2 minute read

Bini ta’ Klassijiet Ġodda

L‑Iskola Sekondarja San Tumas t’Akwinu f’Arusha, it‑Tanżanija, hija ‘boarding school’ li tilqa’ fiha żgħażagħ subien. Din l‑iskola, li tippartieni lill‑Arċidjoċesi Kattolika ta’ Arusha, bdiet tiżviluppa fis‑sena 1967 u aktar tard, fl‑1985, ġiet irreġistrata mal‑Ministeru tal‑Edukazzjoni. Il‑Patrijiet tal‑Ispirtu s‑Santu ġew fdati biex imexxu din l‑iskola li minnha s’issa ħarġu aktar minn 50 saċerdot, inkluż l‑Isqof Awżiljarju attwali tal‑Arċidjoċesi ta’ Arusha. Dan minbarra numru sabiħ ta’ tobba, għalliema, periti, avukati, kif ukoll mexxejja politiċi, li lkoll kemm huma jservu fil‑komunitajiet rispettivi li jaqgħu taħt l‑arċidjoċesi.

Bħalissa t‑total ta’ għalliema u formaturi fl‑iskola huwa ta’ ħdax, li tlieta minnhom huma saċerdoti, filwaqt li n‑numru totali ta’ studenti huwa ta’ 280. Il‑viżjoni tal‑iskola hija li jkun hemm komunità ta’ żgħażagħ ikkultivati b’sens aktar profond ta’ dixxiplina u xogħol akkademiku eċċellenti.

L‑għan ewlieni tal‑iskola huwa li tgħin lill‑istudenti jagħrfu u jwieġbu għas‑sejħa vokazzjonali tagħhom skont l‑istat tal‑ħajja li jixraq lill‑karattru u l‑kariżmi tagħhom, permezz ta’ programm integrat li jqis il‑fiżika, l‑affettivi, l‑intelletwal, l‑iżvilupp soċjo‑kulturali u spiritwali tagħhom. L‑ambjent tal‑klassi huwa wieħed mill‑aktar fatturi importanti li jaffettwaw it‑tagħlim tal‑istudenti. Tali ambjent jipprovdi kontenut relevanti, għanijiet ta’ tagħlim ċari, opportunitajiet biex jibnu ħiliet soċjali u strateġiji biex jgħinu lill‑istudenti jirnexxu.

Il‑klassijiet tal‑iskola, li nbnew fl‑1967, huma ta’ disinn arkitettoniku antik, u għalhekk hemm il‑ħtieġa għal klassijiet ġodda li jgħinu favur l‑impenn, il‑valutazzjonijiet formattivi u l‑metodoloġiji attivi tal‑istudenti. Il‑klassijiet eżistenti huma taħlita ta’ xogħol ta’ blokok tal‑konkos u strutturi b’qafas tal‑konkos li kollha jeħtieġu sostituzzjoni kbira u aktar moderna minn dawk eżistenti, li għandhom ’il fuq minn 53 sena. Bin‑nuqqas ta’ manutenzjoni xierqa matul is‑snin, bid‑disinn arkitettoniku antik, l‑għargħar matul l‑istaġuni tax‑xita, flimkien mat‑tnixxija tal‑ilma mis‑soqfa, ikkontribwew għad‑deterjorament ġenerali ta’ dawn il‑klassijiet. Il‑klassijiet ġodda meħtieġa se jkunu effettivi u effiċjenti, li jippermettu l‑aħjar kundizzjonijiet għat‑tagħlim li se jsir fihom, filwaqt li se jkunu wkoll impenjattivi u motivanti. Dan se jagħti lok għal użu aħjar tas‑sit. Il‑bini se jinbena b’materjali durabbli biex jitnaqqsu l‑ispejjeż tal‑manutenzjoni futuri. Se jkun hemm ukoll tnaqqis fid‑daqs tal‑klassijiet li se jirriżulta f’tagħlim aħjar.

Missio Malta se jkun qed jgħin finanzjarjament fil‑bini u l‑immodernizzar ta’ dawn il‑klassijiet f’din l‑iskola sekondarja. Bis‑saħħa ta’ dan, Missio mhux biss se jkun qed jgħin lill‑istudenti jkomplu bl‑edukazzjoni tagħhom u jaslu fejn jixtiequ, imma se jiġu milħuqa komunitajiet sħaħ għaliex l‑ulied, wara li jiggradwaw se jmorru lura jservu fil‑komunitajiet rispettivi tagħhom.

Din hija t‑tmien sena li Missio Malta qed jorganizza l‑Maratona #hopemissiofest, li din is‑sena se taħbat nhar is‑Sibt 11 ta’ Marzu. Matul is‑snin, bil‑fondi miġbura mill‑maratona, mill‑Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is‑sena, Missio rnexxielu jisponsorja diversi proġetti. Dawn il‑proġetti huma mferrxin fil‑kontinenti kollha u jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniki u spieri. Permezz ta’ dawn il‑proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi. Din is‑sena Missio se jiffoka l‑għajnuna tiegħu fuq proġetti relatati mas‑saħħa u l‑edukazzjoni fit‑Tanżanija. Segwi l‑maratona fuq wieħed mill‑istazzjonijiet tat‑televiżjoni Maltin, bejn il‑11am u l‑11pm, fejn tista’ tikseb aktar informazzjoni, tisma’ u tara stejjer bħal din t’hawn fuq, u fl‑istess ħin tagħti d‑donazzjoni tiegħek. (Ara l‑faċċata tar‑rivista għal aktar tagħrif.)

Ċemplu, ċemplu, ċemplu! Grazzi mill‑qalb. 

This article is from: