3 minute read

APPELL GĦALL‑WAQFIEN MILL‑ĠLIED: IL‑PAĊI HIJA L‑AKBAR RIGAL

“Aħna nitolbu b’urġenza lill‑partijiet għall‑waqfien mill‑ġlied. Nitolbu li jwarrbu l‑armi u jfittxu soluzzjoni paċifika. Naraw ħafna nies ibatu u huwa meħtieġ li jinħolqu kurituri umanitarji f’żoni ta’ kriżi umanitarja estrema, li jippermettu lill‑organizzazzjonijiet kollha, lokali u barranin, biex jassistu nies spostati,” jgħid Joseph Kung, Kattoliku lajk minn Yangon, Myanmar (eks Burma), kap ta’ istitut universitarju privat, li jinterpreta s‑sentimenti u x‑xewqat tal‑Kattoliċi u ħafna ċittadini oħra ta’ konfessjonijiet oħra, fil‑pajjiż itturmentat minn kunflitt intern bejn l‑armata u l‑Forzi tad‑Difiża Popolari, imwieled wara l‑kolp ta’ stat.

Bħalissa, jinnota, hemm bżonn urġenti li tittaffa t‑tbatija tal‑miljuni ta’ nies li, f’ħafna żoni tal‑pajjiż, kienu sfurzati jaħarbu minn djarhom u jfittxu xelters prekarji. Għal din ir‑raġuni, l‑appell għall‑paċi mill‑popolazzjoni, eżawrita minn xhur ta’ kunflitt, huwa indirizzat lill‑Kunsill tal‑Amministrazzjoni tal‑Istat, jiġifieri lill‑ġunta militari fil‑poter, iżda wkoll lill‑Gvern tal‑Għaqda

Nazzjonali li jinsab fl‑eżilju u lill‑Forzi tad‑Difiża Popolari. Ħafna fidili f’Burma qattgħu l‑istaġun tal‑Milied bħala nies spostati, f’kampijiet imwaqqfa mill‑parroċċi jew mill‑Karuna (kif tissejjaħ il‑Karitas f’Burma) jew imxerrda mal‑foresti, fejn huma kkampjati biex jibqgħu ‘l bogħod mill‑ġlied u jippreservaw il‑ħajja tal‑anzjani, nisa u tfal. It‑tensjoni u l‑biża’ jinħassu fuq kollox f’żoni fejn il‑kunflitti u l‑ġlied huma l‑aktar vjolenti, anke fi stati ta’ Burma abitati l‑aktar minn minoranzi etniċi Kristjani, bħal Kachin, Kayah, Karen u Chin. Ħafna drabi, l‑imgħammdin ifittxu konsolazzjoni u kenn fil‑knejjes, u jsibu merħba u solidarjetà. Iżda l‑knejjes u l‑iskejjel ġew affettwati wkoll. F’dan il‑kuntest ta’ vjolenza mifruxa, il‑Kattoliċi jiftakru fil‑vjaġġ ta’ Papa Franġisku f’Myanmar. Il‑Papa afda lill‑Knisja Kattolika ta’ Myanmar bil‑missjoni li ‘tibni l‑paċi u tfejjaq id‑dinja’. Filwaqt li jġorru din ir‑responsabbiltà u dan il‑mandat f’qalbhom, il‑fidili, magħqudin mar‑rgħajja tagħhom, jinvokaw l‑akbar rigal, li hu l‑paċi u jitolbu b’mod intens għall‑paċi.

Fil‑messaġġ tiegħu tal‑Ewwel tas‑Sena, il‑Kardinal

Charles Maung Bo, Arċisqof ta’ Yangon u President tal‑Konferenza tal‑Isqfijiet ta’ Myanmar, għamel ukoll appell qawwi għall‑paċi, fejn ikkwota l‑kliem ta’ Papa

Franġisku: “Myanmar ġuħ għall‑paċi”. Skont ‘Myanmar Peace Monitor’ immexxi minn ħmistax‑il gazzetta

Burmiża indipendenti, magħquda fin‑netwerk

‘Burma News International’, il‑kunflitt ċivili f’Myanmar qed ikompli jiggrava jum wara l‑ieħor, filwaqt li l‑vjolenza u r‑ritalji mill‑armata Burmiża jkomplu. F’Diċembru 2022, il‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti addotta l‑ewwel riżoluzzjoni tiegħu dwar Myanmar f’74 sena. Ir‑riżoluzzjoni tappella għat‑tmiem tal‑vjolenza u tħeġġeġ lill‑mexxejja militari tal‑pajjiż biex jeħilsu lill‑priġunieri politiċi kollha, inkluż il‑mexxejja eletta demokratikament, Aung San Suu Kyi. 

