2 minute read

Messaġġ mid‑Direttur

Minn Fejn Ġejjin u Fejn Ser Nispiċċaw?

Ix‑xahar ta’ Novembru, aktar minn xhur oħrajn, jgħinna biex nirriflettu aktar mis‑soltu li ħadd m’għandu daru hawn fl‑art li tibqa’ għal dejjem. Id‑daqq tal‑qniepen b’nota ta’ niket, iż‑żjajjar tal‑oqbra tal‑għeżież tagħna u l‑Kelma t’Alla, speċjalment waqt il‑quddiesa, ifakkruna li ġurnata aħna wkoll għad niġu wiċċ imb wiċċ mal‑mewt. Il‑mewt ma tħares lejn wiċċ ħadd, m’għandha rispett lejn ħadd u lejn xejn. Il‑mewt tħabbat il‑bieb tas‑sinjur u tal‑fqir, taf tfittex lil min hu marid u lil min hu b’saħħtu. Ix‑xjuħ tagħna, fl‑għerf tagħhom, kienu jgħidu li l‑mewt hija l‑aktar ħaġa ġusta li għamel Alla għaliex hija għal kulħadd. Ħadd ma jista’ jixtri l‑mewt jew jaħrabha.

Hawn min jibza’ jisma’ mqar il‑kelma ‘mewt’ jew min jitkellem dwarha. Issib min jgħidlek li qatt ma mar funeral lanqas ta’ dawk l‑aktar għeziez għalih, bħall‑ġenituri jew qraba. Ma nistgħux noqogħdu naħsbu l‑ħin kollu fuq il‑mewt għaliex żgur li nispiċċaw ħażin. Imma lanqas ma nistgħu nwarrbuha għal kollox minn quddiemna għaliex inkunu qed nidħqu bina nfusna. Il‑mewt iġġegħelna nagħmlu mistoqsijiet fundamentali bħal: “Minn fejn ġejjin? Fejn ser nispiċċaw? Għalfejn qegħdin fuq wiċċ din l‑art? X’hemm ’il hemm mill‑qabar? Il‑ħajja fuq din l‑art ta’ min jgħixha biex fl‑aħħar nispiċċaw ftit irmied taħt erba’ kaptelli?” Bil‑moħħ tagħna biss ma naslu qatt u qatt li nwieġbu għal dawn il‑mistoqsijiet fundamentali għaliex il‑mewt taf iddaħħalna ġo sqaq li ma jwassal għal imkien. Hija għalhekk ħaġa mill‑iżjed naturali li n‑Nisrani wkoll, quddiem il‑mewt, isewwed qalbu mhux biss għax jaf li ġismu għad jara t‑taħsir, imma wkoll għall‑fatt li kollox jispiċċa għal dejjem. Imma n‑Nisrani, b’differenza

għal min m’għandux fidi, jagħraf li Alla nissel fil‑qalb tal‑bniedem ix‑xewqa li jgħix għal dejjem. In‑Nisrani, imdawwal mill‑Kelma t’Alla, jagħraf li Alla ħalaq lill‑bniedem biex jgħix f’għaqda għal dejjem miegħu, għaqda li la tista’ titħassar u lanqas tintemm. Kristu, bil‑misteru tal‑Għid, rebaħ il‑mewt u għaddieha lill‑bnedmin kollha li fuq din l‑art għexu f’għaqda miegħu. Dan il‑ħsieb huwa żgur ta’ faraġ għalina lkoll għaliex jurina li l‑għeżież kollha li diġà mietu jinsabu quddiem Alla u qegħdin fih jgħixu l‑veru ħajja li ma tispiċċa qatt. Min‑naħa l‑oħra, dan huwa messaġġ ta’ tama għaliex nafu li l‑mewt diġà ġiet mirbuħa bil‑qawmien ta’ Kristu. Is‑sejħa tagħna hija għalhekk, sejħa biex ngħixu għal dejjem f’Alla li ħalaqna, li ħabbna u li salvana biex fih ngħixu għal dejjem. 

DONAZZJONIJIET B’RIS Q IL‑MISSJONI

sms fuq 50617374 –  2.33 | sms fuq 50618820 –  6.99

B’SMS ta’  €6.99 tkun qed B’SMS ta’ 6.99 tkun qed tixtri l‑kotba għal tifel jew tifla tixtri l‑kotba għal tifel jew għal sena skolastika. tifla għal sena skolastika.

B’SMS ta’ €2.33  tkun qed titma’ B’SMS ta’ 2.33 tkun qed 7 t’itfal għal ġurnata. titma’ 7t itfal għal ġurnata.

Jien. Int. Aħna. Flimkien.

(VO/1178)

Int tista’ tagħti daqqa t’id. Missio għandu bżonn il‑voluntiera. Jekk int interessat, ċempel 21236962

This article is from: