
6 minute read
Dehriet tal‑Madonna
Il‑Ħidma Evanġelika ta’ Marija Santissima Bħala Missjunarja
Il‑Ħdax‑il Parti
Il‑Madonna ta’ Zeitoun,
il‑Kajr, l‑Eġittu (fil‑qosor) Allegatament, l‑ewwel dehra tal‑Madonna f’Zeitoun ġiet irreġistrata filgħaxija tat‑2 t’April 1968. Żewġ mekkaniks Musulmani tal‑karozzi tal‑linja stqarru li raw mara liebsa l‑abjad fuq il‑bejt tal‑knisja Kopta ta’ Santa Marija. Wieħed minnhom ħaseb li kienet soru u li kienet ser tagħmel suwiċidju billi taqbeż minn fuq is‑saqaf. Allegatament, il‑figura kienet tal‑Verġni Marija. Id‑dehra spiċċat ftit minuti wara. Fid‑9 t’April din id‑dehra reġgħet seħħet, ukoll għal ftit minuti, iżda din id‑darba rawha ħafna nies. Wara, id‑dehriet saru aktar spissi, xi drabi darbtejn jew tliet darbiet fil‑ġimgħa, għal diversi snin u spiċċaw fl‑1971. Skont it‑tradizzjoni Kopta, Zeitoun jinsab qrib wieħed mill‑postijiet fejn qagħdet il‑Familja Mqaddsa waqt il‑ħarba tagħha lejn l‑Eġittu. L‑awtoritajiet tal‑Knisja Kopta Ortodossa kienu ħarġu stqarrija uffiċjali li tikkonferma d‑dehriet. Peress li d‑dehriet saru fuq Knisja Kopta, il‑Vatikan ħalla l‑proċessi tal‑investigazzjoni f’idejn l‑awtoritajiet Kopti. Tajjeb jingħad li fit‑12 ta’ Mejju 2018, il‑Knisja Kopta ċċelebrat il‑Ġublew tad‑Deheb ta’ dawn id‑dehriet. Għadd kbir ta’ qassisin u Nsara Kopti attendew għal dawn iċ‑ċelebrazzjonijiet reliġjużi.


Il‑Madonna ta’ Cuapa, fil‑Nikaragwa
Fis‑sena 1980, Bernardo Martinez (1931‑2000), li għal xi żmien kien jieħu ħsieb kappella żgħira f’Cuapa bħala sagristan, stqarr li kellu sensiela ta’ dehriet mill‑Verġni Marija. Skont Bernardo, dawn id‑dehriet bdew fil‑15 t’April 1980. Huwa jirrakkonta li f’żewġ iljieli differenti f’April huwa kien mar fis‑sagristija fejn sab id‑dawl mixgħul. Ħaseb li kienu ħallewh xi nisa bi żball, u għalhekk ċanfarhom. Imbagħad, fil‑lejl tal‑15 t’April, Bernardo reġa’ ra d‑dawl fis‑sagristija, u daħal biex jitfih. Imma din id‑darba baqa’ mistagħġeb meta ra dawl jiddi madwar l‑istatwa ta’ Marija Bambina. Meta resaq fil‑qrib induna li d‑dawl kien ħiereġ mill‑istatwa stess. Huwa qal lin‑nies tal‑lokal dwar dak li kien ra u talabhom biex iżommu dan sigriet, imma n‑nies bdew ixandru din il‑ħaġa u xi wħud bdew jirredikolawh u jgħidu li kien qiegħed jimmaġina l‑affarijiet. Saħansitra anki l‑kappillan ddubita mill‑istqarrijiet tiegħu. Ta’ min jgħid li f’dak iż‑żmien in‑Nikaragwa kienet għaddejja minn gwerra ċivili. Il‑Gvern Sandinista kien qiegħed iħabbat wiċċu m’oppożizzjoni mill‑armata tal‑Contras, li kienu magħmula minn diversi gruppi ribelli appoġġjati u ffinanzjati mill‑Istati Uniti, u kienu attivi mill‑1979 sal‑1990 kontra l‑gvern. Dawn il‑gruppi wettqu bosta ksur tad‑drittijiet umani u użaw tattiċi terroristi fin‑Nikaragwa. In‑nies ta’ dan il‑pajjiż kienu qegħdin ibatu ħafna, kemm minn din il‑gwerra kif ukoll minn terremot li kien seħħ hemm.
Fit‑8 ta’ Mejju, Bernardo, għall‑ħabta tat‑tlieta ta’ waranofsinhar kien fi triqtu lura lejn daru wara li kien mar jistad. Ried imur jitma’ l‑annimali tiegħu u mbagħad imur il‑kappella biex jgħid ir‑rużarju man‑nies fil‑5:00pm. Hekk kif kien miexi ra żewġ feġġiet ta’ dawl fis‑sema (beraq) minkejja li ma kienx maltemp. Fit‑tieni berqa dehritlu mara sabiħa f’wiċċ l‑ilma fuq sħaba. Il‑mara fetħet dirgħajha u minnhom ħarġu raġġi ta’ dawl. Huwa staqsieha min kienet u hija wieġbet: “Jiena ġejja mis‑sema. Jiena Omm Ġesù.” Kompliet tgħidlu li riedet li jingħad kuljum ir‑rużarju. In‑nies fil‑parroċċa kienu diġà qegħdin jagħmlu hekk peress li Mejju huwa x‑xahar tal‑Madonna. Imma hija qaltlu li jeħtieġ li jgħidu r‑rużarju kuljum fil‑familja, ġenituri mat‑tfal

u mhux fix‑xahar ta’ Mejju biss. Qaltlu wkoll li l‑Mulej ma jħobbx li t‑talb tar‑rużarju jingħad bl‑għaġla jew b’mod mekkaniku. Għalhekk, irrikkmandat li r‑rużarju għandu jingħad bla distrazzjonijiet, u matulu wkoll ikun hemm qari u meditazzjoni ta’ siltiet mill‑Bibbja, u li jpoġġu fil‑prattika l‑Kelma t’Alla. Hija ħeġġet ukoll id‑devozzjoni tal‑Ħames l‑Ewwel Sibtijiet, bħalma għamlet f’Fatima.
Fit‑8 ta’ Ġunju 1980, Bernardo kellu dehra billejl tal‑Madonna, li fiha wrietu erba’ viżjonijiet li Bernardo ddeskriviehom bħala ‘film fis‑sema’. Ra purċissjoni ta’ qaddisin: L‑ewwel ra grupp kbir ta’ nies lebsin l‑abjad b’ġisimhom jiddi d‑dawl, ikantaw u mexjin lejn is‑sema. Dawn kienu l‑Ewwel Insara. Imbagħad ra grupp kbir ieħor ta’ nies, li aktar tard Bernardo emmen li kienu Dumnikani, lebsin l‑abjad b’kuruni kbar luminużi tar‑rużarju f’idejhom. Wieħed minnhom kien qiegħed iġorr ktieb kbir. Huwa qara minnu, imbagħad kulħadd fis‑skiet immedita fuq il‑kliem tal‑Iskrittura, u wara kollha talbu l‑Missierna u għaxar Ave Marijiet. Wara kien hemm ukoll Franġiskani u ħafna Nsara oħra mexjin kollha lejn is‑sema. Fit‑8 ta’ Settembru, il‑Madonna reġgħet dehret fis‑sema, iżda din id‑darba kellha dehra ta’ tifla żgħira. Bernardo qalilha li n‑nies tal‑belt riedu jibnu knisja f’ġieħha, imma hija qalet: “Il‑Mulej mhux bilfors irid knisja materjali. Irid tempji ħajjin li huma intom.” Fit‑13 t’Ottubru, Bernardo kellu l‑aħħar

dehra tal‑Madonna. Huwa qalilha li ħafna min‑nies ma jemmnux fiha. Dan ġiegħel lil Marija tibki, għalhekk Bernardo talabha maħfra. Għal darb’oħra, il‑Madonna ħeġġitu jitlob ir‑rużarju u qaltlu li l‑poplu m’għandux biss jitlob għall‑paċi, imma li għandu jistinka u jaħdem hu stess għall‑paċi fid‑dinja filwaqt li jaħfru u jħobbu lil xulxin. Marija talbet ukoll lil Bernardo u lin‑nies kollha biex jaċċettaw it‑tbatija tad‑dinja u jitolbu s‑saħħa ħalli jġorru s‑slaleb tagħhom. Għalkemm qalet li mhux se tibqa’ tidher lilu, Marija qaltlu: “Tinkwetax. Jien miegħek, għalkemm mhux se tarani aktar. Jien Omm ta’ kulħadd. Itlob, itlob ibni r‑rużarju għad‑dinja kollha. Għid lil dawk li jemmnu u lil dawk li ma jemmnux li d‑dinja hija mhedda minn perikli gravi. Jiena nitlob lill‑Mulej biex iserraħ il‑ġustizzja tiegħu, imma jekk il‑bnedmin ma jinbidlux ikunu qed iħaffu il‑wasla tat‑Tielet Gwerra Dinjija.”
Approvazzjoni tad‑dehriet:
Fl‑1982, l‑Isqof Awżiljarju Bosco M.Vivas Robelo tal‑Arċidjoċesi ta’ Managua, awtorizza l‑pubblikazzjoni tar‑rakkonti tad‑dehriet tal‑Verġni Marija f’Cuapa. Id‑dehriet ġew rikonoxxuti bħala ‘denji ta’ twemmin’ mill‑isqof u mill‑Konferenza Episkopali tan‑Nikaragwa. Fl‑istess żmien, l‑Isqof Pablo Mantilla ta’ Juigalpa, id‑djoċesi fejn seħħew id‑dehriet, kien qiegħed jistudja l‑awtentiċità tad‑dehriet Marjani hemmhekk “biex ikun jista’ jgħin fid‑dixxerniment tal‑valur veru tal‑messaġġi msemmija.” Fl‑1994, l‑Isqof Robelo li mbagħad kien imexxi d‑Djoċesi
ta’ León, stqarr: “Jiena nawtorizza l‑pubblikazzjoni tal‑istorja tad‑dehriet ta’ Marija Bambina f’Cuapa u l‑messaġġi mogħtija lil Bernardo Martinez. Jalla din il‑pubblikazzjoni tgħin lil min jaqraha biex jiltaqa’ ma’ Ġesù Kristu fil‑Knisja permezz tal‑medjazzjoni ta’ Omm Sidna.” Eventwalment, Bernardo Martinez, wara li temm l‑istudji kollha tiegħu fis‑seminarju minuri u maġġuri, ġie ordnat saċerdot fl‑20 ta’ Awwissu 1995 fil‑Katidral ta’ León, in‑Nikaragwa, fl‑età ta’ 64 sena. Dun Bernardo miet fis‑sena 2000 u ġie midfun fil‑kappella ċkejkna u qadima ta’ Cuapa, proprju fejn kien ra d‑dawl ħiereġ mill‑istatwa tal‑Madonna.
AVVIŻ IMPORTANTI
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ id‑Direttiva Nru 19 u fost l‑oħrajn avża li, mill‑1 ta' Jannar 2022, il‑banek lokali kollha mhux ser isarrfu aktar ċekkijiet li jammontaw għal €20 jew anqas. Għalhekk niġbdulkom l‑attenzjoni u nitolbukom sabiex l‑abbonament tar‑rivista Malta Missjunarja, isir billi tagħżel waħda minn dawn l‑għażliet:
1. 'Cash' ‑ billi tmur personalment f'wieħed mill‑uffiċini tagħna fil‑Belt jew il‑Mosta,
2. Permezz ta' 'bank transfer' (ara dettalji f'paġna 17),
3. Tabbona għal sentejn b’ċekk ta’ €21 pagabbli lil Missio Malta
(ara dettalji hawn taħt u formola fil‑paġna ta' wara).
Missio jirriserva d‑dritt li, f'ċirkostanzi li m'għandux kontroll fuqhom, jieħu deċiżjonijiet għall‑benefiċċju tal‑qarrejja u tal‑missjonijiet li nsostnu. Għal aktar tagħrif ikkuntattjana fuq 2123 6962. Grazzi mill‑qalb ‑ Missio Malta
Rivista missjunarja b’40 paġna, kollha bil‑kulur, maħruġa minn Missio (Uffiċċju Missjunarju) għal aktar minn 80 sena
Aġġorna ruħek fuq id‑Dinja Missjunarja. Abbona fir‑Rivista Malta Missjunarja fejn issib: Aħbarijiet mid‑dinja missjunarja | Intenzjoni tax‑xahar Esperjenzi missjunarji Maltin u Għawdxin | Ċajt u kompetizzjonijiet

Dan kollu għall‑prezz ta’ €21 għal abbonament ta’ sentejn li jinkludi wkoll Kalendarju MIssjunarju b‘xejn.