Waqt l‑attakk tal‑Ħadd

15 ta’ Jannar fuq il‑knisja Pentekostali

Eglise du Christ au Congo f’Kasindi, fir‑reġjun ta’ Beni (provinċja ta’ Kivu tat‑Tramuntana, fil‑Lvant tar‑Repubblika

Demokratika tal‑Kongo), qrib il‑fruntiera mal‑Uganda, il‑qawwiet

Kongoliżi qalu li kien att ta’ tpattija għad‑diżgrazzji li l‑armata kkaġunat fuq il‑Ġiħadisti . L‑isplużjoni ta’ apparat splussiv qatlet 10 persuni u weġġgħu 39 ruħ.

“Aħna arrestajna persuna ta’ nazzjonalità Kenjana li kienet involuta fl‑attakk,” qal il‑kelliem tal‑Forzi Armati tar‑Repubblika Demokratika tal‑Kongo, Antony Mualushayi. “Kien attakk minn terroristi tal‑ADF/ MTM li sofrew telf kbir ta’ vittmi f’idejn l‑FARDC f’diversi ġlidiet,” żied jgħid. “Qabel il‑bidu tas‑sena,” enfasizza l‑kelliem militari, “l‑armata regolari appellat lill‑popolazzjoni biex tagħti attenzjoni għall‑possibbiltà ta’ attakki, għaliex għandna informazzjoni affidabbli li t‑terroristi qed jippreparaw attakki fuq insedjamenti ċivili fid‑dawl tat‑telf li sofrew. Ħadna miżuri ta’ sigurtà biex nipproteġu l‑popolazzjoni ċivili, madankollu, sfortunatament, it‑terroristi rnexxielhom iħawlu apparat splussiv improvizzat fil‑knisja f’Kasindi.” “Il‑popolazzjoni trid tkun taf li qed niffaċċjaw theddida terroristika, imma nitolbu lil kulħadd biex jibqa’ kalm u jkollu fidi fl‑armata”, temm jgħid.

Intant, l‑Istat Iżlamiku fl‑Afrika Ċentrali ħa r‑responsabbiltà għall‑attakk. “Ġellieda tal‑Istat Iżlamiku rnexxielhom iħawlu u jisplodu bomba fi knisja

Kristjana fil‑belt ta’ Kasindi,” qalet l‑organizzazzjoni terroristika fi stqarrija ppubblikata fuq l‑istazzjon Telegram, u saħqet li l‑attakk huwa, “evidenza ulterjuri tal‑falliment tal‑kampanji militari riċenti mill‑forzi armati Kongoliżi u l‑alleati tagħhom biex jiżguraw is‑sigurtà tal‑Insara”.

Qassis Maqtul Kiesa U Biered

Zerbo nqatel minn irġiel armati mhux identifikati nhar it‑Tnejn 2 ta’ Jannar. Skont stqarrija ffirmata minn Mons. Prosper Bonaventure KY, Isqof ta’ Dédougou, il‑qassis ta’ 67 sena nqatel fir‑raħal ta’ Soro, fir‑reġjun ta’ Boucle du Mouhoun, fil‑Majjistral ta’ Burkina Faso.

Patri Jacques Yaro Zerbo

Qassis Kattoliku nqatel f’Burkina Faso, l‑Afrika. Patri Jacques Yaro twieled fit‑28 ta’ Diċembru 1956 f’Kolongo, il‑Mali tal‑lum, u ġie ordnat saċerdot fid‑19 ta’ Lulju 1986 f’Dédougou. Ir‑reġjun Boucle du Mouhoun, fil‑Majjistral tal‑pajjiż, huwa wieħed mir‑reġjuni l‑aktar milquta mit‑terroriżmu f’Burkina Faso. F’dan ir‑reġjun mill‑inqas 28 ċivili nqatlu fil‑lejl bejn il‑Ġimgħa 30 ta’ Diċembru u s‑Sibt 31 ta’ Diċembru 2022, bħala ‘ritaljazzjoni’ wara attakk ‘terroristiku’ fil‑belt ta’ Nouna, kapitali tal‑provinċja ta’ Kossi. 

This article is from: