2 minute read

Unjoni Missjunarja

Next Article
Editorjal

Editorjal

Intenzjoni Missjunarja: Novembru 2021

Intenzjoni Universali Persuni Li Jsofru Mid‑Dipressjoni

“Nitolbu sabiex persuni li jsofru mid‑dipressjoni jew għeja mentali jsibu l‑għajnuna u d‑dawl li jiftaħ għal ħajjithom.”

Sfortunatament il‑bniedem xi kultant jista’ jgħaddi minn toroq wisq mudlama u jekk ma jsibx l‑għajnuna ġusta jista’ jdum ma jara xaqq ta’ dawl li jfejjaq il‑problema u s‑salib li jkun qed jgħaddi minnhom. Għalhekk, f’dan ix‑xahar tajjeb ukoll li nitolbu għalina u għal ħutna li jistgħu jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli ta’ għeja mentali li kulħadd jista’ xi darba jkun suġġett għaliha, sabiex jerġgħu bl‑għajnuna tal‑Mulej u tal‑Madonna ‑ Saħħa tal‑Morda ‑ jiksbu s‑saħħa li tant għandhom bżonn. Fuq kollox ngħidu lil dawn il‑persuni sabiex iduru dejjem lejn Alla l‑Imbierek li dejjem qiegħed magħhom, għalkemm forsi xi darba ma jħossuhx.

Imma Alla huwa dejjem mal‑bniedem u dejjem qiegħed hemm lest biex jgħinu u jfejqu, kif naraw tajjeb fil‑Bibbja. Pereżempju fil‑Ktieb tal‑Ġenesi 20:17, insibu lil Alla jfejjaq lil Abimelek u naraw lil Alla jeħles lill‑bniedem mill‑iskjavitù tal‑Eġittu. Naraw mela lil Alla jfejjaq għaliex: “YHWH huwa t‑tabib tiegħek” (Eżodu 15:26). Hekk naraw fl‑esperjenza tad‑deżert, fejn Alla ordna lil Mosè jaħdem serp tal‑bronż ħalli jfejjaq lil dawk li kienu ngidmu mis‑sriep velenużi tar‑ramel. Fit‑Tieni Ktieb tal‑Kronaki naraw lil Alla jisma’ t‑talba ta’ Eżekija u jfejjaq lill‑poplu (30:20). Fil‑ktieb ta’ Tobit

naraw il‑messaġġier ta’ Alla, l‑anġlu Rafel, bħala l‑anġlu tal‑fejqan (Tob 5:4). Is‑Salmi 6, 41, 103 u 147 jitolbu lil Alla għall‑fejqan. Il‑fejqan narawh fuq kollox f’Ġesù fit‑Testment il‑Ġdid fid‑diversi mirakli tal‑fejqan li għamel, kif insibu f’Luqa 7:18‑23: “Morru agħtu lil Ġwanni l‑aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu: kif il‑għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz‑zopop jimxu, l‑imġiddmin ifiqu, it‑torox jisimghu, il‑mejtin iqumu u kif il‑Bxara t‑Tajba qiegħda tixxandar lill‑fqar. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”.

Fil‑quddiesa li Papa Franġisku jqaddes ta’ kuljum f’Dar Santa Marta fil‑Vatikan, nhar is‑27 ta’ Novembru 2014 għamel ħafna kuraġġ lil dawn ħutna li għaddejjin minn xi tip ta’ dipressjoni sabiex jitolbu dejjem lil Alla u ma jaqtgħux qalbhom mill‑ħajja: “Ebda Dipressjoni, imma Tama”. Huwa mela d‑dmir tagħna wkoll li nitolbu għal dawn ħutna fil‑bżonn, għaliex forsi anke għada jien ukoll inkun fil‑bżonn. 

Lourdes – Il‑Belt tal‑Mirakli fi Franza

Mit‑Tnejn 6 sal‑Ġimgħa 10 ta’ Diċembru 2021

Gwida u Diretur Spiritwali ‑ Dun Reno Muscat

Din is‑sena għall‑Festa tal‑Kunċizzjoni ejja magħna 5t ijiem Lourdes, belt kwieta ħafna magħżula minn Sidtna Marija. Waqtiet biex tirrilassa u ssib il‑paċi f'atmosfera ta’ talb u ġabra. Il‑lukanda tinsab biss 5 minuti mixi mis‑santwarju. Ġita fuq bażi full board. Inżuru wkoll il‑Belt ta’ Pau għas‑Suq tal‑Milied.

Aktar tagħrif fuq kull ġita jinsab fi programm dettaljat li jista' jinkiseb mingħand Natasha fuq: Tel: 2122 2040 • Mob:+356 7979 2040 Imejl:info@ytc.com.mt • Facebook: ytctraveltours• Websajt: www.ytc.com.mt

This article is from: