ta’ solitudni poġġew miegħi lil Luca, żagħżugħ Taljan minn Padova li kienu ħatfuh tliet xhur warajja. F’Awwissu 2019 ingħaqad magħna wkoll Nicola. Hekk għal xi żmien konna tliet Taljani. Ħafna drabi għedtilhom: “Grazzi li qegħdin hawn!” Li tkun waħdek hija ħaġa wisq iebsa, imma li nkunu flimkien u nistgħu naqsmu dak li għaddejjin minnu huwa ta’ għajnuna kbira. Konna ta’ għajnuna kbira għal xulxin u din kienet fortuna. Anki meta, minħabba pariri u modi kif naraw is‑sitwazzjonijiet, konna ma naqblux, dejjem spiċċajna biex ngħidu lil xulxin: “Skużi, din hija s‑sitwazzjoni tagħna: aħna ħabsin, aħna mfarrkin u fil‑limiti tal‑forzi”. It‑toqol tal‑ħabs kien wisq tqil, għaddejna anki minn mumenti ta’ frizzjonijiet u ta’ nervi, imma dejjem fhimna lil xulxin. Dejjem ittamajna li ma jdumx ma jgħaddi kollox. Bdejt naħseb, kemm‑il darba ħassejt li ġejt minsi, imma kont żbaljat. It‑testimonjanzi li ġbart, meta mort lura l‑Italja, qabbżuli d‑dmugħ. It‑tgħanniq kollu li rċevejt qasamli qalbi, tant imħabba li qatt ma mmaġinajt daqshekk kbira. L‑ewwel tgħanniqa kbira kienet mill‑familja tiegħi; kienet
kommoventi ħafna. Qawwi wkoll kien il‑mument meta mort fil‑post fejn għext u fid‑djoċesi tiegħi ta’ Crema, fedelment għal sentejn, kull 17 tax‑xahar, velji u mixjiet ta’ talb. Fuq livell internazzjonali, il‑komunità tiegħi SMA u ħafna ħbieb, talbu b’insistenza lil Alla għall‑ħelsien tiegħi. Tassew bqajt immeraviljat, skantat u milqut minn dan kollu, kemm nies kienu qrib tiegħi. Ma stennejtx daqshekk. Kitbuli anki minn Spanja, minn Franza, minn Togo, minn Benin u mill‑Arġentina.
Ħsibt li ħlewli sentejn minn ħajti bħala missjunarju,
Ritratt: AgenSIR

imma rrealizzajt li kienu sentejn mimlija frott għall‑Knisja, għal ħafna komunitajiet, kif ukoll għall‑istess missjoni f’Bomoanga fin‑Niġer minn fejn ħafna ċempluli: “Kuntenti li issa inti liberu, żfinna bil‑ferħ fil‑knisja meta waslet l‑aħbar li ħelsuk, aħna qrib tiegħek. Tiġix għalissa għaliex għadu wisq perikoluż. Nittamaw li għad niltaqgħu ma ndumux. Grazzi għal dak kollu li tajtna!” Imma, f’dawn l‑aħħar sentejn qisu jidher li ma tajt xejn, kulma għamilt kien sempliċiment nitlob u nipprova nissaporti, li nibqa’ ngħix, bit‑tama li ġurnata nkun nista’ mmur lura biex ngħannaq lill‑familja u lin‑nies li tant inħobb. Nistagħġeb meta nara kif din l‑esperjenza tal‑ħtif tiegħi u ta’ nuqqas ta’ attività totali, ipproduċiet wisq aktar solidarjetà u qlub miftuħa, mix‑xogħol kollu li għamilt qabel bħala missjunarju. Tabilħaqq, Alla huwa l‑veru missjunarju.
AGĦMEL IT‑TMIEM TAL‑FAQAR PARTI MILL‑ISTORJA TAʼ ĦAJTEK.
RIEDA LI TAGĦTI

Wirt dejjiemi li jibdel il‑ħajjiet
Billi tiftakar f'Missio Malta fil‑wirt tiegħek, inti tista' tagħmel differenza għal dejjem fid‑dinja li l‑ġenerazzjoni li jmiss qed tikber fiha. Rigal mingħandek jista', ħafna snin oħra, jidher fit‑tbissim tat‑tfal f'pajjiżi tat‑Tielet Dinja li ser jibbenefikaw mill‑ħniena u l‑kompassjoni tiegħek. Il‑legati tiegħek li tħalli warajk dejjem ser iħallu tbissima ħajja fil‑qlub ta' nies oħra. Jien. Int. Aħna. Flimkien.
VO/1178
Nru. 7, Triq il‑Merkanti, il‑Belt Valletta VLT 1171. Tel: (+356) 2123 6962 | E‑Mail: info@missio.org.mt www.missio.org.mt