
2 minute read
Kemm Lest/a Li Naħfer?
F’dan iż‑żmien qaddis tar‑Randan, il‑Knisja, aktar minn żminijiet oħra ta’ matul is‑sena, tħeġġiġna biex nidħlu daħla fina nfusna ħalli neżaminaw ir‑relazzjoni tagħna ma’ Alla u ma’ xulxin. Il‑konverżjoni tagħna ma tistax tintgħoġob u tkun milqugħa minn Alla jekk infittxu biss li nirranġaw r‑relazzjoni tagħna ma’ Alla u nieqfu hemm. Alla jitlob minna li nfittxu wkoll li nirranġaw ir‑relazzjonijiet ta’ bejnietna. Ma nistgħu qatt nitolbu lil Alla dak li m’aħniex lesti li noffru u nagħmlu ma’ xulxin.
Alla, fil‑ħniena tiegħu magħna, dejjem lest li jaħfrilna n‑nuqqasijiet kollha tagħna, għaliex l‑iben il‑waħdieni tiegħu, xerred demmu fuq is‑salib għall‑maħfra ta’ dnubietna mwettqa matul iż‑żminijiet kollha (Mt. 26:28). Biżżejjed talba jew ġest żgħir ta’ ndiema biex Alla jagħtina l‑maħfra ta’ dnubietna. Ġesù ħafer lil wieħed li kien imsallab miegħu talli dan dawwar ħarstu lejh, filwaqt li bil‑ħniena talbu:
“Ġesù ftakar fija meta tidħol fis‑saltna tiegħek.” U Ġesù fil‑pront wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil‑ġenna miegħi” (Lq. 23:42‑3). Iżda minkejja dan, Ġesù rabat il‑maħfra li dejjem lest li jagħti, ma’ kemm aħna lesti li naħfru lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor naqsuna. Fit‑talba tal‑Missierna, Ġesù kien ċar ħafna magħna, hekk li għallimna nitolbu:

“Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt. 6:12). L‑ebda bniedem ma jista’ qatt m’Alla. Ġesù, fil‑parabbola tal‑qaddej li ma riedx jaħfer, jurina li minkejja li wieħed mill‑qaddejja kellu jagħti lil sidu somma ta’ għaxart elef talent (madwar 200 000 sena xogħol), liema dejn qatt ma seta’ jħallsu lura, is‑sinjur ġietu ħniena minnu u ħafirlu dan id‑dejn kbir. Iżda mbagħad, dan il‑qaddej ma kienx lest li jaħfer lil sieħbu li kulma kellu jagħtih kien biss mitt dinar (mitt ġurnata xogħol). Hekk li mar xeħtu l‑ħabs sa ma jrodd kulma kellu jagħtih. Bir‑raġun kollu, is‑sinjur, xħin sema’ din il‑ġrajja tnikket, filwaqt li qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id‑dejn kollu, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?” Ġesù temm din il‑parabbola jgħid: “Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis‑smewwiet, jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom” (Mt. 18: 21‑35).
L‑Ikona tal‑Kruċifissjoni “Bejn iż‑Żewġ Ħallelin,” miktuba fl‑1711 minn Ioannis Moskos, hija kompożizzjoni multidimensjonali bbażata fuq xogħlijiet tal‑Punent. F’din il‑parti tal‑ikona s‑salib il‑kbir bl‑Imsallab huwa pproġettat fuq sfond tad‑deheb, filwaqt li madwaru jinfirex sħab iswed. San Dismas, fuq ix‑xellug, huwa inkurunat minn anġlu li jtir, wara li ġie mwiegħed id‑dħul fil‑Ġenna mill‑Mulej.

Il‑maħfra żgur li ma taqbilx mal‑mentalità tagħna, hija tqila wisq biex nifhmuha u iżjed tqila biex nagħmluha. Jekk nitolbu lill‑Ispirtu s‑Santu, huwa jgħinna fin‑nuqqas ta’ ħila tagħna u jimlina bil‑kuraġġ u l‑qawwa biex naslu li naħfru lil xulxin minn qalbna.

Qegħdin fix‑xahar ta’ Marzu, xahar li sar sinonimu mal‑Maratona #hopeMissiofest, li din is‑sena se taħbat nhar is‑Sibt 11 ta’ Marzu, organizzata darba biss fis‑sena minn Missio Malta. Nixtieq nappella għall‑ġenerożità tagħkom biex inkunu nistgħu nwieġbu għal ħafna talbiet għall‑għajnuna mitluba minn ħafna nies li jgħixu fl‑artijiet tal‑missjoni. Aħna nippruvaw ngħinuhom biex jgħixu ħajjithom b’dinjità kif jistħoqqilhom. Jiena nixtieq li, filwaqt li nirringrazzjakom tal‑għajnuna tagħkom, hi kemm hi, nitlob lill‑Mulej ibierek lilkom u lill‑għeżież kollha tagħkom.
